Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #20531 Sitting 451 2021-04-21 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

skema tax-Xogħol fil-Komunità — msieħba

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' msieħba fl-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità sena b'sena mis-sena 2009 sas-sena 2020 u kemm hemm minnhom li jaħdmu Malta u kemm minnhom jaħdmu Għawdex ? Jista' l-Ministru jispjega jekk hemmx xi limitu għaż-żmien li l-imsieħba jibqgħu f'din l-iskema ? Kemm huma tenuti li jaħdmu fil-ġimgħa l-imsieħba f'din l-iskema ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għandek issib in-numru ta’ msieħba fl-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità sena b'sena mis-sena 2009 sas-sena 2020 u kemm hemm minnhom li jaħdmu Malta u kemm minnhom jaħdmu Għawdex. Minn meta bdiet l-iskema (fl-2009), qatt ma kien hemm limitu għaz-zmien li l-imsieħba jibqgħu f'din l-iskema. L-imsieħba f'din l-iskema obligati jaħdmu skont il-kuntratt tagħhom li ivarja minn full-time, part-time u reduced hours .

Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship Scheme

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex qed jintalbu illi jwettqu xogħol ta' manutenzjoni u tindif ? Jaħsiebx il-Ministru illi dan m'hux l-aħjar mod kif dawn l-imsieħba jiġu ppreparati sabiex iwaqfu kooperattiva ? X'korsijiet ser jingħataw dawn l-imsieħba sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-għan ta' din l-Iskema ? Kemm iridu jqattgħu ħin bejn xogħol u taħriġ fil-ġimgħa l-imsieħba ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-manutenzjoni u t-tindif huma qasam vast u ukoll neċessarju sabiex l-ambjent ta’ madwarna jinżamm nadif u mantnut bl-aħjar mod possibli biex joffri kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadin. Nemmen li l-Onor. Interpellant jaqbel ukoll li parti mill-istrateġija biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità lejn Għawdex tiddependi wkoll fuq ħidma bla waqfien ta’ manutenzjoni u tindif biex il-Gżira Għawdxija tinżamm dejjem nadifa u fi stat tajjeb. Bażikament kieku dan ix-xgoħol ma jsirx mill-ħaddiema mseħbin f’ din l-iskema, ix-xogħol ikollu jsir permezz ta’ outsourcing . Minbarra dan ix-xogħol ta’ tindif u manutenzjoni, u li twettaq taħt superviżżjoni, dawn il-ħaddiema diġà wettqu ħidma fir-riġenerazzjoni ta’ Trionfi House li ser tintuża għal skop soċjali. Kuntrarjament għal dak li qed jissuġġerrixxi l-Onor. Interpellant, dan huwa qasam li qed joffri opportunità lill-parteċipanti sabiex isaħħu l-ħiliet u l-abilitajiet tagħhom. Huwa wkoll qasam sostenibbli u hemm prospetti u pjanijiet tajbin għall-futur. L-iskema fiha nnifsha hija taħriġ kontinwu u hi maqsuma fuq żewġ binarji – taħriġ on-site training u taħriġ off-site. Il-korsijiet tat-taħriġ off-site huma relatati ma’ aspetti varji sabiex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet kif ukoll jiksbu l-informazzjoni kollha neċessarja relatata mal-koperattivi soċjali. Dan għaliex bħala entità ewlenija fil-qasam soċjali, l-FSWS, trid tgħin lin-nies vulnerabbli li jirrikorru għall-għajuna tagħha, jirrintegraw lura fis-soċjetà u ukoll jiġu mgħejuna jiksbu ħiliet bażiċi li jistgħu jużaw fil-ħajja tax-xogħol. Din l-għajnuna qiegħda testendi ruħha ukoll sabiex dawn l-individwu ikunu jistgħu ukoll jimirħu f’xogħol għal rashom, bħala self-employed, bil-għajnuna ta’ intrapriżi soċjali.

