Jista' l-Ministru jgħid fejn u meta nżamm is-summit dwar l-intelliġenza artifiċjali f'Għawdex li għall-organizzazzjoni tiegħu l-Ministeru għal Għawdex ta € 100,000 (Direct Order approvata fit-23 ta' Settembru 2019)? Min kien eliġibbli li jattendi għal dan is-summit, x'kienet l-attendenza tiegħu u x'benefiċċju ħareġ minnu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed isiru fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex? Jista’ jgħid meta bdew, meta ser jitlestewu kemm hu previst li ser jiswew dawn ix-xogħlijiet? Min hu l-kuntrattur li qed iwettaq dawn ix-xogħlijiet?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex.
Infrastructure Malta bdiet il-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr fl-ewwel nofs tal-istess sena. Dan l-investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda.
Matul is-snin f’qiegħ il-baħar f’dawn l-inħawi nġemgħu kwantitajiet kbar ta’ ħama u materjali oħrajn, tant li s-sajjieda ma tantx kien għadhom jistgħu jimmanuvraw il-bċejjeċ tagħhom mal-mollijiet. Permezz ta’ dan il-proġett, din il-parti tal-Port tħammlet biex ¿died il-fond u reġgħet saret aċċessibbli għad-dgħajjes tas-sajjieda.
L-aġenzija qed tinstalla erba’ puntuni ġodda u għamlet faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. Dawn il-puntuni, twal bejn 55 u 150 metru, b’kollox se joffru 286 post għall-irmiġġ. Tnejn mill-puntuni ġodda diġà bdew jintużaw għall-irmiġġ tad-dgħajjes u jonqos biss li jitwaħħlu l-aħħar tnejn biex il-proġett ikun komplut. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se ji¿diedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom.
Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 300 metru ta’ mollijiet fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr. Il-mollijiet ġodda għandhom disinn aktar sigur u aċċessibbli għal dawk kollha li ju¿awhom fix-xogħlijiet jew delizzji marittimi tagħhom u anke għar-residenti lokali u turisti li jżuru dan ix-xatt.
Bħala parti mill-istess mollijiet, l-aġenzija bniet ukoll mill-ġdid wieħed mill-akbar skali f’Għawdex, b’rampa wiesgħa madwar 10 metri u toħroġ 48 metru fil-baħar (nofs it-tul ta’ grawnd tal-futbol). B’fond ta’ madwar sular, is-sajjieda f’dan il-port jistgħu itellgħu u jniżżlu bastimenti kbar sa 45 tunnellata.
Dan il-proġett, li qed joffri aċċessibilità aħjar u aktar sigurtà lis-sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port, jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jin¿ammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tħammil saru minn BH joint venture u l-installazzjoni tal-puntuni minn Sammut Marine.
Fil-Port tal-Imġarr kif ukoll fil-Port il-Kbir, Infrastructure Malta għadha kemm lestiet żewġ terminals ġodda li nbnew fi ftit ġimgħat u tlestew fil-ħin biex proprju llum inawgurajna s-servizz ġdid tal-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer, kif wegħdna li se nagħmlu.
Fl-istess waqt, fost diversi proġetti mrittimi oħrajn, l-aġenzija qed twettaq proġett ieħor ta’ madwar €1 miljun biex issaħħaħ partijiet mill-mollijiet fejn jorbtu l-vapuri t’Għawdex. Dan ix-xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni huwa meħtieġ perjodikament sabiex dawn l-istrutturi daqstant importanti għall-konnettività t’Għawdex jibqgħu fi stat tajjeb.
