Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21773 u jgħid kemm ġew rilokati immigranti illegali f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea mill-2010 'l hawn, kemm swew dawn l-operazzjonijiet ta' rilokazzjoni u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea sabiex isiru tali rilokazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21772, 21321, 19750 u 18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta’ rimpatriju li seta’ kien hemm wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Sentenzi tal-qrati li ma jibqgħux disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi proċedura tintuża sabiex sentenzi tal-qrati ma jibqgħux disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tas-sentenzi u taħt liema provvediment legali jsir dan il-proċess? X'kien in-numru ta' sentenzi li tneħħew minn dan is-sit, sena b'sena u liema kienet il-qorti li tathom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninfurma lill-Onor.Interpellant ġeneralment, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dwar is-Servizzi tal-Qrati jirċievi talba bil-miktub sabiex sentenza/sentenzi li jkunu ingħataw fil-konfront tal-persuna li qed taghmel it-talba ma jibqgħux disponibli fuq is-sit elettroniku.
It-talba tiġi diskussa minn kumitat Ad Hoc. Dan il-Kumitat huwa magħmul mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dwar is-Servizzi tal-Qrati, ir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali, ir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali, ir-Direttur tal-Qrati t’Għawdex u id-Direttur (Strategy & Support) fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja.
Il-proċedura li tintuża meta ssir talba għat-tneħħija ta’ Data personali mis-sistema online hija:
1. Meta l-uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data jirċievi t-talba, jagħmel il-verifiċi neċessarji sabiex ikun sodisfatt li l-individwu li qed jagħmel it-talba huwa s-suġġett tad-Data u wara jgħaddi t-talba lil kontrollur tad-Data tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.
2. L-uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jieħu nota ta’ meta waslet it-talba, bid-dettalji tas-suġġett tad-data ta’ meta tressqet għal il-Kontrollur.
3. Il-talba tiġi diskussa fil-Kumitat Ad Hoc.
4. Id-deċizjoni tiġi komunikata bil-miktub lil persuna li tkun għamlet it-talba fi żmien 30 ġurnata minn meta l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati jkun irċieva t-talba.
5. Il-persuna tiġi nfurmata wkoll li jkollha dritt ta’ appell lil Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data f’każ li t-talba tiġi miċħuda.
Il-kriterji li jintużaw wara talba għat-tneħħija ta’ sentenza mis-sistema onlajn huma:
1. Ir-raġuni għaliex tkun saret it-talba.
2. Jekk b’xi mod tali sentenza tkunx fl-interess pubbliku li tibqa` tidher
online.
3. Jekk it-tneħħija tas-sentenzza minn
online
ikolliex impatt negattiv fuq ċittadini oħra.
4. Id-
Data Protection Directive 995/46/EC)
tal-1995.
5. L-iżviluppi li qed isiru fir-rigward ta’
Data Protection
u diskussjonijiet li jsiru b’mod regolari fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
6. Id-
Data Protection Regulation (Regulation (EU) 2016/679
).
7. Id-deċizjonijiet li jittieħdu fi Qrati Internazzjonali fejn tidħol l-ipproċessar tad-data tal-individwu.
8. Ikunu għaddew tlett snin mid-data tas-sentenza.
9. F’każ li l-ħati jkun ġie kkundannat għal ħlas ta’ multa, il-multa trid tkun mħallsa.
10. F’każ li jkun ġie intavolat appell mis-sentenza, l-ewwel irid jiġi deċiż l-appell u t-tlett snin jibdew jiddekorru mid-data tas-sentenza tal-appell.
11. F’każ li l-persuna tkun ġiet liberata, din titneħħa mill-ewwel.
12. F’każ ta’ aktar minn sentenza waħda jew jekk ikun hemm aktar minn każ wieħed li jkun għadu pendenti t-talba tiġi kkunsidrata mill-Kumitat fuq il-mertu tat-talba li tkun saret.
Dan il-proċess isir ai termini tad-Dritt għal Thassir (‘dritt li wieħed jintesa’) magħruf aħjar bħala ‘the right to be forgotten’ kif imsemmi fil-preamboli nru (65), (66) u (156) kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-EU 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April, 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-iproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46 KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).
Fir-rigward in-numru ta' sentenzi fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex li tneħħew minn dan is-sit, sena b'sena u liema kienet il-qorti li tathom huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol tal-bini tal-Mużew ġdid f'Għawdex u meta hu previst illi l-mużew jinfetaħ għall-pubbliku? Kemm hu previst li ser jiġi jiswa dan il-mużew, x'finanzjament ewropew hemm għall-bini tiegħu u kienx hemm xi fondi ewropej li ntilfu minħabba fid-dewmien fit-twettiq ta' dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ skavar, kostruzzjoni u restawr tal-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex jinstabu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Hu previst li l-Mużew ta’ Għawdex jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku għal l-aħħar tal-2022. Peress li s-sejħa għall-offerti tal-fit-out tender għadha qed tinħadem, iċ-ċifra globali eżatta ta’ kemm se jigi jiswa l-Mużew ta’ Għawdex tkun imħabbra aktar ‘il quddiem.
