Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina Liptol

Question

Peress li l-pilloli Lipitol suppost li raħsu madwar €12 kull kaxxa ta' 28 meta l-Gvern ħabbar ir-roħs fil-pilloli xi xahrejn ilu u peress li n-nies għadhom imorru s'issa u l-ispizjar jgħidilhom li l-prezz tal-Lipitol għadu għoli (€38) għax l-aġent għadu qed jagħtihom mill-istock antik, jista' l-Ministru jgħid meta n-nies se jibdew igawdu mir-roħs annunzjat mill-Gvern xahrejn ilu? Jista' jikkonferma jekk dakinhar tal-ftehim talabx lill-aġenti jagħtuh l-istocks li għandhom ta' dawk il-pilloli li ġie mraħħas il-prezz tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #99 Sitting 256 2010-09-29 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mediċina Liptol

Question

Peress li l-pilloli Lipitol suppost li raħsu madwar €12 kull kaxxa ta' 28 meta l-Gvern ħabbar ir-roħs fil-pilloli xi xahrejn ilu u peress li n-nies għadhom imorru s'issa u l-ispizjar jgħidilhom li l-prezz tal-Lipitol għadu għoli (€38) għax l-aġent għadu qed jagħtihom mill-istock antik, jista' l-Prim Ministru jgħid meta n-nies se jibdew igawdu mir-roħs annunzjat mill-Gvern xahrejn ilu? Jista' jikkonferma jekk dakinhar tal-ftehim talabx lill-aġenti jagħtuh l-istocks li għandhom ta' dawk il-pilloli li ġie mraħħas il-prezz tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tnaqqis fil-prezz tal-mediċina msemmija fil-mistoqsija parlamentari se jkun b’efett minn Settembru. Dan huwa ukoll indikat fil-lista li ġiet ippublikata. Uffiċjali mid-dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni qegħdin jagħmlu spezzjonijiet b’mod regolari fl-ispiżeriji sabiex jiżguraw li l-konsumatur qieghed bis-seħħigawdi mir-roħs li tħabbar. Barra min hekk qed tinġabar informazzjoni fuq kemm għad fadal stock bil-“prezz l-antik” fl-ispiżeriji. Ninsab infurmat li l-konsumatur diġà qed igawdi minn prezzijiet orħos għal numru ta’ mediċini li dehru fil-lista.

Transport Malta — investigazzjoni fuq allegazzjonijiet imqajma dwar il-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, bħala regolatur, għamlitx investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet imqajma mill-Kaptan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, dwar il-Gozo Channel? F’każ li saret, jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tar-rapport tal-investigazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? F’każ li ma saritx, x’kienet ir-raġuni għala Transport Malta ħasset li każ tant serju ma kienx jimmerita investigazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma ħassitx il-bżonn ta' investigazzjoni oħra separata minn dik maħtura mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment. Madankollu, l-Awtorita` dejjem kompliet bil-moniteraġġ li tagħmel regolarment fuq il-bastimenti Maltin inklużi dawk operati mill-Gozo Channel.
Leg 11 PQ #107 Sitting 256 2010-09-29 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Impjiegi ġodda fil-Gozo Channel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid ta' min hi r-responsabbiltà finali dwar impjiegi ġodda fil-Gozo Channel, jekk hux tal-Ministeru għal Għawdex jew tal-Ministeru tal-Finanzi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà hija tal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.

Impjiegi ġodda fil-Gozo Channel,

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilità finali dwar impjiegi ġodda fil-Gozo Channel, jekk hux tal-Ministeru għal Għawdex jew tal-Ministeru tal-Finanzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gozo Channel taqa’ fid-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi.