Każijiet ta’ trabi li kienu jeħtieġu li jiġu airlifted mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21257, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li fost id-disa' trabi li ġew trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei b'ambulanza mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-aħħar ħames snin, kien hemm każ reċenti fejn it-tarbija kienet fl-inkubatur u dan l-inkubatur ma qagħadx fil-helicopter ta' Steward Healthcare u għaldaqstant, it-trasferiment kellu jsir bl-ambulanza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar każ fejn tarbija ġiet trasferita lejn Mater Dei b’ambulanza, it-trasferiment sar wara deċi¿joni konguta bejn il-konsulent tal-anestesija, il-konsulent pedjatra kif ukoll bil-kunsens tal-ġenituri tal-istess tarbija u dan fl-aħjar interess tas-saħħa tat-tarbija nnifisha. Mhux minnu li l-inkubatur in kwistjoni ma’ joqgħodx fl-Air Ambulance ta’ Steward Healthcare.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21358, jista' l-Ministru jispjega għala nħasset il-ħtieġa illi jinħatar Manager (Legal Procurator) u x'inhi l-mansjoni ta' din il-kariga?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-mansjonijiet tas-servizzi tal-għajnuna legali komplew jissaħħu matul din l-aħħar snin u peress li l-volum ta’ xogħol kompla jiżdied b’diversi servizzi marbuta kemm fil-Qorti Ċivili, fil-Qorti tal-Maġistrati u fis-servizzi għall-vittmi tal-vjolenza domestika, inħasset il-ħtieġa li toħroġ il-vakanza pubblika ta’ Prokuratur Legali li hija ekwivalenti ta’ Maniġer fl-istruttura tal-gradi u salarji tal-Aġenzija. Din il-kariga kienet meħtieġa sabiex is-servizz tal-għajnuna legali jkompli jsir b’aktar mod professjonali. Il-Prokuratur Legali assenjat mal-Aġenzija:
i. jgħin lill-avukati tal-għajnuna legali sabiex jipprovdi nformazzjoni fil-każijiet megħjuna bl-għajnuna legali quddiem il-Qrati;
ii. jikkordina xogħol mal-avukati u prokuraturi legali fuq il-listi uffiċjali tal-għajnuna legali flimkien mal-amministrazzjoni tal-Aġenzija;
iii. ikellem lil dawk il-priġunieri li jitolbu assistenza tal-għajnuna legali sabiex jara xi bżonnijiet għandhom qabel ma jsiru appuntament mingħajr ħtieġa mal-avukat tal-għajnuna legali;
iv. jirrapreżenta lill-Aġenzija fil-każijiet fil-Qrati fejn ikun meħtieġ;
v. iħejji rikorsi u jassisti klijenti f’każijiet urġenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati;
vi. isegwi n-notifiki tar-rikorsi magħmulha f’isem l-Aġenzija;
vii. f’termini qosra quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jidher sabiex jassisti lill-vittmi ta’ vjolenza domestika;
viii. jivverifika l-atti tal-avukat tal-għajnuna legali fl-Aġenzija qabel ma jiġu ppreżentati fir-Reġistri tal-Qrati;
ix. jagħmel riċerka meħtieġa fl-atti tal-Qorti dwar klijenti tal-għajnuna legali u dwar aspetti ta’ natura legali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Bord tal-Kera, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex u kemm ilhom pendenti sena b'sena
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li hemm 715-il kawża pendenti quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera f’Malta, Dawn ilhom pendenti kif huwa indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li fil-Qorti ta’ Għawdex hemm 24 kawża pendenti quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera. Dawn ilhom pendenti kif huwa indikat fit-tabella.
Aġenzija għas-Servizz tal-Qorti – impjegati għall-imħallfin u maġistrati
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti sabiex ikun hemm biżżejjed impjegati għall-imħallfin u l-maġistrati li ġew appuntati reċentement? Kemm żdiedu l-impjegati tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti fl-2021?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati qed tieħu il-passi neċessarji kollha sabiex l-Imħallfin u l-Maġistrati li ġew appuntati reċentament ikollhom ir-riżorsi umani neċessarji sabiex dawn jaqdu dmirijithom bl-aħjar mod possibli. Bħalissa għaddej il-proċess tal-ingaġġ sabiex dawn il-ġudikanti l-ġodda ikollhom l-impjegati li għandhom bżonn. Fl-istess ħin ninforma lill Onor. Interpellant li rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, fl-2021 l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ingaġġat tletin (30) impjegat.
Aġenzija tal-Għajnuna Legali – lista ta’ ħlasijiet
Question
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18003 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-ħlasijiet kollha illi wettqet l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali matul l-2020 u mhux biss il-ħlasijiet li saru lill-avukati? Jista' jagħti l-istess lista għall-ħlasijiet li saru s'issa matul din is-sena?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema tip ta’ ħlasijiet qed jirreferi. L-Onor. Interpellant jifhem li din it-tip ta’ informazzjoni tirrikjedi ħafna ħin u ri¿orsi sabiex tinġabar, għaldaqstant ir-riżorsi umani limitati li għandna jistgħu jintużaw aħjar.
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18002 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jgħid kif intgħażel l-avukat li qed jagħmel il-ġurijiet u ż-żewġ avukati tal-għajnuna legali li qed jagħmlu l-appelli? Jista' jindika jekk dawn l-avukati humiex qed jaqdu dmirijiet oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali barra dawk indikati fir-risposta msemmija u jekk ir-rimunerazzjoni ndikata fl-istess mistoqsija hijiex addizzjonali għal dik normalment dovuta lilhom bħala avukati tal-għajnuna legali? Jista' jindika għala nħasset il-ħtieġa illi jinħatru żewġ avukati tal-għajnuna legali speċifikament għall-appelli meta sa ftit ilu r-rikors tal-appell kien dejjem ir-responsabilità tal-avukat tal-għajnuna legali li jkun assista lill-akkużat fil-prima istanza?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18002, li l-avukati li temporanjament qed jagħmlu l-ġurijiet u l-appelli kriminali ntagħżlu minn fost l-avukati tal-għajnuna legali li huma fuq il-lista uffiċjali. Dawn it-tliet avukati għandhom kuntratti speċifiċi sabiex jagħmlu dan ix-xogħol addizzjonali hekk kif ddetaljat fit-tabella t'hawn taħt.
