Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Shipyards Ltd

Question

Jista l-Ministru jgħid għalfejn, filwaqt illi l-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-tliet setturi tal-Malta Shipyards Ltd. – ossia Marsa Shipbuilding, Manoel Island Yacht Yard u shiprepair section – jinsab fi stadju avvanzat, il-proċess referibbilment għall-Marsa Super Yacht Services jinsab wieqaf u l-ebda deċizjoni għadha ma ttieħdet dwar l-offerti li saru?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Melita Marine Group

Question

Jista l-Ministru jagħti informazzjoni dwar min huma l-individwi jew kumpaniji li jiffurmaw il-Melita Marine Group? Jista' jagħti informazzjoni dwar l-offerti rispettivi li saru sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kollha rikjesti mill-offerenti prospettivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kummissarju tal-Artijiet — acknowledgement ta' ittra

Question

Jista' l-Ministru jgħid 'l għaliex għad li l-Kummissarju tal-Artijiet bagħat acknowledgement fit-8 ta’ Jannar 2009 fuq ittra tiegħi, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, baqa' ma bagħatx tweġiba għall-kontenut tal-istess ittra?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa Super Yacht Services — privatizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministeru jikkonferma illi in segwitu ta’ l-mistoqsija parlamentari li nbaghtet nhar it-3 ta’ Novembru 2009 u l-istqarrija li saret mill-Ministru fl-4 ta’ Novembru 2009, ser jinħarġu tenders ġodda għall-privatizzazzjoni tal-Marsa Super Yacht Services? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta ser joħorġu tali tenders? Peress li l-Minsitru stqarr illi l-ewwel offerti ma kenux sodisfaċenti, jista’ jgħid għaliex l-aħjar offerta ma kenitx aċċettabbli għall-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Nikkonferma li fit-3 ta’ Novembru dawk li pparteċipaw fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-faċilita tas-Super Yachts ġew infurmati li l-Privatisation Unit ma kinitx sodisfatta bl-ebda proposta li kienet irċeviet. Għaldaqstant dawn il-parteċipanti ġew mistiedna jagħmlu proposti ġodda. Minħabba raġunijiet kummerċjalment sensittivi risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata f’dan l-istadju.
Leg 11 PQ #11848 Sitting 153 2009-11-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Nomina għall-kariga ta' Imħallef

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li applikaw sabiex jiġu nominati għall-kariga ta’ Imħallef sabiex jippresjedi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li l-lista tal-ismijiet tal-persuni li applikaw għall-kariga li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija ta’ natura konfidenzjali, ma nħossx li jkun għaqli li għandha tingħata.

open top buses — liċenzji

Question

Jaf il-Ministru li l-open top buses kollha liċenzjati f’Malta mhumiex konformi mar-regolamenti dwar is-servizzi ta’ ġarr tal-passiġġieri (legal notice 149\09)? Beħsiebu jordna li l-liċenzji ta’ dawn l-open top buses kollha jiġu rtirati? Jekk ir-risposta tkun fin-negattiv, għall-inqas jikkonsidra li jagħti liċenzji simili lil dawk l-operaturi li importaw l-open top buses qabel ma ġew promulgati dawn ir-regolamenti? Dan sabiex issir ġustizzja ma' kulħadd u ma tippersistix id-diskriminazzjoni li hemm. Jista' jgħid matul dawn l-aħħar 18-il xahar kemm ħarġu liċenzji ta’ open top buses, lil min u jekk dawn il-buses humiex konformi mar-regolamenti dwar is-servizzi tal-ġarr tal-passiġġieri (legal notice 149\09)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Open Top Buses liċenzjati f’ Malta huma kollha konformi mar-rekwisiti stipulati fl-Avviż Legali 149 tal-2009
Leg 11 PQ #11031 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Ġudikatura — esklużi minn okkazjonijiet u funzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi membri tal-ġudikatura li qed jiġu esklużi minn okkażjonijiet u funzjonijiet soċjali? Jekk fl-affermativ jista' jgħid minn ħa din id-deċiżjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-Diviżjoni tal-Qorti qatt ma organizzat okkażjonijiet jew funzjonijiet soċjali li għalihom ġew esklużi xi membri tal-Ġudikatura.

