Legislature:
Category:
Reset
Active:

MMA — Ta' Xbiex Yacht Marina - berth holders

Question

Jaf il-Ministru jekk bejn l-Awtorità Marittima ta' Malta u numru ta' berth holders jeżistix kuntratt dwar l-istess berthskonċernanti Ta' Xbiex Yacht Marina; kuntratti li ilhom jeżistu snin twal? Jista' jindika ma' min saru dawn il-kuntratti u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess kuntratti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-passat l-Awtorita' Marittima ta’ Malta ma kellhiex kuntratti mal-berth holders ta' Ta' Xbiex Yacht Marina peress li l-marinas tal-Awtorita' kienu regolati mill-Yachting Centres Regulations. Minħabba li l-marinas issa ġew privatiżżati, l-Awtorita' ħasset il-ħtieġa biex ikollha kuntratt annwali mal-berth holders li għad għandha taħtha fil-marina ta' Ta' Xbiex (Gżira Gardens). Madanakollu, sal-lum għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt.

Belt Valletta — inkonvenjent bir-rotot ġodda tal-Arriva

Question

Minħabba r-rotot ġodda li bihom qed joperaw il-karozzi tal-Arriva, jaf il-Ministru li Triq Melita u South Streets saru no parking? Jaf li dan l-arranġament qed jikrea inkonvenjent kbir lir-residenti li m'għandhomx fejn jipparkjaw il-karozzi tagħhom? Jidhirlu li f'dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jieħu dawk il-miżuri sabiex jakkomoda lil dawn ir-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ġaladarba l-aċċess għat-trasport pubbliku fil-Belt Valletta huwa importanti ħafna u l-wisgħa tat-toroq fil-Belt hija limitata, kien ġie deċiż li l-operatur tat-trasport pubbliku juża l-iżgħar vettura possibbli li hija wheelchair-accessible sabiex jipprovdi servizz intern fil-Belt Valletta. Sabiex ir-rotta tkun tista' tgħaddi, numru ta’ parkeġġi kellhom jitneħħew. L-għażla hi bejn waħda u oħra għax it-toroq imsemmija ma jistgħux jakkomodaw it-tnejn.
Leg 11 PQ #25669 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palk għall-kunċert tal-MTV u kunċerti oħrajn

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk attwalment ħallasx sabiex jittella' l-palk biex isir il-kunċert tal-MTV tal-2010? Jista' jgħid kemm ħallas għal dan is-servizz? Jista' jikkonferma jekk dan il-palk intużax għal kunċerti oħra wara l-MTV u jsemmi liema kunċerti kienu u min kienu l-promoturi tagħhom? Jista' jgħid kemm ikkontribwixxew lura dawn il-promoturi talli użaw dawn il-faċilitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Gvern iħallas somma lill-MTV li tkopri l-produzzjoni tal-kunċert u riklamar għal sena fuq l-istazzjonijiet kollha tal-MTV. L-MTV tieħu ħsieb li tikkuntrattja għas-servizzi kollha marbuta mal-produzzjoni tal-kunċert, inkluż il-palk li għalih qed jirreferi l-Onor Interpellant. Il-Gvern ma jidħolx fil-mod kif jiġu kuntrattjati dawn is-servizzi anke għaliex l-MTV, bħala l-production company, tassumi r-responsabilita’ sħiħa fuq tali produzzjoni. Il-Gvern m’għandux informazzjoni jekk dan il-palk intużax għall-attivitajiet oħrajn u ma daħal f’ebda arranġament dwar dan.

