Triq li mir-Rabat tagħti għal Marsalforn — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuq it-triq li mir-Rabat tagħti għal Marsalforn skont is-sejħa għall-offerti CT3068/2019 u meta hu previst li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet se jibdew la darba jinħarġu il-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Third Country Nationals li daħlu illegalment f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li mhux Malta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19753 u 18328 u ċioè jgħid kemm hawn Third Country Nationals fil-pajjiż li oriġinarjament kienu daħlu illegalment fl-Unjoni Ewropea f'xi pajjiż ieħor membru tal-Unjoni u mhux f'Malta? Jista' jagħti l-figuri ta' kemm kien hemm Third Country Nationals li ġew ritornati lejn il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea fejn kienu daħlu oriġinarjament skont ir-regolamenti ta' Dublin mill-2010 'l hawn, sena b'sena? U kemm ġew ritornati lejn Malta skont l-istess regolamenti fl-istess perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif jaf l-Onorevoli interpellant, peress illi Malta hija parti miż-żona Schengen tal-Unjoni Ewropea u allura hemm moviment ħieles ta’ persuni li jivjaġġaw bejn l-Istati Membri, mhux possibbli li wieħed ikun jaf kemm hawn ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta li oriġinarjament kienu daħlu llegalment min xi pajjiż ieħor f’din iż-żona u mhux dirett f’dawn il-gżejjer.
Ir-Regolamenti ta' Dublin jikkonċernaw persuni li jkunu applikaw għall-ażil f'Malta meta pajjiżna ma jkunx l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina dik l-applikazzjoni. Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawk il-persuni li diġa huma benefiċċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’Membru Stat tal-Unjoni Ewropea.
Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn Malta minn Stati Membri oħra tal-UE skont ir-regolamenti ta' Dublin kien hemm 2012 – 61, 2013 – 31, 2014 – 91, 2015 – 48, 2016 – 20, 2017 – 20, 2018 – 5, 2019 – 25, 2020 – 16.
Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea fejn kienu daħlu oriġinarjament skont ir-regolamenti ta' Dublin kien hemm – 2012 – 6, 2013 – 5, 2014 – 2, 2015 – 5, 2016 – 22, 2017 – 6, 2018 – 25, 2019 – 10, 2020 – 23.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti – importazzjoni ta’ żerriegħa
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali ħalla tiġi importata żerriegħa b'virus tal-frott imkemmex u kannella tat-tadam (ToBRFV) sal-11 ta' Mejju 2021 minkejja illi kien ilu magħruf mill-bidu ta' Marzu 2021 b'dina l-marda? X'għajnuna finanzjarja qed jippjana l-gvern ħalli jikkumpensa lill-bdiewa minħabba t-telf finanzjarju li din il-marda kkawżatilhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ kull sena d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti jagħmel stħariġġ għal tipi differenti ta’ mard, viruses, insetti, moffof u iktar. Lejn l-aħħar ta’ Marzu instabu l-ewwel tlett każi pożittivi għall-virus tat-ToBRFV. Minħabba li f’Malta ma kienx hawn dan il-virus, id-Direttoratt ħa l-azzjonijiet kollha neċċessarji sabiex jifhem aħjar is-sitwazzjoni preżenti f’Malta u għamel il-kuntatti neċċessarji sabiex jittieħdu iktar kampjuni bil-għan li jiġi stabbilit kemm dan il-virus tat-ToBRFV ġie mifrux madwar Malta u Għawdex. Id-Direttorat qed jieħu l-prekawzzjonijiet meħtieġa biex dan il-virus jiġi eradikat.
L-obbligu tad-Direttorat hu li ma jippermettix l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ materjal tal-pjanti bil-virus ToBRFV. Dan il-materjal jasal Malta dejjem akkumpanjat mid-dokumenti neċessarji bħal per eżempju l-passaport tal-pjanti. Dan il-passaport, li jinħareġ qabel ma ssir il-kummerċjalizzazzjoni, ifisser li r-rekwiżiti tal-liġijiet kienu osservati fosthom li l-materjal ikkonċernat ma jkunx fih il-virus ToBRFV.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti qed ifassal pakkett ta’ miżuri għal għajnuna mill-Istat biex jingħata kumpens finanzjarju lill-bdiewa li kellhom jeqirdu x-xitel tagħhom fuq ordni tad-Direttorat biex il-virus tat-ToBRFV jiġi kkontrollat u eradikat.