Dipartiment tal-Artijiet — Korrispondenza

Question

B'reference għall-mistoqsija parlamentari 10413 u t-tweġiba relattiva, qiegħed nibgħat uħud mill-ittri (li qed jinbagħtu separatament) li ntbagħtu lid-Dipartiment tal-Artijiet għax l-oħrajn ma nistgħax nittraċjahom. Fid-dawl ta' dan, jidhirlu l-Ministru li d-dipartiment konċernat qed ikun żleali lejh u qed jipprova jgħatti in-negliġenza u inertia tiegħu? Jidhirlu l-Ministru li għandu jidderiġi lill-istess dipartiment iwieġeb għal dak mitlub mill-persuna indikata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onervoli Interpellant illi ċ-ċwievet tal-maħżen ġew ikkonsenjati lid-Dipartiment tal-Artijiet fl-24 t’Awissu 1998. Barra minnhekk, kif diġa’ ġie nfurmat l-avukat tal-armla, l- istore kien mogħti b’titlu ta’ encroachment u mhux ta’ kirja. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal- encroachment permit . Kif diġa’ ġie mgħarraf l-avukat tal-armla, l- encroachment permit huwa wieħed temporanju, prekarju u jingħata b’mera tolleranza mill-Gvern ta’ Malta u konsegwentament il-Gvern għandu l-fakulta’ li jirtirah x’ħin irid, mingħajr l-ħtieġa tal-ebda spjegazzjoni u pre-avviż ieħor. Il-pretensjoni ta’ din il-persuna li tali konċessjoni tinqaleb fuqha hija waħda nfondata fid-dritt u fil-fatt.
Leg 11 PQ #11101 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10423, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja imħallef b'imħallef?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Leg 11 PQ #11103 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kawżi pendenti quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10422, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti b'mod ġenerali quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili imħallef b'imħallef?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #11104 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kumpilazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10426, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpilazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti ta' Ġudikatura Kriminali, maġistrat b'maġistrat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Dritt lil persuna biex tidħol f'pajjiżna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ngħatatx id-dritt li tidħol f'pajjiżna għad li din hija debitament miżżewġa lill-persuna indikata separatament? Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li dan id-dewmien qed jilludilu d-drittijiet fundamentali tiegħu, kif sanċiti bil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11110 datata 2 ta' Ottubru 2009, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta tinsab imniżżla fuq il-lista tar-"refuse landing". Dan il-Ministeru jinsab infurmat li hemm kommunikazzjoni għaddeja bejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni u l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament sabiex il-mara tiegħu titneħħa minn fuq din il-lista. Sal-llum is-"Central Visa Unit" ma ġietx infurmata la mingħand il-Pulizija u anqas mingħand din il-persuna li kien hemm żviluppi ġodda rigward dan il-każ.

Liberalizzazzjoni tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jilliberalizza għal kollox it-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li diversi setturi tat-trasport pubbliku kienu liberaliżżati fl-aħħar sena. Is-settur tal-Karrijiet tal-Mejtin u dak tat-trasport mingħajr skeda (jiġifieri l-Minibuses, il-Coaches, etc.) huma liberaliżżati. Kif issemma diversi drabi qabel, fil-każ tas-servizz bi skeda, ser jinħareġ it-tender internazzjonali x-xahar id-dieħel biex jiġi identifikat operatur.

Żwieġ bir-rit musulman ġewwa l-Moskea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iżżewġu nies bir-rit musulman ġewwa l-Moskea? Hemm xi proċedura stabbilita fejn dawn iż-żwiġijiet jiġu b'xi mod reġistrati u kontrollati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi ż-żwiġijiet kollha f'Malta u Għawdex jiġu amministrati mir-Reġistru taż-Żwiġijiet. Iċ-Ċerimonja reliġjuża kemm jekk issir b'rit Musulman kif ukoll jekk issir b'rit ieħor, hija ċerimonja privata bejn iż-żewġ partijiet.
Leg 11 PQ #11009 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Single mothers — għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena kemm hemm single mothers li huma intitolati għall-għajnuna soċjali? Jista' jgħid sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin kemm kienet l-ispiża tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11010 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Single mothers reġistrati — wild minn missier mhux magħruf

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati single mothers sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid kemm minn dawn sena b'sena kellhom wild minn missier mhux magħruf? Jista' jgħid kemm minn dawn għandhom aktar minn wild wieħed u kemm għandhom tfal minn missier mhux magħruf?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11012 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Xogħol assenjat lill-maġistrati l-ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol ser jiġi assenjat lill-maġistrati l-ġodda u jekk ġewx konsultati l-maġistrati l-oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għad-disposizzjonijiet tal-Artiklu 11 (3) u 15 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Leg 11 PQ #11030 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Maġistrat elevat għall-imħallef

Question

Peress li l-maġistrat anzjan li ismu qed jintbagħat separatament ġie jew ser jiġi elevat għal imħallef, jista' l-Ministru jikkonferma li ser tiġi segwita l-prassi li l-maġistrat li l-aktar ilu fis-servizz jiġi appuntat il-maġistrat anzjani? Jekk fin-negativ, jista' jagħti ġustifikazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-Artiklu 7 (2)(3) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Leg 11 PQ #10548 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Rapporti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija dwar allegati atti ta' aggressjoni matul din is-sena 2009 u x'passi ttieħdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena saru 13-il rapport kontra membri tal-Korp tal-Pulizija dwar atti ta' aggressjoni u abbuż ta' poter; 5 każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti, 4 każijiet għadhom taħt aktar investigazzjonijiet u 4 ma rriżultawx.
Leg 11 PQ #10549 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Attrezzar aħjar tal-kmamar

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jattrezza aħjar u b'mod aktar diċenti ż-żewġt ikmamar li hemm fejn l-avukati iżuru lill-klijenti tagħhom fil-ħabs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi iż-żewġt ikmamar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ser jiġu jiġu modernizzati u attrezzati għal bżonnijiet tallum fil-futur qarib.