Peress li l-avukati tal-għajnuna legali huma kollha b’kuntratt għas-servizz legali u jitħallsu remunerazzjoni għad-doveri tagħhom, inħasset il-ħtieġa li sabiex ix-xogħol isir aktar b’mod għaqli u professjonali, jinħatru żewġ avukati sabiex ilaħqu mad-domanda ta’ klijenti li jirreferu sabiex jappellaw mis-sentenzi tal-prima istanza. Minn April 2020 ġew assenjati madwar 94 appell kriminali bejnithom. Il-prassi minn dejjem kienet li l-appelli kriminali isiru mill-Avukat Kap u preżentament qed jagħmluhom dawn iż-żewġ avukati maħtura għal dan il-għan.
Xogħol prinċipali tal-għajnuna legali
Xogħol Addizzjonali
Ħlas għax-xogħol addizzjonali fix-xahar
Avukat fuq ir-roster tal-Qorti tal-Maġistrati u jiġi assenjat ukoll kawżi ċivili skont it-turn tar-Reġistratur tal-Qorti Ċivili.
Ġurijiet, patteġjamenti, laqgħat mal-klijenti, kull kitba ta’ atti legali, rappreżentanza u sottomissijiet orali fil-Qorti.
€1,000
Avukat fuq ir-roster tal-Qorti tal-Maġistrati u tiġi assenjata ukoll kawżi ċivili skont it-turn tar-Reġistratur tal-Qorti Ċivli.
Appelli kriminali: laqgħat mal-klijenti, kitba tal-appelli u kitba t’atti legali kollha u rappreżentanza fil-Qorti w assistenza lill-avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżenta klijenti fil-ġurijiet.
€800
Avukat addett mal-Aġenzija tal-għajnuna legali li tara klijenti eleġibbli għas-servizz dwar it-test tal-meritu kemm f’kawżi ċivili w anke dawk kriminali; tagħmel riċerka dwar il-każijiet tal-klijenti skont il-ħtieġa u tippreżenta atti meħtieġa f’isem l-Aġenzija.
Appelli kriminali: laqgħat mal-klijenti, kitba tal-appelli u kitba t’atti legali kollha u rappreżentanza fil-Qorti w assistenza lill-avukat tal-għajnuna legali li jirrapreżenta klijenti fil-ġurijiet.
€800
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-esperti mqabbdin mill-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti inkwirenti, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, sena b'sena, mill-2013 'l hawn?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
L-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-25 ta’ Mejju 2021 tinsab fit-tabella t'hawn taħt.
Sena
Esperti Lokali (€)
Esperti Barranin (€)
Total (€)
2013
1,377,949.00
47,498.00
1,425,447.00
2014
1,174,277.00
21,874.00
1,196,151.00
2015
1,282,404.00
37,895.00
1,320,299.00
2016
1,256,719.00
47,172.00
1,303,891.00
2017
1,672,450.00
780,310.00
2,452,760.00
2018
1,998,641.00
1,486,755.00
3,485,396.00
2019
2,064,171.00
5,773,025.00
7,837,196.00
2020
3,133,440.00
6,566,013.00
9,699,453.00
Sal-25 ta’Mejju 2021
1,588,586.00
1,829,882.00
3,418,468.00
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi drittijiet pensjonabbli għandhom is-Segretarji Permanenti u liema hu l-artiklu relevanti tal-liġi illi jipprovdi għal tali pensjoni?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – direct orders awtorizzati mis-Segretarju Permanenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-"direct orders" kollha li ġew awtorizzati mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu, sena b'sena, mill-2010 sal-2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku.
Jista' l-Ministru jispjega għala għad m'hemmx Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, x'passi ttieħdu sabiex jilħaq kap f'din l-Aġenzija u meta ser issir din il-ħatra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ħarġet sejħa għal po¿izzjoni tal-Kap tal-Aġenzija, fejn ġie maħtur Bord tal-għażla u sar l-proċess tal-għażla. Madanakollu mill-applikanti li kien hemm ma kien hemm ħadd idoneu għal din il-pożizzjoni.
Sadanittant iż-żewġ aspetti tal-Aġenzija baqaw jitmexxew. L-aspett legali jitmexxa mill-avukati tal-għajnuna legali fuq il-lista uffiċjali sabiex jagħmlu xogħol fuq it-turn tal-ġurnata fil-Qorti tal-Maġistrati u jiġu assenjati kawżi ċivili skont it-turn mir-Reġistratur skont il-liġi. Minn April 2020 ix-xogħol legali li qabel kien jiddireġih l-Avukat Kap ġie mqassam bejn tliet avukati tal-għajnuna legali fuq il-lista uffiċjali: avukat sabiex jagħmel il-ġurijiet u żewġ avukati sabiex jagħmlu l-appelli kriminali. Għal dan ix-xogħol jitħallsu rimunerazzjoni addizzjonali b’kuntratt speċifiku għal dan il-għan.