supply learning support assistance

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tafx li hemm numru ta’ nies li ilhom jaħdmu għal ċertu ammont ta’ snin mas-supply learning support assistance (SLSA)? Taf il-Ministru li għas-sena 2008-2009 u 2009-2010 u 2010-2011 dawn il-ħaddiema kienu qed jiġu ingaġġati sena b’sena b’kuntratt definit b’tali mod li kienu se jiġu meqjusa tal-post? Taf il-Ministru li fl-20 ta' Mejju 2011 inħareġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex dawn japplikaw mill-ġdid sabiex jidħlu mal-gvern u ngħatalhom terminu sat-30 ta’ Ġunju 2011? Taf li uħud minn dawn in-nies kellhom jissottomettu ruħhom għal kors idoneu? Taf li dawn in-nies se jkollhom jissottomettu ruħhom għal interview? Tista' tiggarantixxi li b’dan l-eżerċizzju dawn il-ħaddiema m'humiex se jitilfu s-seniority tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa minnu li hemm numru ta’ supply LSAs mpjegati fuq kuntratt definit. Wara li jagħlqu 4 snin fl-impjieg dawn jiġu fuq kuntratt indefinit. Dawk li m’għalqux l-4 snin kellhom jerggħu japplikaw peress li s-sejħa issa qed toħroġ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dawn l-individwi kellhom jagħmlu kors biex ikunu mħarrġa jagħtu servizz lit-tfal. Għal dawk li kienu fl-impjieg għadu ma ġiex deciż jekk hux se jagħmlu interview. Dan jiġi deċiż mill-PSC flimkien mal-issue tas-seniority.

Valletta — mobile kiosk ġewwa City Gate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, kienx jidditjeni liċenzja sabiex huwa jopera mobile kiosk ġewwa City Gate Valletta u dan qed jiġi spustjat minħabba x-xogħlijiet li qed isiru hemmhekk, bir-riżultat li l-arja li qed tiġi allokata lilu minflok l-arja li kellu, hija ta' metru u ftit bi ftit aktar minn żewġ metri kwadri ftit 'il barra minn Putirjal, liema arja fiha innifisha diġà hija limitata peress li jeżistu erba' pilastri fiha, u b'hekk bl-arja mogħtija lilu se jkun ferm diffiċli jopera l-gabbana tiegħu? Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex ġustament dan jingħata post aktar spazjuż?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pensjoni tal-persuni li jiġu boarded out

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li attwalment meta ħaddiem governattiv jgħaddi Bord mediku u jiġi dikjarat invalidu huwa jibda jipperċepixxi l-pensjoni lilu spettanti b'mod immedjat fis-sens li dak li jkun ma jkollux għalfejn jistenna sa 61 sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li fil-każ ta’ impjegat tal-gvern, dan ikun irid l-ewwel jiġi boarded out mix-xogħol mal-Gvern. Jekk il-persuna tħoss li l-kundizzjoni medika u fiżika tagħha tirrendiha mhux tajba għal ebda xogħol, tista’ ukoll tagħmel talba għal Pensjoni għal Invalidità taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, liema talba tiġi kkunsidrata mill-Bord Mediku maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Jekk il-Bord Mediku jikkonferma li l-persuna mhix tajba għax-xogħol din tirċievi Pensjoni għal Invalidità abbażi tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha. Din il-pensjoni titħallas b’effett mill-ewwel Sibt mid-data tat-talba jew mill-ewwel Sibt wara egħluq is-sitt xhur mid-data li l-persuna tkun għamlet l-ewwel ċertifikat tal-mard (liema minnhom tiġi l-aħħar).
Leg 11 PQ #26854 Sitting 369 2011-06-20 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissarju tal-Pulizija — sentenza esegwita

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn sentenza, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għadha ma ġietx esegwita mill-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna soġġetta għall-mandat imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienet bidlet ir-residenza minn dik indikata fil-mandat, però issa din ġiet rintraċċata u l-mandat ġie eżegwit.

Valletta Rehabilitation Project — Kontijiet tad-dawl u l-Ilma ta' appartamenti

Question

Jaf il-Ministru li kien sar arranġament mal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li kien inkarigat mal-Valletta Rehabilitation Project biex l-appartamenti li nbnew fiż-żona magħrufa bħala Old Slave Prison, liema appartamenti jikkonfinaw ma’ dawn l-erba’ toroq; St Christopher Street, Mediterranean Street, Ursola Street, u St Dominic Street ma jħallsux l-ispejjeż tad-dawl konċernanti, il-liftijiet u l-komun tal-appartament in kwestjoni u dan peress li kien sar xi żvilupp ieħor sovrapost l-arja ta’ dawn l-appartamenti li kien irreka inkonvenjent u preġudizzju konsiderevoli? Jista’ jispjega fid-dawl ta’ dan kollu, għaliex ir-residenti tal-appartamenti ta’ 177 St Christopher Street, qed jirċievu l-kontijiet, nonostante dan l-arranġament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — spejjeż legali