Jista' l-Ministru jelenka l-konsulenti kollha li tqabdu mill-Ministeru għal Għawdex mill-2013 'l hawn, maqsuma sena b'sena, x'kien l-inkarigu tagħhom u kemm tħallsu jew qed jitħallsu għal tali inkarigu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 18160.
Jista' l-Ministru jispjega x'vantaġġi qed tieħu l-kumpanija Gozo Channel illi flok ma timpjega l-ħaddiema direttament hi, tqabbad kuntrattur sabiex iħaddem il-ħaddiema hu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jsir l-istudju neċessarju.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 20855 tal-4 ta' Mejju 2021, jista' l-Ministru jispjega kif l-awditur tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd jieħu żball daqshekk oħxon, sena wara sena u ħawwad "bank charges" ma' imgħax imħallas lill-Gvern? Jista' jispjega għaliex kienu dovuti dawn il-"bank charges" meta l-"audited accounts" tal-kumpanija għas-sena 2019 ma jurux li l-kumpanija kellha xi self bankarju, anzi kellha ċirka € 3.5m depożitati mal-banek?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2019 il-kumpanija kellha bank charges li jammontaw għal €72,566. Dawn kienu dovuti lil Bank of Valletta u fl-income statement dehru taħt it-titlu Finance Costs. Peress li l-Bank of Valletta huwa kkunsidrat bħala related party tal-Gozo Channel għaliex huma t-tnejn kkontrollati mill-Gvern, dan l-ammont ġie mdahhal ukoll taħt nota 21 bhala “Related party transactions”.
Ċentru tal-Università ta’ Għawdex – xogħlijiet ta’ Estensjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet ta' estensjoni taċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex u meta ser jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-estensjoni tal-Kampus t’Għawdex ser ikun hemm laboratorju tal-kompjuters, sala tal-lekċers, kmamar għas-seminars/konferenzi bi spazju għall-interpretazzjoni simultanja u board room, imħażen kif ukoll zona msaqqfa għall-karozza tal-kampus.
Bl-ammont ta’ xogħol involut, qegħdin nippjanaw li dan ix-xogħol jitlesta sal-2023.
Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet jingħataw miċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex, kemm kien hemm studenti bejn l-2015 u l-2020 f'dawn il-korsijiet u xi pjanijiet hemm għal korsijiet oħra fl-istess ċentru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Rigward is-snin akkademiċi 2018/19, 2019/20 u 2020/21, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 17681 u 20060. Fir-rigward tal-korsijiet li kienu ngħataw bejn sitta u erba' snin ilu, din l-informazzjoni tkun tista' titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra appena tinġabar.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20529, jista’ l-Ministru jikkonferma li din ir-risposta tfisser li l-Gvern ma jafx meta ser titlesta d-Dar tal-Anzjani li hemm ippjanata fl-ex Dar ta' San Ġużepp f'Għajnsielem? Jista' jagħti risposta għat-tieni parti ta' dik id-domanda u jgħid kemm hi mikrija din id-dar u meta ser tiskadi l-kirja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 20529.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm sar tilqim kontra l-COVID-19, xahar b'xahar u x'tip ta' vaċċin intuża kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex sal-aħħar ta' April 2021?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-aħħar t’April ta’ din is-sena ngħataw 98,330 dożi tal-vaċċin Vaxzevria, 19,517 mill-Moderna u 218,001 mill-Comirnaty.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stadju waslu n-negozjati ma' Steward Health Care dwar l-isptarijiet li qed tmexxi fil-preżent u meta hemm ħsieb illi dawn in-negozjati jintemmu? Xi pjanijiet hemm dwar il-bini tat-tieni sptar f'Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-diskussjoijiet għadhom għaddejjin.
