B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17410, jista' l-Ministru jispjega jekk il-problemi tekniċi li ltaqa' magħhom il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Għawdex fix-xogħlijiet li qed iwettaq fi Triq Santa Marija, Marsalforn fuq ir-riħ tal-breakwater, ġewx riżolti u meta ser jitkomplew u jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Għawdex, li għadu kif wasal minn barra l-materjal neċessarju sabiex jitkompla dan ix-xogħol. Għaldaqstant, ix-xogħol skedat biex jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Gozo Channel – vapuri – dewmien minħabba fast ferry catamarans
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm sofrew dewmien il-vapuri tal-Gozo Channel (Operations) Ltd minn mindu bdiet titħaddem il-politika li fil-Port tal-Imġarr tingħata prijorità lill-fast ferry catamarans fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 21785.
Jista' l-Ministru jispjega x'politika għandha Transport Malta fir-rigward ta' dgħajjes li jitħallew fuq art pubblika għal żmien twil, jekk jiġix impost xi ħlas fir-rigward u jekk hemmx limitu kemm tali qoxriet jistgħu jitħallew fuq art pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Trasport f’Malta ma toħroġx l-ebda permessi sabiex jitpoġġew opri tal-baħar fuq art pubblika.
Transport Malta – fast ferry catamarans — prijorità
Question
Jista' l-Ministru jispjega għala Transport Malta ddeċidiet illi l-fast ferry catamarans ikollhom prijorità fid-dħul u l-ħruġ mill-Port tal-Imġarr fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u x'kien l-impatt ta' din il-politika fuq l-operat tal-Gozo Channel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li hija prassi li l-bastimenti tal-passiġieri (passengers only: inkluż cruise liners and ferries) jingħataw prijorita’. Dan japplika ukoll għal fast ferries. Irrid inżid li b’mod ġenerali is-servizz tal-fast ferries mhux qed jikkaġuna xi dewmien fl-iskeda tal-Gozo Channel.
Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku – lista ta’ kuntratti
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21662, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-lista tal-kuntratti li saret referenza għaliha fit-tweġiba imma li ma ġietx annessa magħha?
Response (ABELA, ROBERT)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, jinsab fil-lista ta’ hawn taħt kif ninsab nfurmat:
Servizz ta’ disinji u produzzjoni ta’ tagħrif għall-media
Xiri ta’ spazju għal tagħrif
Iffilmjar u produzzjoni ta’ features bħala għajnuna għal waqt il-laqgħat
Servizzi tekniċi
Servizz ta’ dwal
Servizz ta’ audio
Preżentaturi
Produzzjoni ta’ backdrops
Kiri tas-sit
Produzzjoni ta’ kunċerti
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21179, jista' l-Ministru jgħid min qed iwettaq l-istudju li r-risposta msemmija għamlet referenza għalih u meta hu mistenni li jitlesta dan l-istudju? Jista' jispjega għala l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd ħadmet mijiet ta' ħaddiema permezz tal-kuntratturi meta l-vantaġġ ta' tali arranġament ma kienx evidenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li diġa ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 21179.
Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti – remunerazzjoni tal-ex CEO
Question
Jista' l-Ministru jispjega t-termini tal-ingaġġ u r-rimunerazzjoni tal-ex CEO tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti li ġie ingaġġat bħala konsulent mal-istess Aġenzija wara li rtira?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent qiegħed fuq bażi ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa u l-kuntratt huwa sal-aħħar ta’ Novembru 2021. Il-pakkett finanzjarju jinkudi salarju bażiku marbut ma’ Skala 3 tas-Servizz Pubbliku (pro-rata), u allowances pro-rata marbutin mal-komunikazzjoni, trasport u expertise.
Fondazzjoni għas-Servizz ta’ Ħarsien Soċjali – sponsorship lill-PBS
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammonta l-isponsorship li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali qed tagħti lill-Public Broadcasting Services Ltd għat-trasmissjoni tal-partiti ta' EURO 2020 u għaliex inħasset il-ħtieġa ta' dan l-isponsorship?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kontra l-impressjoni li qed jipprova jagħti, l-FSWS ma tat l-ebda sponsor lill-PBS, iżda numru ta’ reklami waqt avveniment li, bla dubju, iqanqal interess kbir fost il-poplu Malti. Bħal kull entità li trid twassal il-messaġġ tagħha, l-FSWS kontinwament tfittex l-aħjar okkażjonijiet biex teduka u xxerred l-għarfien fuq servizzi u għajnuna meħtieġa li jiġu offruti minnha.