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm intnefqu flus fi spejjeż legali mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista' jgħid għas-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011, sena b’sena kemm intnefqu flus fi spejjeż legali? Jista’ jindika min huma l-avukati li lilhom qed jiġi farmed out ix-xogħol legali fis-snin indikati? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus lil dawn l-avukati wieħed b’wieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar spejjeż legali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni dwar l-avukati ma tistax tingħata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità skont l-Atti dwar it-Taxxa.
Leg 11 PQ #25946 Sitting 346 2011-05-16 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Sptar Monter Carmeli — forensic unit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-forensic unit tal-Isptar Monte Carmeli kien hemm każ ta’ avvelenament intenzjonat? Jista' jikkonferma jekk ġiex mgħarraf il-Maġistrat tal-Għassa u saritx is-solita inkjesta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li kien hemm ebda każ ta' avvelenament fit-Taqsima Forensika tal-iSptar Monte Carmeli.

Putirjal — kwestjoni dwar appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern ħax il-miżuri neċessarji skont il-liġi sabiex jikkonvalida t-titolu tiegħu fuq is-sit fejn hemm mibnija appartamenti tal-gvern f’Putirjal? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika jekk hux possibli għall-inkwilini li jitfgħu applikazzjonijiet għax-xiri tal-appartament lilhom mikrija? Jekk fin-negattiv, meta beħsiebu il-gvern jirratifika il-pożizzjoni tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-art fuq liema hemm mibnija l-appartamenti tal-gvern f’Putirjal kienet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku taħt titolu ta’ Pusses u Użu, ħlief għal parti żgħira li oriġinarjamant kienet art tal-gvern. Fuq din il-parti hemm 6 appartamenti mibnija u li dawn diġà għaddew f’idejn l-Awtorità tad-Djar. Peress li l-appartamenti l-oħra qegħdin mibnija fuq art meħuda fuq titolu ta’ Pussess u Użu, l-inkwilini ma jistgħux jixtru l-appartamenti qabel ma l-Gvern jakkwista l-art b’xiri assolut. Intant, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, qed jagħmel eżerċizzju biex jiġu identifikati l-proprjetajiet kollha li huma meħuda b’titolu ta’ Pussess u Użu/Dominju Pubbliku ħalli jkun jista’ jixtri dawn il-proprjetajiet, inkluż l-art fejn hemm mibnija l-appartamenti ta’ fuq Putirjal, billi jikkapitaliżża l-kera tal-akkwist/għarfien li hemm fuqhom. Fil-fatt fil-2010 ġew ikkapitalizzati l-kirjiet ta’ 301 residenzi fil-Kottonera b’nefqa ta’ €100,000. Madanakollu dan l-eżerċizzju jinvolvi ħafna xogħol u riżorsi u għalkemm dan il-proċess beda u hemm proprjetajiet li ġew mixtrija, l-akkwist tas-sit li għamel referenza għalih l-Onorevoli Membru jsir meta jinbeda dan l-eżerċizzju fuq l-inħawi tal-Belt.

Dipartiment tal-VAT — imgħaxx

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25664 u r-risposta relattiva, jista' l-Ministru jindika s-somma preċiza ta' imgħax li tħallas? Jista' jispjega kemm attwalment tħallas imgħax mid-Dipartiment tal-VAT matul dawn l-aħħar erba' snin? Jista' jgħid min huma l-avukati tad-Dipartiment tal-VAT u tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jista' jsemmi kemm tħallsu minn dawn id-dipartimenti drittijiet legali fis-snin 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT ma jistax jiżvela l-ammont imħallas lill-kumpanija indikata minħabba li jekk jagħmel dan, peress li hija kumpannija waħda, jkun qiegħed jipperikola s-segretezza uffiċċjali kif provdut f’artikolu 56 ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. F’dawn l-aħħar erba’ snin l-imgħaxxijiet globali li tħallsu mid-Dipartiment tal-VAT kienu kif ġej: 2008 € 463,031 2009 € 732,573 2010 €1,895,799 2011 € 756,827 L-avukati mqabbda mid-Dipartiment tal-VAT kienu: DR. DOMNIC CASSAR DR. CARMEL GRIMA DR. VERONICA AQUILINA DR. KRIS BALZAN GANADO & SAMMUT ADVOCATES DR. REUBEN FARRUGIA DR. IAN VELLA GALEA DR. JOHN BONELLO DR. SARAH SCICLUNA Id-Drittijiet Legali li jinkludu wkoll spejjeż legali f’kawżi mitlufa mid-Dipartiment qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-VAT — interessi