L-aspett operattiv tal-Aġenzija kompla jiġi amministrat mill-persunal addett mal-Aġenzija u minn Lulju 2020 sar it-trasferiment tal-uffiċini b’binja aktar addattata. Apparti dan, il-persunal tal-Aġenzija kompla jagħti l-informazzjoni lil kull min jitlob l-assistenza, jagħmlu t-test tal-mezzi sabiex jiġi stabbilit minn huwa elliġibbli u xogħol amministrattiv ieħor minn jum għall-ieħor. Is-sena li għaddiet, matul l-eqqel żmien tal-pandemija l-Aġenzija xorta kompliet tagħti s-servizzi tagħha anke bir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika.
I¿jed minn hekk, sabiex is-servizz legali tal-Aġenzija jkompli jitjieb, matul l-aħħar sena saru diversi Memoranda of Understanding. L-ewwel MoU sar bejn l-FSWS, il-korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali dwar il-koperazzjoni reċiproki sabiex jiġu assistiti vittmi ta’ vjolenza domestika. It-tieni MoU sar bejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u l-Korp tal-Pulizija li bih sar ftehim dwar termini u kundizzjonijiet ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet dwar meta persuna tiġi akkużata u mressqa ‘l Qorti sabiex tkun assistita b’mod dinjituż u professjonali w jiġu salvagwardati d-drittijiet tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpilazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti istruttorja kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor Interpellant li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta, bħala Qorti Istruttorja hemm pendenti disa’ mija u sittax-il (916) kumpilazzjoni normali u mija u għaxra (110) kumpilazzjoni tad-droga. Filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Magistrati ta’ Għawdex, bħala Qorti Istruttorja hemm disgħa u għoxrin (29) kumpilazzjoni pendenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19567 u jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta’ Victim Offender Mediation li saru kull sena sa mill-2017 fi ħdan is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari kien hemm 8 każijiet relatati ma’ Victim Offender Mediation.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari numru 19750 u18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta' rimpatriju li saru wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati? Għala l-Ministru qed isibha daqshekk diffiċli biex jirrispondi din id-domanda jew jekk hux imbarazzat illi jippubliċizza l-għajnuna li ngħatat mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni u operazzjonijiet simili jseħħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18007 fis-seduta tal-20 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jgħid xi grad għandhom l-erba' full-timers li hemm fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, x'paga jgawdu u kif daħlu fis-Servizz Pubbliku?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-25 ta’ Mejju 2021. Ta min jinnota li minn meta ingħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18007, l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali impjegat uffiċjal ieħor fil-pożizzjoni ta Manager (Legal Procurator) u għalhekk in-numru total ta’full timers tela’ għal ħamsa.
B'referenza għar-risposta li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 18003 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu t-tliet avukati tal-għajnuna legali biex jassistu vittmi ta' vjolenza domestika? Jista' jgħid kif vittmi ta' vjolenza domestika residenti f'Għawdex, qed jiġu assistiti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interrpellant li b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18003, it-tliet avukati tal-għajnuna legali sabiex jassistu lill-vittmi ta' vjolenza domestika ġew magħżula wara li nħarġet sejħa pubblika fl-aħħar t'Ottubru 2020 tramite il-Kamra tal-Avukati u fuq il-mezzi soċjali. Il-proċess sabiex jiġu assistiti vittmi tal-vjolenza domestika f'Għawdex huwa l-istess bħal dak li jingħata f'Malta fejn il-vittma tirreferi fl-għassa tal-pulizija jew iċċempel in-numru 179 u dawn jirreferuhom lill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali sabiex jiġi assenjat avukat tal-għajnuna legali li jagħtihom il-pariri w jiddireġihom skont kif meħtieġa.
Każijiet ta’ trabi li kienu jeħtieġu li jiġu airlifted mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
Question
Jista' d-Deputat Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta' trabi li kienu jeħtieġu li jiġu airlifted mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-aħħar ħames snin u jekk kienx hemm xi każ fejn tarbija ma setgħetx tinġarr fil-helicopter u spiċċat tittieħed Mater Dei f'ambulanza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2016 sal-2020 kien hemm 15 il-każ fejn trabi ġew airlifted mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u 9 każijiet fejn trabi ġew trasferiti bl-ambulanza. Il-mod tat-trasport jiġi deċiż wara li tkun ittieħdet deċiżjoni klinika kollettiva mit-tim kliniku responsabbli skont il-każ partikolari.