Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS – Audited Accounts

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-Public Broadcasting Services Ltd. bejn l-1 ta' Ottubru 2019 u t-30 ta' Settembru 2020?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 18987.

Talbiet għal career breaks jew secondments

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20384 u jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks jew secondments li ma ġewx milqugħa fl-aħħar 8 snin? Għal liema raġuni dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema aġenzija/post qed jirreferi.

Public Broadcasting Services –ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20383 u jgħid fl-aħħar għaxar snin, kemm ingħataw career breaks, secondments jew opportunitajiet lill-ħaddiema tal-Public Broadcasting Services Ltd sabiex iwettqu xogħol ma’ entitajiet governattivi, entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati jew bnadi oħra? Meta ngħataw dawn l-opportunitajiet, sena b'sena? Għal kemm tul ta' żmien? Kemm kien hemm minn dawn l-individwi li rritornaw lura mal-Public Broadcasting Services Ltd?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-PBS ma kien hemm l-ebda talba għal career breaks minn ħaddiema sabiex iwettqu xogħol ma’ entitajiet governattivi, entitajiet pubbliċi, kumpaniji privati jew bnadi oħra. Minn fost il-ħaddiema li kienu ngħataw secondment, kien hemm tnejn li reġgħu rritornaw lura.

PBS – Public Service Obligation Agreement

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-Public Service Obligation Agreement bejn il-Gvern u l-Public Broadcasting Services Ltd fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija tal-mistoqsija parlamentari 20520.

PBS – impjegati li għandhom konsulenza ma’ Ministeri u entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19491 u jgħid kemm hemm impjegati fil-PBS li barra mill-impjieg tagħhom, għandhom konsulenza ma’ ministeri jew entitajiet pubbliċi oħra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-PBS ma rċevew l-ebda talba mingħand xi impjegati għal xogħol f’dan is-sens.

Programm fuq PBS – ħlasijiet lill-producer

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19490 u jgħid xi ħlasijiet isiru lill-producer tal-Programm Popolin u jekk dan hux impjegat tal-PBS jew le? Fil-każ ta' risposta affermattiva, jistax il-Ministru jgħid jekk dan il-programm jiġix prodott waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (ABELA, CARMELO)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Ninsab infurmat li l-Producer Eżekuttiv huwa impjegat full-time mal-Public Broadcasting Services. Miniex infurmat li huwa l-każ fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija.

PBS – Financial Controller

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19488 u jispjega għala l-PBS m’għandhiex Financial Controller u jekk hemmx il-ħsieb li din il-pożizzjoni timtela fil-futur qarib? Kif qed isir il-kontroll tad-dħul u l-ħruġ tal-kumpanija fil-preżent?

Response (ABELA, CARMELO)

Jien infurmat li l-PBS għaddej minn process ta’ tisħiħ fl-operat tiegħu u għaldaqstant fil-futur qarib se jkun hemm tisħiħ fid-dipartiment tal-finanzi. Il-kontroll tad-dħul u ħruġ isir mid-dipartiment tal-finanzi tal-kumpanija.
Leg 13 PQ #21661 Sitting 473 2021-06-14 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku – nefqa fuq l-attivitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew l-attivitajiet kollha fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku għas-sena 2021, inkluż iż-żamma ta' konferenzi, il-ħlas ta' kelliema, il-ħlas għas-servizzi tekniċi, intratteniment, reklamar eċċ?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-attivitajiet kollha tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku li jammontaw għal 22 avveniment swew €283,231.97. L-attivitajiet li ġew organizzati saru b’konformità sħiħa mad-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa. Il-preparamenti loġistiċi li saru ippermettew lid-delegati kollha biex sew jekk fiżikament preżenti, u sew jekk online, isegwu u jipparteċipaw fid-diskussjonijiet mingħajr ebda xkiel. Fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ġiet diskussa strateġija ġdida ta’ 5 snin. Il-ħlas lill-kelliema barra mis-Servizz Pubbliku li taw il-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet kien jinkludi preżentazzjoni fil-plenarja, tmexxija ta’ masterclasses u riċerka.
Leg 13 PQ #21662 Sitting 473 2021-06-14 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku – lista ta’ kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw in konnessjoni mal-ġimgħa għas-servizz pubbliku tas-sena 2021 u jgħid xi proċedura ntużat sabiex jiġu identifikati l-kuntratturi in kwistjoni?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi sabiex intgħażlu l-kuntratturi li taw is-servizz tagħhom fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, inħarġu talbiet għal kwotazzjonijiet kif ukoll espressjoni ta’ interess. L-għażla tas-sit fejn saru l-laqgħat ta’ policies, saret b’mod dirett f’sit li seta’ jilqa’ delegati f’parametri li ngħataw mid-Dipartiment tas-Saħħa. Il-lista ta’ kuntratti tinkludi l-kiri tas-sit, xiri ta’ riklamar, u servizz tekniċi.
Leg 13 PQ #21663 Sitting 473 2021-06-14 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat/Ir-Rabat – Triq ta’ Qasam San Ġorġ — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser titlesta l-kumplament tat-triq ta' Qasam San Ġorġ li taqsam ir-raħal Ta' Sannat mir-Rabat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq ta’ Qasam San Ġorġ tinsab fil-limiti ta’ Santa Lucija. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija.
Leg 13 PQ #21664 Sitting 473 2021-06-14 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza Ta’ Sannat – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq ir-riabilitazzjoni u l-pavimentar tal-Pjazza Ta' Sannat u meta suppost dan il-proġett għandu jiġi konkluż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #21665 Sitting 473 2021-06-14 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Parkeġġ ta’ Marsalforn — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex tingħata kisja ta' tarmak ġdida lill-parkeġġ ta' Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ jinvesti fl-infrastruttura ġewwa il-gżira Għawdxija, bħalma qed jagħmel diġa’, b’investiment rekord fiż-żona ta’ Marsalforn.