Question

Jista' l-Ministru jispjega u jagħti d-dettalji dwar liema soċjetajiet jew soċjetà jew individwi jew individwu rċivew interessi mid-Dipartiment tal-VAT ta' l fuq minn nofs miljun ewro matul dawn l-aħħar erba' snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-2008 ‘l hawn kien hemm kumpanija waħda li tħallset imgħaxx mid-Dipartiment tal-VAT ta’ ’l fuq minn nofs miljun ewro. L-isem ta’ din il-kumpanija ma jistax jiġi zvelat minħabba s-segretezza ufficjali tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
Leg 11 PQ #25668 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — flus allokati għall-parkeġġar f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti d-dettalji fis-snin 2009, 2010 u 2011 kemm ġew allokati flus mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew fondi relatati ma' parkeġġar lill-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema? Jista' jispjega jekk attwalment dawn il-flus intnefqux u jekk fl-affermattiv, fiex intnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali kiseb mingħand il-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema jirriżulta li ma bbenifikax minn flus mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar, fosthom mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS), matul is-snin 2009, 2010 u 2011.
Leg 11 PQ #25669 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Interim From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palk għall-kunċert tal-MTV u kunċerti oħrajn

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk attwalment ħallasx sabiex jittella' l-palk biex isir il-kunċert tal-MTV tal-2010? Jista' jgħid kemm ħallas għal dan is-servizz? Jista' jikkonferma jekk dan il-palk intużax għal kunċerti oħra wara l-MTV u jsemmi liema kunċerti kienu u min kienu l-promoturi tagħhom? Jista' jgħid kemm ikkontribwixxew lura dawn il-promoturi talli użaw dawn il-faċilitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

berths proġettati sa tliet snin oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu proġettat li għandu jkun hemm berths disponibbli sa tliet snin oħra u kemm minnhom huma għal super yachts?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa tliet snin oħra hu pproġettat li jkun hawn madwar 2,540 berth għal yachts u minn dawn madwar 95 għandhom ikunu għal super yachts. Dan ifisser żieda ta' l-fuq minn 800 yacht berth fuq dawk eżistenti illum. Dawn il-berths jkopru kemm berths permanenti kif ukoll dawk fuq bażi temporanja. L-iżvilupp tal-berths il-ġodda huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-permessi relattivi MEPA, sejħa għall-offerti għall-bini tal-marinas u ż-żmien li l-operaturi privati jkun jeħtiġilhom biex jiżviluppaw il-marinas.
Leg 11 PQ #25617 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Beach Haven

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid u jagħti d-dettalji ta’ x'sar jew x’se jsir fis-sit magħruf bħala Beach Haven?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fil-preżent il-MEPA m’għandha ebda applikazzjoni pendenti għal żvilupp fis-sit imsemmi. L-aħħar permess li ħareġ fuq is-sit kien fl-1993 għall-restaurant u diskoteka.

yacht marinas proġettati sa tliet snin oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu proġettat li għandu jkun hawn yacht marinas sa tliet snin oħra u jagħti d-dettalji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hawn 7 yacht marina. Fi żmien tliet snin oħra għandhom jiżdiedu 2 yacht marinas oħra f'Sa Maison u l-area ta’ Dock 1.

Pietà — Piazza Madonna ta' Fatima - stallazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol ta' stallazzjoni ta' lift fi Block C2, Piazza Madonna ta' Fatima, Pietà għad li beda f’jum id-Duluri, rega' waqaf ħesrem? Tista' tindika meta se jissokta x-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kuntrattur ġie ordnat li jibda x-xogħlijiet fuq l-istallazzjoni ta’ dan il-lift fil-21 ta’ Frar 2011. Dawn ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-25 ta’ Lulju 2011. L-Awtorità tad-Djar tikkonferma li l-kuntrattur qed jimxi skont il-programm ta’ xogħol stabbilit, liema xogħol jinkludi ix-xiri ta’ materjal u xogħol ieħor li ma jirrekkjedix il-prezenza fizika tal-ħaddiema fuq il-post.