Nies impjegati mal-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ nies impjegati mal-Gozo Channel, xahar b’ xahar, bejn Settembru 2007 u Awwissu 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reklutaġġ ta’ Kindergarten Assistant II

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ Kindergarten Assistant II li l-applikazzjonijiet għalih ħarġu f’Jannar tal-2010? Tista' tgħid għaliex jidher li dan il-proċess waqa' lura? Tista' tgħid meta hemm il-ħsieb li dan il-proċess jiġi fi tmiemu u jintgħażlu l-persuni biex jimlew il-postijiet ta’ Kindergarten Assistant II?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanti eliġibbli kienu intervistati f’Marzu u f’April 2010 (total ta’ 73). Sebgħa u disgħin (79) applikant/a instabu ineliġibbli u kienu notifikati skont il-proċeduri stabbiliti (Anness 1). Wara eżercizzju estensiv, il-Bord bagħat ir-rapport tiegħu lill-PSC f’Ġunju 2010. Fil-frattemp tnejn mill-applikanti appellaw mid-deċiżjoni tal-Bord dwar l-eliġibilita’ tagħhom. Il-Bord reġa’ evalwa l-każ u sostna d-deċiżjoni tiegħu li kienet tiddikjara lill-applikanti ineliġibbli. L-applikanti kkonċernati appellaw lill-PSC minn din id-deċiżjoni. Waħda mill-appellanti kienet konfermata ineliġibbli mill-PSC iżda l-applikanta l-oħra kienet dikjarata eliġibbli mill-PSC u fl-aħħar ta’ Lulju 2010 il-PSC infurmat lill-Bord li din il-persuna hija eliġibbli u għanda tkun intervistata. Filwaqt li l-Bord immedjatament ħa passi biex jintervista lil din l-applikanta (liema intervista saret fit-18 t’Awwissu 2010), il-Bord ħass il-ħtieġa li jagħmel eżerċizzju ieħor biex jintervista lil dawk l-applikanti kollha li kellhom l-istess kwalifika ta’ din il-persuna u bagħat jinforma lil dawk kollha li kienu instabu ineliġibbli (78) biex jinfurmawh jekk huma għandhomx dik il-kwalifika. Erba’ kandidati wieġbu fl-affermattiv. L-intervisti ta’ dawn l-erba’ kandidati saru fil-bidu ta’ Settembru 2010. Fis-7 ta’ Settembru 2010 il-Bord issottometta r-Rapport flimkien mar-riżultati lill-PSC. Ir-riżultati ġew ippublikati u l-ewwel tmintax ġew ingaġġati, bl-ewwel tmienja diġà jingħataw il-pożizzjoni ta’ Kindergarten Assistants I.

Residenti ta' Nazzjonalità barranija — Tariffi tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix sistema differenti ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma għal residenti ta’ nazzjonalità barranija li għandhom residenza f’pajjiżna? Jekk iva, jista' jagħti r-raġuni għalxiex teżisti din is-sistema differenti? Jista' jagħti dettalji dwar kif taħdem din is-sistema ta’ tariffi ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20449.

Pembroke — Skola St. Patrick Craft Centre - guidance teacher

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jkun hemm guidance teacher għall-iskola St Patrick Craft Centre ta’ Pembroke? Kemm kien hemm tfal f’din l-iskola matul is-sena li għaddiet u x’kienet l-attendenza medja tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mis-sena skolastika li jmiss il-15-il student li kienu jattendu St Patrick’s Craft Centre se jattendu l-iskola Sekondarja tas-Subien – Floriana. Għaldaqstant is-servizz ta’ guidance teacher se jkun offrut mill-kulleġġ li din l-iskola tagħmel parti minnu – San Ġorġ Preca. L-attendenza medja tat-tfal kienet ta’ 104 ġranet.

Avviz Legali dwar il-gaming

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat l-Avviz Legali dwar il-gaming li issa ilu mwiegħed xhur sħaħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-avviż legali msemmi ġie ppubblikat fl-4 ta’ Marzu, 2011. (Gazetta tal-Gvern numru 18,715)

