Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi differiti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Familja u jindika Imħallef, b’Imħallef?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej:-
Qorti Civili (Familja)
Kawzi differiti ghas-sentenza sal-31 ta’ Awissu 2009
Onor. Imhallef N. Cuschieri
105
Onor. Imhallef A. Felice
20
Onor. Imhallef J. Azzopardi
7
Fil-każ tal-Qorti tal-Maġistrati Għawdex, Qorti tal-Familja, ma hemm l-ebda kawżi differiti għas-sentenzi.
Jista’ l-Ministru jindika u jgħid kemm hemm sentenzi pendenti għas-sentenza quddiem il-Qorti tal-Familja, Imħallef b’Imħallef li ilhom hekk pendenti għal aktar minn 18-il xahar? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan id-dewmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta' Awwissu 2009, quddiem il-Qorti tal-Familja, Malta, hemm kawża waħda għas-sentenza li ilha pendenti għal aktar minn 18-il xahar presjeduta mill-Onor. Imħallef Noel Cuschieri, filwaqt li fil-Qorti tal-Maġistrati Għawdex, ma hemm l-ebda sentenza pendenti.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mhux qed tingħata residency permit?
Response (BORG, TONIO)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10307, ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant għandha permess ta' residenza li jiskadi fil-31 ta' Awissu 2009. S'issa hija għandha m'għamlet ebda talba sabiex iġġedded dan il-permess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jinżammx
record
ta' kemm immigranti barranin qed jirrikorru sabiex jieħdu affidavit l-Qorti u jgħidu li tilfu l-karta ta’ l-identità tagħhom?
Jaf il-Ministru li hemm uħud minn dawn l-immigranti li ħadu pluralità ta’ affidavit simili?
Jinnota l-Ministru li din it-tendenza tista’ u qed tagħti lok ta’ abbuż għax dawn il-karti ta’ identità jistgħu jintużaw abbużivament minn immigranti oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Dwar l-ewwel mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Dwar it-tieni u t-tielet mistoqsija, ninsab infurmat li mhux impossibli li xi immigrant barrani jitlef l-karta tal- identita' iktar minn darba iżda m'hemm l-ebda rapport speċifiku ta' xi każ fejn l-istess persuna ħadet affidavit li tilfet il-karta tal-identita' għal diversi drabi bi skop li tabbuża mis-sistema. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b'xi każ nitolbu jgħaddili l-informazzjoni ħalli l-każ ikun investigat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid bejn is-snin 1992 u 1998 kemm inħarġu permessi għal Outside Development Zone u min kien iċ-Chairman tad-Development Control Commission f’dak il-perijodu?
Jista' l-Ministru jispjega għaliex persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ma ngħatax rifuzjoni ta' taxxa provizjonali li huwa ħallas u li huwa intitolat li jeħodhom lura? Jaf li d-dipartiment, nonstante li ġie mfakkar kemm-il darba b'ittri, qatt ma ngħata risposta sodisfaċenti? Ma jidhirlux li din hija traskuraġnui u non kuranza da parte tal-Ministeru?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-avukati u l-prokuraturi legali attwali għall-għajnuna legali? Jista’ jgħid matul dawn l-aħħar 18-il xahar, kemm kien hemm riżenji minn din il-lista u r-raġunijiet tar-riżenji?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-lista attwali tal-Avukati u Prokuraturi Legali (7 u 7 rispettivament) għall-Għajnuna Legali ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,384 tat-3 ta' Marzu, 2009, bl-avviżi numri 167 u 168 rispettivament.
Infurmat ukoll illi f'dawn l-aħħar tmintax-il xahar kien hemm seba Avukati li irriżenjaw minn din il-kariga, mentri ebda Prokuratur Legali ma irriżenja. Ir-raġunijiet għal tali riżenja huma varji.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterju juża biex jintgħażlu l-avukati għall-għajnuna legali? X’paga u x'benefiċċji oħra jingħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-kriterji għall-għażla tal-Avukati u Prokuraturi Legali tal-Għajnuna Legali huma bbażati fuq il-kwalifiki, l-esperjenza u d-disponibilita' tagħhom, skont kif jiddeċiedi l-Bord tal-Għażla, wara sejħa għall-applikazzjonijiet minn min huwa interessat tramite l-Kamra tal-Avukati, u dana ai termini tal-Artikolu 89 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Il-pagi u benefiċċji kompetenti għall-Avukati u Prokuraturi Legali tal-Għajnuna Legali huma kif stipulati bl-Artikolu 95 tal-imsemmi Kodiċi (kapitolu 12), u kif jitħallsu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega fid-dettall x’inhuma l-intoppi li qed jinqatgħu għan-nomina Maltija għall-imħallef biex jippresjedi l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem? Jista’ jippreċiza u jgħid meta suppost jirtira l-imħallef li dettalji qed jingħataw separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jidherx li hemm xi ntoppi għal din in-nomina. Is-Sotto-Kumitat għall-Elezzjoni tal-Imħallfin tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem u Affarijiet Legali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, fehem u aċċetta r-ragunijiet għaliex il-lista li ssottometta l-Gvern Malti kienet ta' tlett irgiel. Is-Sotto-Kumitat irrakkomanda lill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem u Affarijiet Legali li jaċċetta l-lista Maltija. Infurmat ukoll illi meta ltaqa' dan il-Kumitat ma kellux quorum u għalhekk ma setax jieħu deċiżjoni. L-istess Kumitat mistenni jerga' jkollu quddiemu dan il-punt meta jerġa' jiltaqa' f'Ġunju.
