Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flus miġbura mis-sistema CVA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mis-sistema CVA fis-snin 2007, 2008 u 2009? Kemm minnhom jirrappreżentaw multi ta' pagamenti b'lura? Kif wasal il-Gvern biex jikkalkula l-penali fuq pagamenti b'lura?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kif kienu miġbura il-ħlasijiet tac-CVA.

Leġislazzjoni dwar il-gambling machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jippromulga l-liġi dwar il-gambling machines? Ma jidhirlux li mankanti l-leġislazzjoni dwar il-gambling machines qed jinħoloq dizgwid kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #9989 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

permessi għal Outside Development Zone

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid bejn is-snin 1992 u 1998 kemm inħarġu permessi għal Outside Development Zone u min kien iċ-Chairman tad-Development Control Commission f’dak il-perijodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' l-Ambjent u l-Ippjanar, tul il-perjodu bejn Ottubru 1992 u Settembru 1998 kien hemm elf, erba' mija u ħamsa u disgħin (1495) applikazzjoni li ġew approvati mill-Bord tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp li huma allokati barra ż-żona ta' l-Iżvilupp. Iċ-Chairman inkarigat tul dan il-perjodu kien il-Perit Joseph Falzon.
Leg 11 PQ #10431 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal ta' Kontra l-Korruzzjoni — Deċiżjonijiet kontra l-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul l-istess perijodu kemm dan it-Tribunal ta' Konrtra l-Korruzzjoni ta deċizjonijiet kontra l-Gvern, aġenziji tal-Gvern, Awtoritajiet statutorji jew uffiċjali pubbliċi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul il-perjodu msemmi, l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma rrapportatx att ta' korruzzjoni fil-konfront ta' uffiċjali pubbliċi imsemmija fl-Art. 4 tal-Kap 326.

Nutar — Kuntratti pubblikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2007 kemm ġew pubblikati kuntratti nutar b’nutar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li mhux kull kuntratt huwa insinwabbli u peress li mhux kull Nutar jinsinwa kull kuntratt li jippublika mill-ewwel, allura r-Reġistru Pubbliku mhux f'posizzjoni li jgħid kemm kuntratti ġew ippublikati Nutar b'Nutar.
Leg 11 PQ #10518 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ineffiċjenza assoluta fir-Reġistru tas-Subbasti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jingaġġa nies kwalifikati fir-Reġistru tas-Subbasti minħabba l-ineffiċjenza assoluta li teżisti għal dak li jikkonċerna t-taxxi? Jista' jikkonsidra wkoll li jingaġġa aktar nies kompetenti sabiex jieħdu ħsieb jaħdmu l-iżbanek tad-depożiti peress li qed ikun hemm dewmien inaċċettabbli u żbalji lampanti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tat-taxxi li jsiru fis-sezzjoni tas-subbasta, jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għat-taxxi ta’ proċess wara subbasta, l-informazzjoni li għandi jirriżulta li ma hemm l-ebda nuqqas u l-ebda taxxa pendenti. Dwar il-mistoqsija l-oħra li tirrigwarda dewmien inaċċettabbli ta’ żbanki, din is-sezzjoni tieħu medja ta’ jumejn biex tipproċessa żbank.