Waqt ix-xogħolijiet ta’ skavar instabet żona arkaeloġika ta’ madwar 960 metru kwadru tal-perjodu Ruman, li qatt ma instabet bħalha f’pajjiżna, u taħt is-superviżjoni u pariri tas- Sovratendenza tal-Wirt Kulturali ġiet mikxufa, protetta u integrata fil-Mużew ta’ Għawdex.
Għall-informazzjoni addizzjonali nitlob lill-Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17678.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'xogħlijiet għaddejjin bħalissa fil-bini ta’ Ċentru tas-Saħħa ġdid ta' Victoria, Għawdex u meta hemm l-ħsieb illi dan iċ-ċentru jibda' jintuża mill-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, Victoria, kemm hu previst li ser jiswa dan ix-xogħol u meta suppost jitlesta dan ix-xogħol u t-triq tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq l-Imgħallem, fil-Belt Victoria beda f’Ottubru 2020. Ix-xogħol fuq din it-triq hu previst li se jiswa’ madwar €850,000. Din it-triq għandha titlesta u tinfetaħ għall-pubbliku, fl-aħħar ta’ Lulju 2021 dejjem jekk ma jinstabux fdalijiet jew oġġetti ta’ mportanza arkaeoloġika jew ta’ wirt kulturali waqt it-tħaffir.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol tal-bini tal-Mużew ġdid f'Għawdex u meta hu previst illi l-mużew jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett qed isir mill-Ministeru għal Għawdex. Heritage Malta ser tkun ta’ kollaborazzjoni fl-aspetti tal-mużew. Aspetti ta’ bini għandhom jigu indirizzati lill-Ministeru għal Għawdex
Għawdex – Xlendi – reperti arkeoloġiċi li nstabu f’qiegħ il-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu r-reperti arkeoloġiċi li nstabu f'qiegħ il-baħar fejn inkalja l-bastiment Puniku 'l barra mix-Xlendi, Għawdex? Xi pjanijiet hemm sabiex dan il-bastiment jittella’ fil-wiċċ u fejn hu ppjanat li dak kollu li jiġi rkuprat minn dan is-sit arkeoloġiku jinżammu fil-futur?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali tieħu ħsieb, flimkien ma’ Heritage Malta, u f’dan il-ka¿ anke mal-Universita’ ta’ Malta, sabiex jaħznu u jikkonservaw dawn l-artefatti, bħal kull artefatt storiku ieħor. Madankollu għadu wisq bikri sabiex wieħed jitkellem fuq pjanijet sabiex jittella dan il-bastiment.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21528 u jgħid fejn u meta nżamm is-summit dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f'Għawdex li għall-organizzazzjoni tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex ta €100,000 (Direct Order approvata fit-23 ta' Settembru 2019)? Min kien eliġibbli li jattendi għal dan is-summit, x'kienet l-attendenza tiegħu u x'benefiċċju ħareġ minnu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Summit dwar l-intelliġenza artifiċjali f'Għawdex ġie mtella fil-Gozo Innovation Hub ix-Xewkija bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru 2019. Għal dan is-summit seta’ jattendi kull min kien impjegat jew interessat fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni. Fit-tieni ġurnata tas-Summit - iġifieri nhar is-7 ta’ Novembru 2019 - saru sezzjonijiet ta’ informazzjoni għall-studenti tal-primarja, tal-IT u dawk li jsegwu suġġetti tal-business minn istuzzjonijiet tal-Edukazzjoni f’Għawdex. Għal dawn il-jumejn tas-summit attendew aktar minn 1,000 ruħ u l-benefiċċju kien li l-parteċipanti u kif ukoll l-studenti setgħu jaraw u jiddiskutu suġġetti tal-AI u ta’ xjenzi differenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati kunċerti mill-Valletta Cultural Agency li fihom indaqqet il-Hammerklavier sonata ta' Ludwig Van Beethoven bejn Novembru 2020 u Jannar 2021, kemm attendew nies għal dawn il-kunċerti, kemm swew dawn il-kunċerti u kemm kien il-ħlas għal min daqq f'dawn il-kunċerti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista tal-kuntratti li jeċċedu € 5,000 u l-lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt mogħtija mill-Public Broadcasting Services Ltd u li l-istess kumpanija hija obbligata illi tippubblika kull sitt xhur skont ir-regulament 111(2) ta' L.S. 601.3?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ligi ma tapplikax għall-kuntratti relatati mal-produzzjonijiet tal-PBS u dan skond l-Artikolu 7 subinċiż (ħ) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 601.3.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali ta' Sannat ser jibda l-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita, kemm ser jiswa dan il-proġett, min iffinanzjah u meta tali proġett għandu jitlesta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li wara li l-Kunsill ħareġ it-tender tal-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita, bħalissa għaddej bl-evalwazzjoni tal-offerti. Għaldaqstant, il-prezz tal-kuntratt għal dan il-proġett għadu ma ġiex determinat. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — lista ta' kuntratti li jeċċedu l-€5,000
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista tal-kuntratti li jeċċedu l-€5,000 u l-lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt mogħtija mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, kif inhuma obbligati illi jippubblikaw kull sitt xhur skont ir-regolament 111(2) ta’ L.S. 601.3?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern tal-ħmistax (15) ta’ Ġunju, fejn il-kuntratti kollha kif mitlub mil-liġi ġew pubblikati.