Public Broadcasting Services Ltd – Public Service Obligation Agreement

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20380, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-ftehim tal-Public Service Obligation Agreement konkluż mal-Public Broadcasting Services Ltd fuq il-Mejda tal-Kamra kif kien mitlub f'dik il-mistoqsija? Jista' jpoġġi wkoll kopja tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza fuq Għajnuna Mogħtija mill-Istat fir-rigward ta' dan il-ftehim?

Response (ABELA, CARMELO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim tal-PSO. Dwar it-tieni mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija proċedura interna.

PBS – bord editorjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jifforma parti mill-bord editorjali tal-Public Broadcasting Services Ltd? Kemm-il darba ltaqa' dan il-bord fl-2020? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-policy ta' dan il-bord editorjali fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tliet membri maħtura fil-Bord Editorjali tal-PBS huma s-sur Joseph Sammut bħala Chairperson u s-sur Charles Flores u Dr Martin Fenech bħala membri. Dwar it-tieni mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 17846. Il-policy hija dik stabbilita sa mill-2004.
Leg 13 PQ #20522 Sitting 450 2021-04-20 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta’ Fast Ferry

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'sussidju ser jingħata lir-residenti Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jużaw is-servizz ta' fast ferry? Jista' jgħid jekk hux ser jiġu imposti kundizzjonijiet ta' kemm u fi x'ħin iridu joperaw vjaġġi l-operaturi liċenzjati sabiex joperaw dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawk il-ħaddiema u studenti Għawdxin li bħalissa qed jirċievu s-sussiddju, ser jibqgħu jirċievu l-istess sussiddju kemm jekk jużaw is-servizz tal-Gozo Channel kif ukoll jekk jagħżlu li jużaw s-servizz li mistenna jibda tal-fast ferry.
Leg 13 PQ #20523 Sitting 450 2021-04-20 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Air Malta – Ristruturazzjoni – skema SURE

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan sabiex Malta tissellef mill-Unjoni Ewropea taħt l-iskema SURE bħala parti mir-ristruturazzjoni tal-Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672, l-għan tas-self taht l-iskema SURE huwa li li tappoġġja skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar u mi¿uri simili sabiex tgħin lill-Istati Membri jipproteġu l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ dhul. In-natura ta’ l-ispiza imsemmija mill-interpellant ma hix eliġibbli ghall-għajnuna taħt din l-iskema.

Operazzjoni Irini – pożizzjoni ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali ta' Malta fir-rigward tal-Operazzjoni Irini tal-Unjoni Ewropea li hija intiża sabiex timplimenta l-embargo tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' armi lejn il-Libja u t-traffikar ta' immigranti? Jista' l-Ministru jispjega għala Malta esprimiet riservi flimkien mat-Turkija u l-gvern Libjan dwar din il-missjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill Onor. Interpellant li Malta temmen bis-sħiħ li l-embargo tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar tal-armi lejn il-Libja għandu jigi nfurżat sabiex ikun hemm il-paċi u s-sigurtà f'dan il-pajjiż. Għalhekk Malta saħqet u tkompli tisħaq sabiex dan l-embargo jiġi osservat mill-kommunità internazzjonali ħalli b’hekk l-Operazzjoni Irini tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha b'mod effettiv u imparzjali. Matul din is-sena Malta qablet li din l-Operazzjoni titkompla. Malta kienet esprimiet riżervi dwar l-Operazzjoni Irini s-sena li għaddiet fid-dawl tal-kriżi tal-immigrazzjoni, primarjament minħabba n-nuqqas ta’ solidarjetà rigward ir-rilokazzjoni ta’ immigranti irregolari. Matul din is-sena komplejna nisħqu li l-oġġettiv marbut mat-traffikar tan-nies ta’ din l-operazzjoni, għandu jingħata l-importanza li jixraqlu. Riżervi oħra li esprimejna huma frott id-dubji dwar l-effettività u l-imparzjalità ta’ din l-Operazzjoni peress li tinkoraġġixxi mblokk tal-armi mill-baħar, iżda tonqos milli tindirizza rotot bejn il-fruntieri fuq l-art u bl-ajru.