Rifuzjoni ta' taxxa provizjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9771 u jispjega għaliex persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ma ngħatax rifuzjoni ta' taxxa provizjonali li huwa ħallas u li huwa intitolat li jeħodhom lura? Jaf li d-dipartiment, nonstante li ġie mfakkar kemm-il darba b'ittri, qatt ma ngħata risposta sodisfaċenti? Ma jidhirlux li din hija traskuraġnui u non kuranza da parte tal-Ministeru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata għadu ma ngħatax rifużjoni għall ħlas li għamel fuq boll proviżorju u li huwa ntitolat li jeħodhom lura, minħabba l-fatt li sa’ llum l-irċevuta oriġinali li kienet intbgħatitlu ma ġietx ritornata lura lid-Dipartiment, minkejja l-email datata 26 ta’ Ġunju 2008 mibgħuta fl-Uffiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant, kif ukoll ittra datata 19 ta’ Dicembru, 2008 ndirizzata lill-persuna konċernata u riċentement ittra oħra datata 25 ta’ Awwissu, 2009 li kopja tagħha ġiet ukoll mibgħuta fl-Uffiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant . L-Onorevoli Interpellant għandu japprezza li mhux possibli li l-proċess jitkompla qabel ikun żgurat li l-irċevuta oriġinali ġiet ritornata lid-Dipartiment minħabba raġunijiet ta’ kontroll.
Leg 11 PQ #10546 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2008,2009 kemm ġew riferuti każijiet liċ-Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ? Jista' jindika kemm minn dawn il-kawżi jikkostitwixxu arbitraġġ sfurzat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2008 ġew riferuti 416 każ liċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ li minnhom kien hemm 396-il kawża jikkostitwixxu arbitraġġ mandatorju skont il-liġi, filwaqt li matul l-2009 ġew riferuti 318 każ li minnhom kien hemm 295 każ li kien jikkostitwixxi arbitraġġ mandatorju.
Leg 11 PQ #10547 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ — Każijiet ta' medjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2008, 2009 kemm ġew riferuti każijiet għall-medjazzjoni, kemm mill-Qorti stess kif ukoll b'mod dirett mill-partijiet fl-istess Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ (naturalment, esklużi l-medjazzjonijiet fil-kawżi ta' separazzjoni)?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-snin 2008 u 2009 ġew riferuti rispettivament 3 każi u 5 każi għall-medjazzjoni liċ-Ċentru tal-Mejazzjoni għal Malta mill-Qorti. Fl-istess żmien ma kien hemm ebda każ li ġie riferut direttament mill-partijiet.
Leg 11 PQ #10425 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Famlija — Sentenzi inqatgħu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mill-Qorti tal-Familja, Imħallef b’Imħallef fis-snin 2007, 2008, u 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10426 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Maġistrati — Qorti ta' Ġudikatura Kriminiali - sentenzi differiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, Maġistrat b’Maġistrat għal dak li jikkonċerna limitatament kawżi tal-kumpilazzjonijiet, kemm hemm kawżi differiti għas-sentenza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10427 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Maġistrati — Sentenzi differiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali, Maġistrat b’Maġistrat għal dak li jikkonċerna kawżi ta' kumpilazzjoni li ilhom differiti għas-sentenza għal aktar minn 18-il xahar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’Awwissu, 2009, quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, għal dak li jikkonċerna kawżi ta’ kumpilazzjonijiet, kien hemm sitta u tletin (36) kawża li ilhom aktar minn 18-il xahar għas-sentenza quddiem il-Maġistrat J Apap Bologna. Fil-każ tal-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex ma hemm l-ebda waħda.
Leg 11 PQ #10428 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kważi Kostituzzjonali kontra l-Gvern — sentenzi li nqatgħu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-snin 2007, 2008, u 2009 kemm inqatgħu kawżi Kostituzzjonali kontra l-Gvern u li jikkonċernaw dewmien inaċċettabbli quddiem il-Qrati u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10429 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bordijiet ta' inkjesta — konkluzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru Bordijiet ta’ Inkjesta ad hoc u jagħti d-dettalji ta’ l-inċidenti relattivi matul is-snin 2007, 2008 u 2009? Jista' jindika liema inkjesti ta’ bordijiet maħtura ad hoc waslu għal konklużjonijiet differenti milqugħa mill-Maġistrati inkwerenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Matul is-sena 2008 kienu ġew maħtura ad hoc tliet Bordijiet ta’ Inkjesta, u ċioe, fil-każijiet li kienu jinvolvu ċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, lis-Sur Nicholas Azzopardi u l-Faċiltà Korrettiva ta' Kordin. Il-konklużjonijiet ta’ dawn it-tliet inkjesti ma kenux ivarjaw minn dawk magħluqa mill-Maġistrati inkwerenti.
Leg 11 PQ #10430 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal ta' Kontra l-Korruzzjoni — investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ilmenti/ kawżi matul is-snin 2008 u 2009 quddiem it-tribunal ta’ kontra l-Korruzzjoni? Jista’ jgħid kemm ġew konklużi investigazzjonijiet matul dan l-istess perijodu quddiem dan it-Tribunal u kemm għad fadal każi differiti għas-sentenza? Jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan it-Tribunal, x’inhi r-remunerazzjoni tagħhom u xi fringe benefits għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2008 u 2009 ġew preżentati ħames ilment/każi quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Minn dawn ġew konklużi tliet każi filwaqt li t-tnejn l-oħra għadhom qed jiġu investigati. Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni hija komposta kif ġej:- L-Imħallef Albert Manché (Irt.), LL.D. Chairman Il-Kurunell John Harrison (Irt.), B.E.M. Membru L-Avv. Ray Zammit LL.D. Membru Infurmat ukoll illi ċ-Chairman tal-Kummissjoni għandu remunerazzjoni ta’ € 17405.96 fis-sena kif ukoll għandu b’xejn servizz tat-telefon, xiri ta’ ċerti ġurnali lokali u servizz ta’ karozza tal-kiri, filwaqt li l-membri għandhom remunerazzjoni ta’ € 9317.49 fis-sena u xejn aktar. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma tismax kawżi għax la hija Qorti u lanqas ma hi Tribunal, iżda hija Kummissjoni investigattiva u meta tikkonkludi każ, hija ma tagħtix sentenza, iżda tibgħat rapport lill-Ministru tal-Ġustizzja skont l-Art. 11 tal-Kap.326.

Dipartiment tal-Artijiet — Korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex l-ittri li tibgħat il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet qatt ma tirċievi tweġiba tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tal-Artijiet ma jirriżultax li l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament qatt bagħtet xi ittri fid-Dipartiment.
Leg 11 PQ #10420 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Sentenzi quddiem il-Prim Awla tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi differiti għas-sentenza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti u jindika Imħallef, b’Imħallef?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #10421 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Prim Awla tal-Qorti Ċivili — sentenzi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika u jgħid kemm hemm sentenzi pendenti għas-sentenza quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Imħallef b’Imħallef li ilhom hekk pendenti għal aktar minn 18-il xahar? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan id-dewmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed l-nformazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra. B’referenza għall-mistoqsija tal-aħħar, għalkemm irrid infakkar li l-kawżi huma fil-kontroll esklussiv tal-Ġudikant li jkun qed jisma’ l-każ, kull wieħed għandu l-fatti speċi u d-diffikultajiet tiegħu. F'kull każ hemm l-Art. 195 sub-artiklu 5 (b) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jista' jiġi użat.