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur u li huma assenjati mal-Gozo Channel (Operations) Ltd, jippanċjaw meta jidħlu u joħorġu mix-xogħol u jridu jibagħtu wkoll it-timesheet lill-kuntrattur u jiġu ppenalizzati jekk jonqsu li jibagħtu t-timesheets fil-ħin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mhix għad-dispożizzjoni tiegħi, ladarba, kif indika hu stess, din hi parti mill-operat ta’ kumpanija privata.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17416, jista' l-Ministru jgħid kemm intgħażlu persuni wara s-sejħiet ta’ messaġiera, xufiera, deputy registrar, ICT support assistant,systems administrator u marixalli tal-qorti u kemm minnhom ġew impjegati mal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti u kemm minn dawn l-impjegati kienu minn barra l-Aġenzija u/jew is-servizz pubbliku?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li mid-data tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u fil-gradi msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ingaġġat 3 Messaġġiera, 2 Xufiera, Deputat Reġistratur u ICT Support Assistant minn barra l-Aġenzija u 4 Deputati Reġistraturi u 4 Marixxalli wara sejħiet interni. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Systems Administrator għadha qed tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-impjegati tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fin-numru ta' membri tal-ġudikatura li nħatru fl-aħħar xhur?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ressqet it-talba tagħha għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali u wara li ġiet approvata l-imsemmija talba, l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ħadet il-passi meħtieġa mal-JobsPlus għall-ingaġġ tal-impjegati mal-Imħallfin u l-Maġistrati li ġew appuntati reċentement. Rigward il-postijiet ta’ Deputat Reġistraturi, Assistenti Ġudizzjarji (part-time) u Skrivani dawn jinsabu fil-proċessi tal-għażla, Rigward il-postijiet ta’ Messaġġiera u Xufiera, l-proċess mal-JobsPlus inbeda minn qabel ma ġew maħtura il-ġudikanti l-ġodda.
Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship Scheme
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20532, jista' l-Ministru jindika kemm kienu ilhom qiegħda l-imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex qabel ma daħlu f'din l-iskema?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-firxa tal-qagħad tal-maġġoranza tal-apprentisti tvarja minn 4 snin għal 3 xhur.
Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship Scheme
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20532, jista' l-Ministru jindika x'użu ser isir minn Trionfi House?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, Trionfi House ser tintuża għall-skop soċjali. Fil-preżent qed naraw li l-aktar ħtieġa li hemm hija li din id-dar tintuża għal persuni homeless. Dan kien possibli biss bil-kooperazzjoni sħiħa, tal Arċidjoċesi ta’ Għawdex, li allokaw din il-binja għad-disposiżżjoni tal-Fondazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21527, jista' l-Ministru jispjega għala l-Ministeru tiegħu mhux qed jimxi mar-regolament 111(2) ta' L.S. 601.3 u ma jippubblikax il-lista tal-kuntratti li jeċċedu l-€5,000 u lista tal-varjazzjonijiet li jaqbżu 5% mill-valur tal-kuntratt kull sitt xhur ? Peress illi l-aħħar lista li ġiet ippubblikata tkopri l-perjodu Jannar-Ġunju 2019, x'ġustifikazzjoni hemm illi l-liġi dwar ix-xiri pubbliku mhux qed tiġi osservata mill-Kapijiet tal-awtoritajiet kontraenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li ilhom sena u nofs ma jippubblikaw din il-lista?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni nġabret u se tkun qed tiġi ppublikata fil-jiem li ġejjin.