Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kalkara: Triq Patri M. Sultana, Triq il-Kappuċċini — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18324 u ċioe: Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17940 u jgħid meta se ssir Triq Patri Mattew Sultana l-parti ta’ fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-Djar? Meta se ssir it-triq fil-parti tal-Kapuċċini fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-Djar? Meta se tinfetaħ it-triq li minn Patri Mattew Sultana tagħti għal triq il-Kapuċċini fejn inbena l-Housing Estate mill-Awtorità tad-djar? Nixtieq ninforma lill-Ministru li kont qed nirreferi għall-Kalkara.

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.19277.

Kumpens għall-Enerġija

Question

Jista' l-Ministru, wara li ddikjara li l-kumpens għall-enerġija se jiġi jiswa lill-gvern €11miljun u mhux €10miljuni hekk kif imħabbar fil-budget, jista' jispjega din id-diskrepanza?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont allokat fil-baġit 2010 ta’ €10 miljuni kien stima maħduma fuq il-konsum f’units mill-familji matul l-2008, l-aħħar informazzjoni aġġornata fil-perjodu tat-tfassil tal-Budget. Wara li nħadem saret kampanja sabiex il-familji kollha kellhom l-opportunità li jaġġornaw id-dettalji fil-kontijiet tagħhom, u wara li nħadem l-ammont taċ-ċekkijiet fuq il-konsum f’unit mill-familji matul l-2009, ġie kkalkulat li n-nefqa totali se tkun ta’ €11-il miljun.

Dar Malta — lista ta' konsulenti u kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18321 u 17936 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konsulenti u kuntratturi li ħadmu fuq Dar Malta fi Brussell, u kemm tħallsu kull wieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17936.

ħruġ ta' passaporti ġodda — protezzjoni minn abbuzi

Question

Jista' l-Ministru jispjega x' miżuri qed jittieħdu biex tiġi żgurata l-privatezza tal-individwi, il-protezzjoni minn abbuzi ta' data u assigurazzjoni ta' protezzjoni ta' data mill-awtorita' responsabbli mill-ħruġ ta' passaporti fid-dawl li fost id-data l-ġdida li qed tinżamm hemm il-marki tas-swaba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-data li tinġabar meta wieħed japplika għall-passaport ġdid tintuża biss għal-skopijiet ta’ passaport, skont ir-Regolament tal-Unjoni Europea 2252/2004, u biex tassigura is-sigurta` fil-passaport stess. L-immaġini tal-marki tas-swaba li jinżammu fil-passaport jintużaw biss meta wieħed jiġbor il-passaport mill-uffiċċju tal-passaporti u meta jaqsam il-fruntieri. L-uffiċjal jitlob l-individwu biex jivverifika li l-marki tas-swaba li hemm fil-passaport jaqblu ma’ dawk tal-individwu. B’hekk tassigura l-identita’ tal-individwu. Id-data fil-passaport hija issiġillata diġitalment u tista tinqara biss minn apparat awtorizzat. L-infrastruttura hija mibnija b’sigurta’ kbira biex tevita xi intrużjoni mhux awtorizzata. Is-sistema tawditja x’jiġri meta l- users awtorizzati jużaw is-sistema u żżomm audit trail ta’ dak li jkun sar minn kull user . Id-data biometrika li tinżamm fil-passaport, kemm l-immaġini tal-wiċċ u l-marki tas-swaba, qeda tinżamm ukoll fid-database pero’ mingħajr l-ebda link mad-data personali tal-individwu. B’hekk tkun teknikament aktar diffiċli biex tistabilixxi l-identita` tal-persuna li tagħha tkun id-data biometrika. Meta jiskadi l-passaport, il-marki tas-swaba jinżammu fis-sistema għal sitt xhur, u wara jitħassru awtomatikament. Dawn is-sitt xhur huma kkunsidrati bħala l-inqas periodu possibli li jista’ jkun hemm bżonn biex jiġu investigati xi rapporti ta’ xi abbuż tal-passaport sad-data tal-iskadenza tieghu.