Servizz ta’ Fast Ferry

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19756 u jispega għalfejn il-Gvern iddeċieda li jillimita s-servizz ta' fast ferry għall-passiġġieri biss? Jista' l-Ministru jikkonferma li din l-għażla ma saritx minħabba li kien hemm xi pressjoni f'dan ir-rigward minn xi operatur partikolari? Ma jidhirlux il-Ministru illi n-nefqa ta' €3.2 m għall-floating pontoon fil-Port il-Kbir kienet tkun ta' ħafna aktar utilità kieku dan il-pontoon jakkomoda wkoll karozzi u trakkijiet u jippermetti vjaġġi mill-Gozo Channel (Operations) Ltd. għas-servizz tagħha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-fast ferry bejn Mġarr u l-Belt għal passiġġieri huwa kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali. Il-Proġett tal- floating pontoon hi proposta li kienet qed tiġi kkunsidrata. Saru pjanijiet oħra u bħalissa qed isir moll fiss fiż-żona ta’ Barriera Wharf li jista’ jaqdi l-istess skop.

Public Broadcasting Ltd – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm fl-aħħar tmien snin kien hemm ħaddiema fil-Public Broadcasting Services Ltd li rriżenjaw, marru jaħdmu mal-Gvern u rritornaw jaħdmu mal-Public Broadcasting Services Ltd wara sejħa ġdida? F'liema taqsima tal-kumpanija kienu jaħdmu qabel? Ma’ liema ministeru jew entità marru jaħdmu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar tmien snin kien hemm żewġ ħaddiema li rriżenjaw minn mal-Kumpanija u rritornaw jaħdmu mal-Public Broadcasting Services Ltd. wara sejħa ġdida. Iż-żewġ persuni kienu jaħdmu mat-Taqsima tal-Aħbarijiet.

Public Broadcasting Services – ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li preżentement jaħdem mal-Korp tal-Pulizija għadux fuq il-kotba tal-Public Broadcasting Services Ltd u jekk jistax jirritorna mal-kumpanija meta jidhirlu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwuli d-dettalji dwaru ngħataw separatament għadu fuq il-kotba tal-Public Broadcasting Services Ltd u jista’ jirritorna mal-kumpanija.

Public Broadcasting Services Ltd – news editor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-News Editor tal-Public Broadcasting Services Ltd, qabel daħlet f’dan l-irwol kenitx ingħatat career break jew secondment biex tmur taħdem mal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-News Editor kienet ngħatat secondment biex tmur taħdem mal-Ufficcju tal-President ta’ Malta fi żmien meta l-Kumpanija kellha fis-seħħ policy differenti minn dik attwali.

COVID-19 – vaċċin tal-Jansen

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jasal u jibda jintuża l-vaċċin kontra l-COVID-19 tal-Jansen (Johnson & Johnson)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed issir diskussjoni dwar il-vaċċin tal-Jansen (Johnson & Johnson) mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-rilaxx ta’ dan il-vaċċin f’Unjoni Ewropeja ġie temporanjament miżmun mill-kumpanija Johnson & Johnson.

Public Broadcasting Services Ltd – Public Service Obligation Agreement

Question

Jista' l-Ministru jispjega xi proċedura ntużat sabiex ġie konkluż il-Public Service Obligation Agreement mal-Public Broadcasting Services Ltd? Jista' jpoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dwar il-PSO saru diskussjonijiet li kienu jinvolvu lill-Ministeru tal-Finanzi u l-Bord ta’ Sorveljanza fuq Għajnuna Mogħtija mill-Istat.

Public Broadcasting Services Ltd — riforma

Question

Jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti l-programm ta' riforma li tħabbar li pprepara l-bord tal-Public Broadcasting Services Ltd fl-1 ta' April 2021? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-programm fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-operat tal-Public Broadcasting Services Limited, kemm bħala kumpanija u kif ukoll bħala xandir pubbliku huwa wieħed awtonomu mill-Gvern. Il-pjan ta’ riforma mħejji mill-Bord huwa wieħed kunfidenzjali peress illi jikkontjeni informazzjoni li hija kummerċjalment sensittiva.