Rigward it-tieni parti tal-interpellanza, nirreferi lill-Onoreveoli Membru għall-Protokoll numru 11 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Artiklu 23 (Terms of office) paragrafu 6.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-periti arkittetti li ġew imqabbda mill-Qorti tal-Maġistrati matul is-sena 2008 u 2009 u jgħid kemm tħallsu wieħed wieħed? Jista’ jgħid min huma l-periti arkitetti li ġew nominati mill-Qrati Ċivili, inkluż familja, u jagħti dettalji ta’ kemm ħadu pagamenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2008 il-Qorti tal-Magistrati nnomina bħala espert lil Perit Arkitett wieħed f' kawża waħda. L-istess Perit ġie nominat kawża oħra mill-istess Qorti tal-Maġistrati fl-2009.
ll-Qrati Ċivili, u ċioe' l-Prim' Awla tal-Qorti Ċivili, il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) u l-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja, matul is-snin 2008 u 2009 (sat-22 ta' Mejju 2009) innominaw sittax-il Perit Arkitetti ndikati fil-lista li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Rigward il-pagamenti li saru lil dawn il-periti, ninforma lill-Onorevoli Membru li peress li tali ħlasijiet isiru direttament lill-Periti nominati mill-partijiet fil-kawża, ma jinżammux dettalji ta' kemm kienu dawn l-istess ħlasijiet.
Attachments:8864 Nominazzjoni ta Periti Arkitetti.doc
Jikkonsidra l-Ministru li jorganizza serjament it-traduturi tal-qrati u jipprovdi, fost affarijiet oħra, li dawn irid ikollhom liċenzja approvata mill-Istat u jkun hemm reġistru appożitu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant se jiġi kkunsidrat.
Għalkemm it-Tribunal Industrijali ma jaqax strettament taħt id-dekasteru tiegħu, jikkonsidra l-Ministru li bi ftehim jieħu ħsieb sabiex is-sentenzi tat-Tribunal Industrijali jiġu wkoll ippubblikati online fil-website tal-Ministeru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar 12-il xahar kemm ġew deċizi sentenzi mit-Tribunal Industrijali u jagħti statistika ta’ kemm minn dawn il-kazi nqagħtu favur il-ħaddiem u kemm kien hemm każijiet fejn it-tribunal ordna reinstatement ta’ l-individwu konċernat?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li bejn il-25 ta' Mejju 2008 u l-25 ta' Mejju 2009 it-Tribunal Industrijali ta erbgha u sittin (64) decizjoni li ghandhom x’jaqsmu ma allegat tkeccija ngusta maqsumin hekk: -
· Erbgha u ghoxrin (24) favur il-haddiema u min ihaddem gie ordnat li jinghata kumpens.
· Decizjoni wahda (1) favur il-haddiem fejn gie ordnat kumpens u
reinstatement.
· Disa' u tletin (39) kontra l-haddiem.
Peress li fuq domandi preċedenti l-Ministru kien wieġeb li ma tinżammx statistika dwar kemm inqatgħu kawżi mill-Qorti Kostituzzjonali u kemm minn dawn inqatgħu mill-individwu, peress li din hija kwesjtoni ta’ interess nazzjonali, jidhirlu l-Ministru li wasal iż-żmien li tibda tinżamm din l-istatistika?
Peress li għal għexieren ta’ snin saret prattika kostanti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati li jsiru patteġġjamenti informali, jista' jintroduċi leġislazzjoni relattiva sabiex jirregolarizza din il-kwestjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Mistoqsija Parlamentari nurmu 1703 li ngħatat tweġiba għaliha, indikat bil-preċiż kemm inqatgħu kawżi mill-Qorti Kostituzzjonali.
Għar-rigward it-tieni parti, s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Tribunal Lokali — Kummissarju għall-Ġustizzja - smigħ ta' kawżi
Question
Minħabba l-fatt li t-Tribunali Lokali (Kummissarju għall-Ġustizzja) jinsabu mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha, u b’hekk dak li jkun mhux qed jirnexxielu jsib avukat li jiddefendih, jista' l-Ministru jerga’ jiċċentralizza s-smigħ ta’ dawn il-kawżi fil-bini fejn jinstemgħu wara l-ħin tal-kawżi l-oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għalkemm hemm argumenti fuq kull naħa, l-posizzjoni preżenti hija li dawn ma jerġgħux jiġu ċentralizzati.
Pubblikar ta' verbali tal-kumpilazzjonijiet u ta’ appelli Kriminali
Question
Jikkonsidra l-Ministru li jieħu ħsieb li l-verbali tal-kumpilazzjonijiet u ta’ l-appelli Kriminali jigu wkoll ippubblikati online kif qed jiġu s’issa ppubblikati l-verbali f’kawżi ċivili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għalkemm lest li nikkunsidra dak li qed jipproponi l-Onorevoli Interpellant, wieħed irid joqgħod ferm attent, fejn si tratta ta' proċeduri kriminali, li tiġi osservata mhux biss il-kelma imma anke l-ispirtu tal-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali. Fil-waqt li r-regola fiċ-ċivil hi li l-atti huma aċċessibbi għal kulħadd, fil-kriminali r-regola hi bil-kontra u, ċioe' li huma biss il-partijiet u l-avukati tagħhom li għandhom aċċess għall-atti u d-dokumenti tal-Qorti.