Dar Malta — lista ta' konsulenti u kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17936 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konsulenti u kuntratturi li ħadmu fuq Dar Malta fi Brussell, u kemm tħallsu kull wieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17936.

Sptar Mater Dei — parkeġġ għall-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha fuq l-arrangamenti li jeżistu fl-Isptar Mater Dei għall-parkeġġ tal-karozzi tal-impjegati fl-iskali differenti? Jista' jgħid min mill-impjegati tal-isptar jintalab iħallas għall-parkeġġ u min ma jintalabx?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont il-provediment tal-kuntratt tal-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei, hemm 1,000 spazju bla ħlas li huma riżervati għall-impjegati fid-diversi livelli fil-parkeġġ fin-nofs in-nhar ta’ l-isptar. Dawn huma mqassmin kif ġej: · Livell 0 – (Kollu) o Permess Blu: Sa skala 7 (il-ħin kollu) o Permess Isfar: Impjegati minn Skala 13 – 20 (bejn is-2 ta’ wara nofs in-nhar u s-7 ta’ filgħodu) · Livell -1 (Punent) o Permess Aħmar: Staff Mediku (il-ħin kollu) · Livell -1 (Lvant) o Permess Aħdar: Impjegati minn Skala 8 sa 12 (il-ħin kollu) o Permess Isfar: Impjegati minn Skala 13 – 20 (bejn is-2 ta’ wara nofs in-nhar u s-7 ta’ filgħodu) · Livell -2 (Lvant) o Permess Aħdar: Impjegati minn Skala 8 sa 12 (il-ħin kollu) o Permess Isfar: Impjegati minn Skala 13 – 20 (bejn is-2 ta’ wara nofs in-nhar u s-7 ta’ filgħodu) Sar arrangament mal-kuntrattur li jimmaniġġja l-parkeġġi kollha ta’ l-isptar biex biċċa art ħdejn l-entratura tal-isptar (magħrufa bħala Area C) tintuża bħala parkeġġ mill-impjegati bejn Skala 13 u 20, bi ħlas minimu ta’ €0.47 għall-ġurnata kollha. Peress li din il-biċċa art fil-futur qarib se tintuża biex jinbena ċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija, sar arranġament ieħor biex dawn l-impjegati jkunu jistgħu jużaw parti mill-parkeġġ li qiegħed jintuża mill-viżitaturi (livell -2 – Punent) bl-istess kunduzzjonijiet li kellhom, bid-differenza li se jipparkjaw f’parkeġġ b’saqaf.

Manoel Island Yacht Yard Ltd — shareholder

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kummenti għandu għall-fatt li wieħed mix-shareholders ta’ kumpanija li tifforma parti minn Manoel Island Yacht Yard Ltd, li ngħatat il-yacht yard ta’ Manoel Island min-naħa tal-Gvern, huwa ċ-Chairman ta’ Transport Malta, li huwa r-regolatur tal-qasam tat-trasport, inkluż dak marittimu? Jista' jgħid jekk jarax xi kunflitt ta’ interess?

Response (GATT, AUSTIN)

Transport Malta ma tirregolax u ma tilliċenzjax tarznarji bħalma hi l-Manoel Island Yacht Repair Yard bl-istess mod kif Transport Malta ma tirregolax u tilliċenzjax mekaniks jew sprayers tal-karozzi. Konsegwentament ma hemm ebda possibilita’ ta’ konflitt ta’ interess.

Chairman ta' Transport Malta — kumpanija li tmexxi l-yacht marina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kummenti għandu għall-fatt li ċ-Chairman ta’ Transport Malta, li huwa r-regolatur tal-qasam tat-trasport, inkluż dak marittimu, għandu interess f’konsorzju ma’ kumpanija li tmexxi l-yacht marina? Jista' jgħid jekk jarax kunflitt ta’ interess?