Gozo College Middle School – Xogħlijiet waqt il-ħin ta’ skola
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma li fit-13 ta' Mejju 2021 waqt il-ħin ta' skola saru xogħlijiet fil-Gozo College Middle School, liema xogħlijiet iddisturbaw il-klassijiet li kienu għaddejjin? Tista' tikkonferma li dawn ix-xogħlijiet kienu jirrigwardaw it-tneħħija tal-kontrabejt li issa m'għadux meħtieġ, peress li nbena sular ieħor? Għala dawn ix-xogħlijiet ma sarux x'ħin ma kienx hemm studenti, meta suppost il-bennej kien intrabat li ma jaħdimx waqt il-ħin tal-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fis-sit fejn qegħdin nibnu Skola Primarja ġdida u estensjoni tal-Middle School eżistenti fir-Rabat, Għawdex, qiegħed isir bl-inqas inkonvenjent possibbli lill-operat tal-iskola. Fil-fatt ħafna mix-xogħol qiegħed isir wara l-ħin tal-iskola. Fil-każ inkwistjoni dan beda fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ser ikun hemm ħaddiema tal-irmiġġ kemm f'Ta' Liesse kif ukoll l-Imġarr, Għawdex minħabba s-servizz ġdid tal-fast ferries? Jista' jikkonferma li dawn il-ħaddiema ser ikunu ta' kuntrattur imqabbad minn Transport Malta? Kemm ser iħallsu l-operaturi ta' dan is-servizz għas-servizz ta' rmiġġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta se tipprovdi servizz ta’ irmiġġjaturi permezz ta’ kuntrattur. Il-pjan hu li jkun hemm erbgħa Malta u erbgħa Għawdex li jaħdmu bix-xift (shift/roster). Is-servizz se jiġi offrut mingħajr ħlas lill- operaturi tal-fast ferry.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni ħa wara li fl-1 ta' Mejju 2021, ħaddiem ta' kuntrattur li jaħdem mal-Gozo Channel ilmenta miegħu direttament għal mod kif qed jiġi ttrattat minn min iħaddmu u speċjalment minħabba tnaqqis arbitrarju tas-salarji dovuti? Jista' jikkonferma li hu ma ta l-ebda ordni biex dan il-ħaddiem jitneħħa mix-xift tiegħu? Jafx il-Prim Ministru li dan il-ħaddiem ġie mċanfar mill-kuntrattur in kwistjoni u mhedded li jitkeċċa jekk itenni l-azzjoni tiegħu? Għala dan il-kuntrattur qed jingħata dan il-poter kollu fuq ħaddiema li essenzjalment huma impjegati u mħallsa minn entità pubbliku?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Gozo Channel (Operations) Ltd – kuntratturi — tnaqqis ta’ pagi u problemi ta’ leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid għala wara r-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 17774 fid-9 ta' Diċembru 2020 xorta baqgħu jsiru lmenti regulari kontra l-kuntrattur li jħaddem bosta ħaddiema tal-Gozo Channel minħabba tnaqqis arbitrarju tas-salarji dovuti lilhom? X'azzjoni qed tieħu l-Gozo Channel (Operators) Ltd sabiex jinqatgħu dawn l-abbużi minn dan il-kuntrattur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għall-liema kuntrattur qiegħed jirreferi.
Transport Malta – Direttur, Risk Management, Policy u EU Affairs — applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni meta saret sejħa interna għall-pożizzjoni ta' Direttur, Risk Management, Policy and EU Affairs fi Transport Malta? X'inhuma l-mansjonijiet ta' din il-pożizzjoni? Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna magħżula kienet ġiet oriġinarjament impjegata minn Transport Malta wara sejħa pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din il-pożizzjoni applikaw tlett kandidatti u l- mansjonijiet ta’ din il-pożizzjoni huma indikati fil- call for application li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-persuna magħżula għal din il-pożizzjoni ma ġietx magħżula minn sejħa pubblika iżda ġiet redeployed mill-Awtorita’ tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpilazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti istruttorja kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex li fihom għadu ma nħariġx l-att tal-akkuża u kemm ilhom pendenti, sena b'sena?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhux kull kumpilazzjoni pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti istruttorja twassal għall-ħrug ta’ Att tal-Akkuża peress li f’dawk il-ka¿ijiet fejn ir-reat iġorr piena ta’ anqas minn tnax-il sena jinħargu l-artikoli u mhux Att tal-Akkuża. L-Att tal-Akkuża jinħareg meta l-provi kollha jkunu inġabru mill-Qorti Istruttorja. Għal din ir-raġuni ma tin¿ammx statistika mill-Qorti tal-kumpilazzjonijiet pendenti li qed jistennew li jinħareg l-Att tal-Akkuża. Madanakollu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali iżomm informazzjoni dwar kemm jinħargu Atti ta’ Akkuża, fejn mill-1 ta’ Jannar sat-12 ta’ Mejju 2021 inħarġu disa’ Atti ta’ Akkuża.
Faċilità ta’ Rkupru u Resiljenza – Pjan NextGenerationEU – użu mill-Fondi Ewropej
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru sabiex jagħmel użu mill-Fondi Ewropej tal-Faċilità ta' Rkupru u Resiljenza tal-pjan tan-NextGenerationEU?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.