Public Broadcasting Services Ltd – Chairman eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kif intgħażlet il-persuna li nħatret bħala Chairman Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Ltd fl-1 ta' April 2021? X'esperjenza għandha din il-persuna fil-qasam tax-xandir? X'remunerazzjoni u benefiċċji għandha din il-persuna u għalkemm hu twil il-kuntratt ta' ingaġġ tagħha? X'tibdiliet oħra saru fl-istess data fil-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services Ltd li kien ilu biss seba' xhur ikkostitwit?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif ġara tul dawn l-aħħar snin u taħt amministrazzjonijiet differenti, il-Gvern bħala azzjonista jaħtar id-diretturi, fosthom Chairperson biex imexxu il-kumpanija Public Broadcasting Services Limited. Dwar l-irwol eżekuttiv ta’ Chairperson, dan l-irwol jingħata mill-Bord tad-Diretturi stess u mhux mill-Gvern. L-informazzjoni l-oħra mitluba tirrelata direttament mal-operat ta’ kumpanija kummerċjali u għaldaqstant hija waħda kummerċjalment sensittiva. Ma kien hemm l-ebda tibdil ieħor fil-Bord tad-Diretturi.

Public Broadcasting Services –ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin, kemm ingħataw career breaks, secondments jew opportunitajiet lill-ħaddiema tal-Public Broadcasting Services Ltd sabiex iwettqu xogħol ma entitajiet governattivi, entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati jew bnadi oħra? Meta ngħataw dawn l-opportunitajiet, sena b'sena? Għal kemm tul ta' żmien? Kemm kien hemm minn dawn l-individwi li rritornaw lura mal-Public Broadcasting Services Ltd?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Talbiet għal career breaks jew secondments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks jew secondments li ma ġewx milqugħa fl-aħħar 8 snin? Għal liema raġuni dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #20228 Sitting 447 2021-04-13 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

MCCAA – rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar tariffi tal-banek kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18067 u jispjega x'kien l-eżitu tal-ittra li ddikjara li ser jikteb fis-27 ta' Ottubru 2015 lill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur wara r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni dwar it-tariffi tal-banek kummerċjali tat-28 ta' Lulju 2015? Xi progress ġie reġistrat sabiex ikun hemm aktar trasparenza fit-tariffi tal-banek kummerċjali u imgħaxijiet fuq self ikunu aktar in linea mal-Medja Ewropea? Jista’ jiddikjara jekk hux sodisfatt bil-progress li ġie reġistrat s'issa sabiex l-imgħaxijiet fuq is-self ikunu skont il-Medja Ewropea u x'beħsiebu jagħmel sabiex dan il-għan jintlaħaq?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara l-komunikat mill-Ex Ministru Edward Scicluna, l-MFSA flimkien mal-Bank Ċentrali fl-2015, kellhom laqgħat regolari mal-MCCAA dwar ir-rati tal-imgħax tal-bank. L-MCCAA eventwalment ippubblikat ir-rapport li hu disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-MCCAA. L-MFSA pprezentat wkoll rapport lill-MCCAA fuq tariffi tal-banek. Dan kien rapport numru 5654 fis-seduta plenarja Nru 299 tat-12 ta’ Ottubru 2015. Dan ir-rapport hu disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-Parlament. Tul dawn is-snin sar progress billi l-Gvern għen biex inaqqas l-ispejje¿ ta imgħax fuq self lin-negozji. Dan għamlu billi ħeġġeġ lill-banek Maltin jipparteċipaw fi skemi, bħal Jeremie u Jamie, b’finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Fond Ewropew tal-Investiment, b’rati tal-imgħax vantaġġjuzi biex ikunu jistgħu jagħtu self lill-negozji Maltin b’imgħax sa aktar minn tnejn fil-mija anqas mir-rati ta self li jkunu applikabbli. Apparti dawn l-iskemi, il-Gvern waqqaf Il-Bank Malti għall-Izvilupp bl-iskop li dan jidħol ukoll f’arranġamenti mal-banek Maltin sabiex isir self b’kundizzjonjiet aktar vantaġġjuzi, fosthom bi tnaqqis fir-rati tal-imgħax. Il-Bank Malti ghall-Izvillupp diġà qed jislef b'rati ta' 0% għall-ewwel sentejn tas-self, u b’rati oħra mnaqqsa. Mill-2015 sa Novembru 2020, il-banek lokali, inkluz Il-Bank Malti ghall-Izvillupp, approvaw b’kollox self ta madwar €565 miljun b’rati ta imgħax vantaġġjuzi, filwaqt li l-Bank Malti għall-Izvillupp għad jista jislef sa kwazi €390 miljun oħra b’dawn ir-rati vantaġġjuzi.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Membri tal-Monitoring Board