Response (GATT, AUSTIN)

Apparti li Transport Malta ma tirregolax yacht marinas privati, ma nistax nifhem kif jista jkun hemm konflitt ta’ interess by association meta m’hemmx kunflitt fuq l-attivita innifisa li hi l-Manoel Island Yacht Yard. Li kieku jeżisti l-kunċett ta’ kunflitt by association - u sempliċement biex inġib eżempju - l-Onor Interpellant ikollu kunflitt f’kull materja li għandha x’taqsam mal-impjieg tiegħu.
Leg 11 PQ #19268 Sitting 254 2010-07-13 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Lista' ta' konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb misotqsijiet parlamentari 19115, 18865, 18514, 18085, 17707, 17386 u 16952 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Rigward l-informazzjoni tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ninfurmah li din għadha qed tinġabar u tingħata fil-futur.
Leg 11 PQ #19269 Sitting 254 2010-07-13 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — xogħol f'barrieri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-unit fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar responsabbli mill-Minerals, li l-aktar li għandhom x’ jaqsmu ma’ xogħol f’barrieri, ġiex trasferit għall-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta? Xi rwol se jkollu dan il-unit fl-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont kif kien ġie rrapurtat fid-Dokument tar-Riforma tal-MEPA il-Minerals Unit li kienet fi ħdan il-MEPA ġiet integrata fil-ġimgħat li għaddew fil-Malta Resources Authority. Ix-xogħol relatat mal-barrieri issa qed isir min din il-Unit fi ħdan l-MRA.

kunflitt ta' interess

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19114, jista' l-Ministru jgħid: a) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil BIM Ltd, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’ direct order ? b) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil Mediterranean Insurance Brokers, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’direct order ? ċ) Jekk il-persuni msemmija fit-tweġiba, it-tnejn diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta, iddikjarawx l-interess tagħhom f’dawn iż-żewġ kumpaniji msemmija iktar ‘il fuq ? Jekk iva, f’liema stadju għamlu dan u b’liema mod? Jekk le, għaliex ma sarx dan? d) Minn liema data ilhom jokkupaw il-kariga ta’ diretturi fil-Korporazzjoni Enemalta ż-żewġ persuni msemmija fit-tweġiba 19114 ?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’ seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — diretturi

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-ebda direttur fuq il-bord tal-Korporazzjoni Enemalta m'għandu kunflitt ta' interess f'oqsma li fihom il-kumpanija tixtri prodotti u servizzi? F'każ li jeżistu dawn il-każijiet, liema huma?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19114, liema tweġiba tapplika wkoll għall-Mistoqsijiet Parlamentari msemmija hawn taħt. 17722 18087 17507 18863 18513

Dar Malta — lista ta' konsulenti u kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konsulenti u kuntratturi li ħadmu fuq Dar Malta fi Brussell, u kemm tħallsu kull wieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Joint Office — ċens mifdi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet biex jinfeda ċ-ċens tal-Joint Office matul l-2009 u matul l-ewwel ħames xhur tal-2010 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom kienu rifjutati? X’kienu r-raġunijiet li minħabba fihom kien hemm applikazzjonijiet li ma ġewx aċċettati? Teżisti l-possibilità li ġaladarba applikazzjoni tiġi rifjutata, tkun tista' terġa' titressaq għall-kunsiderazzjoni u x’ikun irid isir biex dan isir?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19116.

Joint Office — ċens mifdi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18509 u jgħid kemm saru applikazzjonijiet biex jinfeda ċ-ċens tal-Joint Office matul l-2009 u matul l-ewwel ħames xhur tal-2010 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom kienu rifjutati? X’kienu r-raġunijiet li minħabba fihom kien hemm applikazzjonijiet li ma ġewx aċċettati? Teżisti l-possibilità li ġaladarba applikazzjoni tiġi rifjutata, tkun tista' terġa' titressaq għall-konsiderazzjoni u x’ikun irid isir biex dan isir?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19116.