Transport Malta – limitu ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal catamarans bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'limitu ta' emissjonijiet ta' CO2 imponiet Transport Malta fuq l-operaturi tal-catamarans bejn Malta u Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-bastimenti li jidħlu u joperaw fl-ibħra u fil-portijiet Maltin, inkluż dawk li qed jintu¿aw għas-servizz tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex, huma obbligati li jsegwu l-Konvenzjonijiet Internazzjonali tal-IMO, id-Direttivi u r-Regolamenti Ewropej u kif ukoll il-leġiżlazzzjoni lokali bl-isem Ir-Regolamenti dwar il-Kwalità tal-Karburanti (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 545.18). Kull bastiment hu obbligat li juża karburant b’kontenut ta’ kubrit li ma jeċċedix 0,10% bil-massa jew billi jagħmlu użu minn metodi approvati ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. L-Awtorità kompetenti li timplementa u tenforza dawn ir-Regolamenti, inkluż li jsiru spezzjonijiet, huwa r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS).
B'referenza għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 21664, jista' l-Ministru jispjega kif qed jgħid li l-Ministeru tiegħu m'għandux x'jaqsam mal-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita f'Sannat, Għawdex meta hu ġie rappurtat li ppresjeda f'ċerimonja ta' ffirmar ta' kuntratt ta' €3.7 m bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali Sannat hekk kif jidher f’dan l-artiklu (https://gozo.news/88374/e3-7-million-project-to-get-underway-for-regeneration-of-sannat-square/)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tali arranġament huwa limitat sal-iffinanzjament tal-proġett innifsu. Ir-responsabilita’ tat-twettiq tal-proġett hija tal-Kunsill lokali ta’ Sannat.
Gozo Channel – pjanijiet għal vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għandhiex xi pjanijiet sabiex tibda tagħmel vjaġġi mill-Imġarr għall-Port il-Kbir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kif diġa tħabbar ftit ilu, żewg kumpaniji privati bdew l-operat tal-Fast Ferry bejn l-Imġarr u l-Port il-Kbir, liema operat qed ikun ta’ suċċess għall- kuntrarju ta’ dak li kien stqarr l-Onor.Interpellant fil-Kumitat Permanenti għal Ghawdex.
B'referenza għat-tabella li ġiet ippreżentata mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20100, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-Kunsilli Lokali, skejjel, entitajiet pubbliċi u għaqdiet voluntarji kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li magħhom huma assenjati l-ħaddiema tal-Iskema tal-Komunità peress illi l-informazzjoni mogħtija s'issa hija ġenerika wisq?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21321, 19750 u 18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta' rimpatriju li setgħa kien hemm wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati immigranti illegali f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea mill-2010 'l hawn, kemm swew dawn l-operazzjonijiet ta' rilokazzjoni u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea sabiex isiru tali rilokazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21696, jista' l-Ministru jispjega għala l-audited accounts tal-Public Broadcasting Services Ltd għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2019 u t-30 ta' Settembru 2020 għadhom ma ġewx konklużi minkejja li għaddew aktar minn tmien xhur minn mindu għalaq dan il-perjodu u meta hemm il-ħsieb li jiġu konklużi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-audited accounts għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u t-30 ta’ Settembru 2020 għandhom jkunu lesti fil-bidu ta’ Awwissu 2021.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda u kemm ingħataw ħatriet ġodda minn mindu ġie appuntat chairman eżekuttiv ġdid fil-31 ta' Marzu 2021?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Public Broadcasting Services Ltd. tinsab f’fazi ta’ ristrutturar u għaldaqstant ħarġet numru ta’ sejħiet għall-impjiegi sabiex jimtlew il-postijiet li ġew vakanti f’dan l-aħħar żmien. Il-ħatra taċ-chairman eżekuttiv ma kelliex effett fuq il-proċess.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa s-sett li qed jintuża fit-trasmissjonijiet ta' EURO 2020, min għamlu u xi proċedura ta' xiri ntużat sabiex inxtara dan is-sett?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li għas-set tat-trasmissjonijiet tal-Euro 2020, ġie u¿at l-istess set tal-isports preċedenti, b’modifikazzjoni ta’ estensjoni u xiri ta’ banketti.
Is-sett ġie jiswa total ta’ €16,528.17, liema xiri sar skont il-proċeduri tal-procurement policy.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19487 u jispjega għala l-PBS qatt ma ħasset il-ħtieġa li jkollha IT Department u jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf wieħed fil-futur qarib? Kemm sar ħlas kull sena mill-2010 'l hawn għas-servizzi u x-xiri ta' hardware u software għas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika tal-PBS?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-PBS għaddejja minn proċċess ta’ tisħiħ fl-operat tagħha u għaldaqstant fil-futur qarib se jkun hemm tisħiħ fl-aspett teknoloġiku u diġitali. Peress li l-PBS topera fuq infrastruttura u teknoloġija diġitali, nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika aħjar il-mistoqsija tiegħu.