Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – bini ta’ sptar

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 17777, 18163 u 19151, issa li ġie kkonfermat illi m'huma għaddejja l-ebda negozjati ma' Steward Health Care dwar il-kuntratt ta' konċessjoni li din tal-aħħar għandha mal-Gvern Malti, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti sabiex jinbena sptar akut f'Għawdex, jekk ġiex identifikat is-sit tiegħu, meta ser jibda x-xogħol fuqu, meta hu previst li jitlesta, kemm hu mistenni li ser jiswa u kemm ser ikollu sodod? Jista' jispeċifika jekk dan l-isptar hux ser jinbena mill-konċessjonarju u għaliex in-nuqqas ta' bini ta' dan l-isptar mhux meqjus mill-Gvern bħala ksur tal-kuntratt da parti tal-konċessjonarju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt ta’ Konċessjoni bejn il-Gvern u Steward Healthcare għadu fis-seħħ.

Public Broadcasting Services – Chairman Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu s-salarju taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Ltd u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Sptar Mater Dei – operazzjonijiet fuq il-parti baxxa tad-dahar

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex l-operazzjonijiet fuq il-parti baxxa tad-dahar m'humiex fil-preżent isiru fl-Isptar Mater Dei u qed jiġu postposti għal jum ieħor? Jista’ jikkonferma li dan qed iseħħ minħabba xi nuqqas ta' apparat u jistax jgħid meta dawn l-operazzjonijiet issa ser isiru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm dewmien ta’ ftit ġimgħat sakemm prodott li jintuża waqt certi l-operazzjonijiet jiġi konsenjat f’Malta. Din il-problema ġiet risolta u dawn l-operazzjonijiet qedgħin isiru.
Leg 13 PQ #24296 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklutaġġ ta’ ħaddiema minn aġenziji fis-settur pubbliku – Public Service Management Code

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu applikabbli l-Public Service Management Code lill-ħaddiema li jiġu reklutati direttament mill-bosta aġenziji li llum jeżistu fis-settur pubbliku, kif isir tali reklutaġġ u x'ġurisdizzjoni għandha l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fuq tali ħaddiema?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Public Service Management Code japplika biss għal uffiċjali pubbliċi mhux għal impjegati pubbliċi. Ir-reklutaġġ fl-agenziji jsir skont il-ligijiet applikabbli. Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għandha gurisdizzjoni biss fuq uffiċjali pubbliċi.
Leg 13 PQ #24297 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Skema tal-Ħaddiema tal-Kommunità — imsieħba

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23546, jidhirlux il-Ministru li n-numru ta' msieħba fl-Iskema tal-Ħaddiema tal-Kommunità li marru jaħdmu fis-settur privat matul is-snin hu baxx ħafna u juri li din l-Iskema mhux qed tagħmel sforzi biżżejjed sabiex imsieħba jmorru jaħdmu fil-privat? Jidhirlux li dawn il-figuri juru li l-għan primarju ta' din l-Iskema fallew u din l-Iskema m'hi xejn ħlief paraventu għal aktar impjieg fis-settur pubbliku?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waħda mill-għanijiet ta’ din l-iskema hija li toffri opportunita` lil nies b’ċertu ċirkostanzi diffiċli u li kienu inattivi biex isiru produttivi u dan qed isir. L-għan aħħari huwa dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant u se jibqa’ jsir kull sforz għal dan il-għan.
Leg 13 PQ #24298 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

AirMalta p.l.c – ħaddiema li ser jitkeċċew – inizjattivi u programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi u programmi ħa, ħalli ħaddiema li ser jitkeċċew mill-AirMalta p.l.c. jibdew jaħdmu fis-settur privat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħaddiem mhu ser jitkeċċa. Wara li jiġi fi tmiemu l-proċess ta’ l-iskema volontarja tat-trasferiment, imbagħad minn hemm naraw x’ikun l-interess fost l-istess applikanti sabiex jagħmlu xogħol fis-settur privat.

Xandira tal-Programm “Ta’ Filgħodu”

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23966, jista' l-Ministru jgħid kemm il-PBS qiegħed iħallas għall-programm indikat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

Ta’ Qali – Sptar tal-Annimali — tmexxija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23963, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti maħruġ mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u kopja tal-kuntratt ta' ċens temporanju għal 25 sena ma' Animal Pro Health (APH) Ltd li ġie ffirmat fit-12 ta’ Frar 2016?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #24248 Sitting 538 2022-01-25 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Heavy Plant Driver (Group 4)

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24114, jista' l-Ministru jgħid il-grad ta' min ikkwalifika għall-għażla u d-dipartiment li qegħdin fihom fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din is-sejħa kkwalifikaw 21-il individwu, fejn għaxra minnhom jaħdmu mal-Ministeru għal Għawdex, u l-bqija jaħdmu fis-settur pubbliku. Il-kandidati li kkwalifikaw għal din is-sejħa, kollha kemm huma kellhom ir-rekwiżiti neċessarji skont kif kien mitlub fis-sejħa.
Leg 13 PQ #24249 Sitting 538 2022-01-25 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Kumpanija – direct orders

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24110, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Procurement Policy Note No. 32 u jgħid min ħariġha din in-nota u x'awtorità legali għandha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Policy Note qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din inħarget mid-Dipartiment tal-Kuntratti skond il-Leġislazzjoni Sussidjarja 601.03 li tirregola l-akkwist pubbliku.