Gozo Channel — Ġarr ta' Oil Water

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswa s-servizz biex jinġarr (liquid waste) l-Oil Water minn ġol-vapuri tal-Gozo Channel? Min qed jagħmel dan ix-xogħol? Il-kuntratt għal dan ix-xogħol ingħata b’direct order jew b’sejħa għal tenders ? F’każ li kien hemm sejħa għal tenders min kienu dawk li tefgħu l-offerta tagħhom u x’kien il-valur ta’ kull offerta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizz biex jinġarr (liquid waste) l-Oil water minn ġol-vapuri tal-Gozo Channel sewa Eur 20,255 minn Ottubru 2009 sa Ġunju 2010. Dan ix-xogħol isir mill-kumpanija Waste Oils Company Ltd.
Leg 11 PQ #19167 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — kostruzzjoni tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar applikazzjoni, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li daħlet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’Mejju li għadda b’rabta ma’ żvilupp ġdid ta’ kostruzzjoni fl-Isptar Mater Dei? Fejn fl-Isptar Mater Dei, huwa l-ħsieb li jsir ix-xogħol in kwistjoni? Hemm xi mira ta’ meta għandu jibda u jispiċċa x-xogħol in kwistjoni? Kemm se jiġi jiswa? Għaliex dan ix-xogħol ma sarx meta kien għadu qed jinbena l-Isptar Mater Dei ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #19168 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpaniji tal-Online Gaming

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid jekk hux konxju tal-fatt li meta ħaddiema li jaħdmu f’kumpaniji ta’ online gaming iċemplu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali għal gwida u għajnuna rigward ħinijiet ta’ shift, sick leave u kwistjonijiet oħra simili, jintqal lilhom li dawn il-kumpaniji ma joperawx fil-qafas tal-liġi industrijali? Jista’ jikkonferma li mhux il-każ li l-kumpaniji tal-online gaming ma joperawx barra minn dan il-qafas u li l-liġijiet industrijali jgħoddu ukoll għal kumpaniji f’dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali – Kapitolu 452 u l-leġislazzjoni sussidjarja li joħorġu minnu jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impieg tal-ħaddiema fis-setturi differenti tal-industrija, u li anke jinkludu ħaddiema mpjegati ma’ kumpaniji ta’ online gaming. Uħud mil-leġislazzjoni sussidjarja, dawk li huma magħrufin bħala ‘ Wage Regulation Orders’ , jirregolaw kundizzjonijiet minimi partikolari, fosthom – ħin normali tax-xogħol, paga minima, rati ta’ overtime , u intitolament ta’ leave għall-mard u leave speċjali ieħor. Fejn ma tapplikax waħda minn dawn il-‘ Wage Regulation Orders ’, (kif inhu l-każ ta’ kumpaniji ta’ online gaming ) japplikaw ir-regolamenti ta’ Avviż Legali 432 tal-2007 – Regolamenti ta’ l-2007 dwar Dritt Minimu ta’ Leave Speċjali, fejn hemm provdut intitolament minimu ta’ leave għall-mard.
Leg 11 PQ #19169 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpanija tal-Online Gaming — ħaddiema - drittijiet tas-sick leave

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk waslux rapport għand id-Dipartimenti konċernati dwar kumpaniji ta’ online gaming li ma jagħtux lill-ħaddiema drittijiet ta’ sick leave?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn 01.01.09 sal-lum id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet u ta’ l-Impieg investiga rapporti dwar tliet każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ sick leave f’kumpaniji ta’ betting u online gaming. F’każ minnhom ma rriżultawx irregolaritajiet. F’każ ieħor l-irregolarità ġiet irranġata, fil-waqt li t-tielet każ għadu qed jiġi nvestigat.

Qorti tal-Appell — dokument kunfidenzjali b'informazzjoni personali mogħti minn Membru Parlamentari

Question

B’riferenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 19112, tista' l-Ministru tgħid kif il-Membru Parlamentari li jissemma fl-istess tweġiba, sar jaf li l-persuna konċernata kienet qed tirċievi pensjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, tant li d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali ittella' quddiem il-Qorti biex jagħti x-xhieda tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kien infurmat b’dan il-każ meta ġie mħarrek mill-Qorti tal-Magistrati sabiex jagħti ix-xhieda tiegħu dwar dan il-każ. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux informazzjoni dwar kif il-Qorti jew il-partijiet l-oħra saru jafu li xi persuna tirċievi xi benefiċċju tas-sigurtà soċjali.