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17693 u jindika min huma l-membri tal-Monitoring Board tal-Ħabs ta' Kordin, kemm-il darba u fejn ltaqgħu fis-sena 2020, x'rimunerazzjoni jirċievu u x'passi ħadu sabiex jinvestigaw l-allegazzjonijiet serji li qed isiru dwar it-tmexxija tal-istess ħabs ta' Kordin ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-bord li qed jirreferi għalih iltaqa’ ħames darbiet fl-2020. Dan fid-dawl tal-pandemija li ħasdet lil pajjiżna u r-restrizzjonijiet kollha li ġabet magħha. Il-bord normalment jitlaqqa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li waqt il-bidu tal-pandemija għamel ġimgħat twal b’ numru ta’ restrizzjonijiet interni bil-għan ewlieni li jipproteġi lir-residenti tal-Faċilità.
Leg 13 PQ #20230 Sitting 447 2021-04-13 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Unjoni Ewropea – Skema Sure – self lill-Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' imgħax fuq is-self għal ħmistax-il sena li Malta għadu kemm akkwista mill-U.E. taħt l-iskema SURE? Jista' jispjega kif ser jintużaw il-€244 m li s'issa ġew mislufa taħt din l-iskema s'issa? Hemm xi pjanijiet li Malta tissellef aktar taħt din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-16 ta’ Marzu 2021, Malta rċeviet mill-Kummissjoni Ewropea €123 miljun nominali f’self għall-perjodu ta’ 15-il sena b’rata ta’ mgħax vantaġġuza bħala assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE. Aktar dettalji dwar dan is-self jinsabu fit-tabella li tidher hawn taħt: Self għall-perjodu ta’ 15-il sena Ammont Nominali €123,000,000 Kupun 0.20% Rendiment 0.228% Din it-transazzjoni ġiet ukoll imħabbra fi Stqarrija għall-Istampa maħruġa fis-16 ta’ Marzu, 2021 mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. Dan is-self serva sabiex iffinanzja parzjalment iz-zieda fl-ispiza pubblika relatata ma nfieq sabiex ikunu salvagwardjati l-impjiegi. Fil-konkret dan jinkludi parti mill-ispiża fuq is-Suppliment tal-Paga, kif ukoll il-benefiċċji temporanji għall-ġenituri, persuni b’diżabilità u l- benefiċċju mediku. S’issa ġew allokati u mislufa €244 miljun nominali b’rabta mal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif tal-Istrument Ewropew għall-Appoġġ Temporanju biex jitnaqqsu r-riskji tal-qgħad f'emerġenza (SURE) marbuta mal-imxija tal-Covid-19. Matul Marzu 2021, il-Gvern issottometta applikazzjoni oħra ta’ self sabiex jiffinanzja parzjalment l-estensjoni tas-suppliment tal-paga li tħabbret mill-Gvern nhar id-9 ta’ Marzu.