Malta Enterprise — xiri ta' sehem ordinarju

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24100, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija kompletament u tgħid kemm ħallset Malta Enterprise għall-akkwist tal-ishma fil-kumpanija indikata u jekk il-kumpanija indikata għandhiex assi oħra barra dan is-cyclotron? Tista' tindika għala Malta Enterprise għażlet li ma tixtriex l-ishma kollha f'din il-kumpanija? Tista' tindika meta hu previst li s-cyclotron jibda jaħdem u jekk hijiex l-intenzjoni ta' Malta Enterprise li tibqa' azzjonista f'din il-kumpanija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Malta Enterprise – ishma f’kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tindika kemm-il darba fl-aħħar għaxar snin Malta Enterprise xtrat ishma f'kumpaniji li kienet assistiet u kemm intefqu flus f'kull istanza? X'sar f'kull istanza mill-investiment imwettaq minn Malta Enterprise?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Malta Enterprise – assistenza finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23412 u tgħid kemm ħarġet assistenza finanzjarja Malta Enterprise fl-2015, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019, l-2020 u l-2021 lill-impriżi bbażati f'Għawdex u kemm tali assistenza hi perċentwal tal-assistenza finanzjarja mogħtija globalment minn Malta Enterprise kif ukoll tindika taħt liema programmi ta' assistenza ingħatat l-għajnuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Malta Enterprise – proġetti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23411 u tgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2020 u fl-2021 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 u l-2021, il-Malta Enterprise approvat 15 il-proġett li ser jiġu mplimentati ġewwa Għawdex. Dan ser jiġġeneraw 152 impieg ġdid b’investiment ta 10.4 miljun ewro. Barraminhekk, il-Malta Enterprise rceviet 732 applikazzjoni minn Għawdex taħt l-iskema tal-MicroInvest bl-ammont approvat bħala Tax Credits jammonta għal 8.97 miljun ewro u f’Cash Grants jammonta għal 478,758 ewro
Leg 13 PQ #24116 Sitting 537 2022-01-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Direct Orders Office – direct orders approvati

Question

Jista' l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li ġew approvati mid-Direct Orders Office tal-Ministeru tiegħu matul l-2021 u jinkludi l-ammont approvat f'kull awtorizzazzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’PQ 23917.
Leg 13 PQ #24117 Sitting 537 2022-01-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Community Workers Scheme — imsieħba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm imsieħba fil-Community Workers Scheme fl-aħħar ta' Diċembru 2021 u kemm swiet din l-iskema matul l-2021? Jista' jgħid kemm daħlu nies ġodda f'din l-iskema matul l-2021, kemm telqu minnha fl-2021 u kemm minn dawn tal-aħħar telqu mill-iskema għax sabu xogħol fis-settur privat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta' Diċembru 2021 kien hemm 981 imsieħba fil-Community Workers Scheme u matul l-2021 l-iskema swiet €15,278,206.15. Matul l-2021 daħlu 31 parteċipant ġdid u telqu minnha 77, li 6 minnhom sabu xogħol fis-settur privat.

Reġistru tal-Art – abbozz ta’ liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-abbozzar ta' liġi ġdida għar-Reġistru tal-Art kif kien wiegħed li ser jippreżenta qabel is-sajf tas-sena l-oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi ġew diskussi diversi proposti biex isiru l-emendi neċessarji għall-att prinċipali, kif ukoll għall-att sussidjarju dwar ir-regoli tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Dawn l-emendi jkopru wkoll is-sistema diġitali ġdida għar-reġistrazzjoni tal-propjetà li għandha tiġi introdotta aktar tard din is-sena. Infurmat ukoll illi dan il-proċess wasal fl-istadju tal-abbozzar tal-emendi fil-liġi.
Leg 13 PQ #24119 Sitting 537 2022-01-24 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Segretarji Permanenti – awtorità għall-approvazzjoni ta’ direct orders

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'awtorità għandhom il-varji segretarji permanenti, awtoritajiet u entitajiet oħra sabiex japprovaw direct orders mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarji Permanenti u l-kapijijet tal-awtoritajiet kuntrattwali għandhom il-fakultà li japprovaw direct orders sal-limitu ta’ €10,000.

Gozo Innovation Hub – kiri ta’ spazju

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm inkera spazju s'issa u kemm għad hemm spazju x'jinkera fil-Gozo Innovation Hub? Jista' jindika kemm kien hemm spazju li ġie allokat għal skopijiet mhux industrijali u taħt liema kundizzjoni tali allokazzjoni saret?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi ghal mistoqsijiet parlamentari,22842, 21884, 23613 u 23886.