Segretarji Permanenti – drittijiet pensjonabbli speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi drittijiet pensjonabbli speċjali għandhom is-Segretarji Permanenti u liema hu l-artiklu relevanti tal-liġi li jipprovdi għal tali drittijiet speċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minbarra d-disposizzjonijiet ġenerali tal-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kapitlu 93 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jikkonċernaw id-drittijiet pensjonabbli ta’ uffiċjali pubbliċi, Artiklu 21 (iv) jirreferi għad-drittijiet pensjonabbli ta’ uffiċjali pubbliċi li jkunu servew għal perjodu definit, stabbilit mill-istess Ordinanza, fil-posizzjoni ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, Segretarju Permanenti, Segretarju tal-Kabinett jew Segretarju għall-Kabinett, Awditur Ġenerali, Viċi Awditur Ġenerali jew Ombudsman. Dawn id-disposizzjonijiet jistgħu japplikaw ukoll għal uffiċjali pubbliċi li jkunu servew fil-passat f’dawn il-karigi jekk mhux diġa għandhom xi jedd taħt din l-istess Ordinanza.
Leg 13 PQ #21529 Sitting 470 2021-06-03 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Ċena Gala — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fit-13 ta' Settembru 2019 ingħatat direct order MF 100/19/9 fl-ammont ta' €42,250 barra l-V.A.T. għall-organizzazzjoni ta' ċena gala fl-okkażjoni tad-Dinja Mondjali tat-Turiżmu mentri fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14230 u 14880, intqal li din iċ-ċena swiet € 36,152.37 barra l-V.A.T., liema ammont kien jinkludi ħlasijiet oħra lil terzi minbarra l-persuna li ngħatat id-direct order?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur indikat ta’ €42,250 (VAT eskluż) huwa l-ammont massumu tal-kuntratt, filwaqt li l-ammont €36,152.37 (VAT eskluż) huwa l-ammont finali mħallas. Dan il-ħlas kien jiddependi minn numru ta’ nies li attendew.
Leg 13 PQ #21530 Sitting 470 2021-06-03 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Dar ta’ San Ġużepp — kirja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li d-Dar ta' San Ġużepp inkriet bil-kera ta' €60,000 fis-sena għal 30 u dan kif kien ħabbar il-predeċessur tiegħu l-Ministru Anton Refalo fis-17 ta' Diċembru 2013 (https://www.tvm.com.mt/mt/news/dar-san-guzepp-fghawdex-se-ssir-residenza-ghall-anzjani/ ) ? Jista' jgħid jekk hemmx żidiet fil-kera matul it-terminu tal-kirja? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ingħatat fit-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 2119.

Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21318, jista' l-Ministru jispjega għala ma saret l-ebda sejħa ġdida sabiex jinħatar Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ġaladarba ma nstab l-ebda wieħed idoneu għal din il-pożizzjoni wara s-sejħa li kien hemm? Jista' jispjega meta ser jittieħdu l-passi biex jinħatar Kap tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali qed tiffunzjona aħjar minn qatt qabel, b’investiment konsiderevoli li sar mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur, il-ħatra ta’ Kap qiegħda tiġi diskussa u aktar dettalji jingħataw fiz-żmien li ġej.

Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi – lista ta’ assi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-assi li fil-preżent qegħdin fil-pussess tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi u kemm kien l-ammont ta' assi li ġew mibjugħa minn dan l-Uffiċċju, sena b'sena, mill-2015 'il hawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 13 PQ #21525 Sitting 469 2021-06-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Buses Elettriċi — xiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-iskop li nxtraw tmien buses elettriċi fl-2019 bil-prezz ta' € 1.8 m wara s-sejħa tal-offerti CT 3245/2018? Min qed jopera dawn il-buses, fejn qed jintużaw u kemm qed jintużaw dawn il-buses?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inxtraw sitt buses u mhux tmienja. Għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16506
Leg 13 PQ #21526 Sitting 469 2021-06-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Dar ta’ San Ġużepp – servizzi professjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizzi professjonali ngħataw in konnessjoni mad-Dar ta' San Ġużepp li l-ħlas tagħhom ġie approvat mis-Segretarju Permanenti fl-20 ta' Diċembru 2019 referenza 0001442?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ingħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 15524.
Leg 13 PQ #21527 Sitting 469 2021-06-02 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Tenders — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-lista tal-kuntratti tat-tenders dipartimentali mogħtija mid-direttorati fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Lulju 2019 u l-31 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta' dawn il-listi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni qed tiġi kkonsolidata, bil-publikazzjoni mistennija fil-ġimgħat li ġejjin