Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inkwilinat tal-fond kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-għaliex il-gvern ma rrikonoxxiex fl-inkwilinat tal-fond kummerċjali ġewwa l-Belt Valletta l-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jidhirlu għal tal-inqas l-Ministru li almenu jekk se jerġa' joħroġ b'offerta għall-kera, li l-persuna indikata jkollha d-dritt tal-ewwel rifjut kif is-soltu jiġri?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tal-Artijiet ma setax jirrikonoxxi b’mod dirett lill-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament. Il-fond kummerċjali in kwistjoni se joħroġ għall-kiri bl-offerti u kemm-il darba din il-persuna titfa’ l-offerta tagħha tiġi mogħtija d-dritt tal-ewwel rifjut.

Universita fażulla

Question

Taf il-Ministru li hemm organizzazzjoni fażulla, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qed tippreżenta ruħha bħala Università, ċioe European University li din qed toffri ukoll degrees f’numru ta’ suġġetti bħal General Management Marketing u oħrajn u li fil-fatt qed tgħid li t-tagħlim magħha jwassal għall-Baċellerat fl-Arti? Taf li minħabba f’dan kollu ġew ingannati numru sostanzjali ta’ studenti Maltin li apparti milli għamlu snin jistudjaw għalxejn, anke ħallsu eluf ta’ liri? Jidhrilha li dan kollu jekwivalixxi għal sfruttament frawdolenti ta’ żgħażagħ Maltin? Tista’ l-Ministru tghid x’passi ittieħdu f’dan ir-rigward. Tista' tikkonferma li din il-persuna li tmexxi l-istess Università hijiex b’xi mod ingaġġata mill-gvern bħala konsulenta fil-FOCUS group?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-European University mhix istituzzjoni rikonoxxuta fin-network ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ħa l-passi kollha meħtieġa biex twaqqaf kull attività ta’ għoti ta’ diplomi u lawrji minn din l-istituzzjoni u għalhekk twaqqfet kull irregolarità li seta’ kien hemm. Il-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC) kontinwament jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-pubbliku jkun konxju tal-proċess ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki prospettivi. Il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m’għandha l-ebda konsulenza mal-Ministeru tiegħi.

Ħlasijiet tal-arretrati ta' taxxa u tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 kemm inħarġu ittri uffiċjali għall-ħlasijiet tal-arretrati ta' taxxa u tal-VAT? Jista' jispjega għaliex dan ix-xogħol legali ma ġiex affettwat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid jgħid li dan ix-xogħol jingħata lil numru ta’ avukati kemm min-naħa tal-VAT u kif ukoll min-naħa tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni peress li l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali għandu pressjoni kbira ta’ xogħol u m’għandux avukati biżżejjed biex ilaħħaq ma’ dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #16257 Sitting 218 2010-05-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji

Question

Jista' l-Prim Ministru jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandna tliet bordijiet u awtorita' waħda. Il-Bordijiet huma: Committee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citizenship) Ministerial Advisory Committee on the Tsunami Relief Fund, u, Sanctions Monitoring Board L-Awtorità li taqa' taħt dan il-Ministeru hija: National Authority of Malta for the Implementation of the Chemical Weapon Convention M'għandniex entitajiet governattivi, aġenziji, u kumpaniji li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #16261 Sitting 218 2010-05-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Inter — entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma dawk l-entitajiet governattivi, aġenziji, awtoritajiet, bordijiet u kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern hemm 5 Entitajiet Governattivi, 2 Aġenziji u 30 Bord. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljata.
Leg 11 PQ #16249 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru tal-Arbitraġġ — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew riferuti każijiet quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fis-sena 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ġew riferuti 411 każ fl-2009 u 99 każ minn Jannar 2010 sa Marzu 2010.
Leg 11 PQ #16250 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru tal-Arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-każijiet riferuti quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fis-snin 2009 u 2010 kienu arbitraġġi mandatarji? Kemm kienu volontarji?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-411 każ li ġew riferuti quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fl-2009 kien hemm 373 arbitraġġi mandatarji u 38 volontarji filwaqt li mid-99 każ li ġie riferut fl-2010 kien hemm 91 każ mandatarju u 8 volontarju .
Leg 11 PQ #16251 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentru tal-Arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa lill-gvern l-operat taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ fis-snin 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-2009 u fl-2010 sal-aħħar ta' Marzu, l-operat taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ sewa lill-Gvern €69,811.20 u €17,500 rispettivament.
Leg 11 PQ #16252 Sitting 215 2010-05-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Prim Awla tal-Qorti Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux beħsiebu jirrevedi l-arbitraġġ sfurzat wara li diġà ngħataw tlett sentenzi mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ddikjaraw li dan it-tip ta' arbitraġġ huwa anti-kostituzzjonali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm Abbozz ta' Liġi fil-Parlament biex jindirizza din il-problema.

Sptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal sptarijiet privati u spiżerji pendenti? Jista' jindika xi kriterji qed jintużaw f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li hemm 319 applikazzjoni pendenti għall-spiżeriji. Il-Ħruġ tal-liċenzi għall-spiżeriji jsir skond l-kriterji msemmija fl-Avviż Legali numru 279/2007 ‘Regolamenti ta’ l-2007 dwar il-Liċenzi għall-Ispiżeriji’ kif amendata mill-Avviż Legali 81/2008 u l- Avviż Legali 198/2010. Basikament dawn huma kriterji ġeodemoġrafiċi kif ġej hawn taħt: “ Skond regolament numru 4(1) l-għadd ta’ spi ż eriji li tista tinħarġilhom liċenza fil- konfini ta’ belt jew raħal m’għandux ikun ta’ inqas minn tnejn, u dawk l-ispiżeriji għandhom jkunu jinsabu f’distanza ta’ mhux inqas minn tliet mitt metru bil-pass ‘il bogħod minn xulxin u wkoll ma tista tiftaħ ebda spiżerija f’distanza ta’ tliet mitt metru bil-pass minn xi spiżerija li tkun tinsab f’xi belt jew raħal fil-viċin. U s kond regolament numru 4(2) ta’ dan l-avviż legali, f’kull belt jew raħal l-għadd ta’ spiżeriji m’għandux jeċċedi l-proporzjon ta’ spiżerija għal kull elfejn u ħames mitt abitant. Skond l-istess avviż legali “ ‘belt’ tfisser lokalita, inlużi l-irħula żgħar kollha u żoni ċirkostanzi, li jkollhom kunsill lokali jew kumitat hekk appuntant taħt l-Att dwar Kunsilli Lokali, u ‘raħal’ għandha tiftiehem bl-istess mod.” Ninforma ukoll l-Onorevoli nterpellant li m'hemm ebda applikazzjoni pendenti għal sptarijiet privati. Il-kriterji li qed jintużaw f'dan ir-rigward huma dawk li huma specifikati fl-Avviż Legali 161 ta' 1995 u l-emendi tiegħu. Kopja ta' dan l-avviż qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

parkeġġ fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk sakemm ilestu x-xogħlijiet tal-Belt hux se jipprovdi parkeġġ alternattiv jew jekk hux se jissosspendi għall-inqas is-sistema tas-CVA?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fis-sit tal-Park and Ride ġewwa l-Blata l-Bajda hemm spazju biżżejjed biex jilqa' għad-domanda ta' parkeġġ alternattiv waqt li għaddejin ix-xogħlijiet ġewwa l-Belt Valletta. Ninsab infurmat ukoll li m'hemm ebda ħsieb li tiġi sospiża s-sistema tas-CVA u ma nara ebda vantaġġ ta' idea bħal din.
Leg 11 PQ #16243 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunali għat-talbiet żgħar — chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairmen tat-Tribunali għat-Talbiet Żgħar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-chairmen tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar huma s-Segwenti:- Dr Veronica Galea Debono Dr Ian Spiteri Bailey Dr Raphael Fenech Adami Dr Maria Karlsson Dr Greta Mifsud Agius Dr Mario Scerri (Għawdex - li jiġi sostitwit b'Dr Maria Karlsson)
Leg 11 PQ #16244 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għat-Talbiet Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa' lill-gvern ta' Malta t-tħaddim tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar għas-snin 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ispiża mill-Qrati tal-Ġustizzja għat-tħaddim tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar għal-2009 u minn Jannar sa Marzu 2010 kienet ta' €132,072.61 u €35,772.15 rispettivament.
Leg 11 PQ #16245 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-membri tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma l-Kurunell John Harrison u l-Avukat Raymond Zammit.
Leg 11 PQ #16246 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet ġodda quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ppreżentati każijiet ġodda quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni fis-snin 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2009 il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni rċeviet quddiemha 7 allegazzjonijiet ġodda filwaqt ma kien hemm l-ebda każ ġdid fl-ewwel tliet xhur tal-2010.
Leg 11 PQ #16247 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi każijiet quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni fis-snin 2009 u 2010? Kemm għad baqa' każijiet pendenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Art. 4 (kap 326) il-funzjonijiet tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma li tikkunsidra atti ta' l-korruzzjoni allegati jew suspetti, u tinvestiga, iżda ma tiddeċidiex każijiet. F'każijiet fejn ma jkunx hemm indizji biżżejjed ta' atti ta' korruzzjoni skont il-liġi, il-Kummissjoni tagħlaq il-każ u tarkivjah. Ninsab infurmat illi matul l-2009 ġew magħluqa u arkivjati 8 każijiet filwaqt li matul 2010 ġie arkivjat każ wieħed u żewġ każijiet għadhom pendenti.
Leg 11 PQ #16248 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa' t-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni fis-snin 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni għas-snin 2009 u 2010 s'issa kienet tammonta għas-somma ta' €57,817 u €2,009 rispettivament.