Enemalta — xogħol ta' refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kap Ezekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għamel xogħol ta’ refurbishment fl-uffiċċju tiegħu ? Jekk iva, jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u jagħti breakdown tal-ispiza li sewa dan ix-xogħol? Jista' jgħid min wettaq dan ix-xogħol u jekk ix-xogħol sarx permezz ta’ sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta għamlet xogħol ta’ refurbishment fl-uffiċini kollha fit-tielet sular u l-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ sular fil-blokk amministrattiv il-Marsa, inkluż l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni. Is-sena d-dieħla x-xogħol sejjer ikompli fit-tieni u l-ewwel sular ukoll. Ix-xogħol qed isir bl-iskop li l-kmamar jiġu miftuħin biex jakkomodaw aktar ħaddiema u jingħataw il-faċilitajiet neċessarji. Sa fejn kien possibbli dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Enemalta stess, però kien hemm waqtiet fejn dan ix-xogħol ried jingħata l-privat għax jew kien speċjaliżżat jew kien hemm iktar milli l-ħaddiema tal-Korporzzjoni setgħu jagħmlu. Ix-xogħol komuni ma jistax jiġi stmat għal kamra waħda, bħat-twaqqiegħ tal-ħitan, tqiegħid tal-madum, installazzjoni tal-eletriku, etċ għax dan ix-xogħol dejjem isir għal sular jew sezzjonijiet sħaħ. Madanakollu ġew miġbura l-ispejjez li saru partikolarment għal dan l-uffiċċju biss kif qed jidher fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Child Development Assessment Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' staff fiċ-Child Development Assessment Unit u x'inhuma l-kwalifiki tagħhom? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdied in-numru ta' dan l-istaff? Jista' jgħid x'tip ta' servizzi qed ikun offruti fil-preżent miċ-Child Development Assessment Unit u liema huma l-ġranet u l-ħinijiet li matulhom ikunu offruti dawn is-servizzi? Jista' jgħid minn liema skejjel ikunu ġejjin it-tfal li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Child Development Assessment Unit — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ħames snin iċ-Child Development Assessment Unit ibbenefikax minn fondi tal-Unjoni Ewropea? F'każ li iva, jista' jgħid kemm kienu jammontaw dawn il-fondi u għal liema skop intużaw?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-aħħar ħames snin iċ-Child Development Assessment Unit ma bbenefikax minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #118 Sitting 256 2010-09-29 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li kellhom bżonn l-għajnuna biex jivvotaw waqt l-elezzjonijiet ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ħadu ġurament li għandhom bżonn l-għajnuna biex jivvotaw fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2003 u 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 18,594 votant fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 li ħadu l-ġurament li kellhom bżonn l-għajnuna biex jivvotaw. L-istess informazzjoni għar-rigward tal-elezzjoni ġenerali tal-2003 ma nġabritx għax id-dokument relatati ġew distrutti skont il-liġi elettorali.
Leg 11 PQ #119 Sitting 256 2010-09-29 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — Uffiċjali li jsiefru fuq xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif taħdem is-sistema tal-spending money fil-każ ta' l-uffiċjali tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta li jsiefru barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali? Jista' jgħid kemm sar infiq fi spending money waqt safar barra l-pajjiż, minn uffiċjali ta' l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tuża s-sistema kif stabbilita mill-Ministeru tal-Finanzi li tirregola l-ammont ta’ subsistence allowance li tingħata lill-uffiċjali li jsiefru fuq xogħol. Din is-somma tkopri l-akkomodazzjoni, ikel u transport. Matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009, l-Awtorita’ nefqet dawn il-flus: 2004 €127,460 2005 €113,526 2006 €117,448 2007 €113,219 2008 €100,391 2009 €88,704
Leg 11 PQ #120 Sitting 256 2010-09-29 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamar tal-prezzijiet tal-mediċina

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tiswa l-kampanja ta' reklamar dwar il-prezzijiet tal-mediċini li għaddejja bħalissa fuq il-mezzi tax-xandir? Kif inhuma mqassma r-riklami bejn il-mezzi tax-xandir? Liema hija l-aġenzija li kienet responsabbli mill-produzzjoni u placement ta' dawn ir-riklami u kif intgħażlet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-mediċini li għaddejja bħalissa fuq il-mezzi tax-xandir ġiet tiswa 25 ewro. Ir-riklami qed jinstemgħu fuq Radju Malta biss u ngħataw bħala parti mill-ftehim ta’ Public Service Announcements li għandu l-Gvern mal-Public Broadcasting Services. Il-ħlas ta’ 25 ewro ingħata lil min qara l-voice-over tar-riklam. L-arranġamenti saru kollha internament u ma kien hemm l-ebda aġenzija li ħadet ħsieb il-produzzjoni u l-placement ta’ dawn ir-riklami.

Pubblikazzjoni tar-riżultati online tal-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li nhar l-Erbgħa, 15 ta' Settembru, kienu ppublikati online ir-riżultati tal-eżamijiet tal-istudenti tal-Junior College, u li iżda imbgħad iktar tard irriżulta li dawn ma kenux ir-riżultati uffiċjali, b'diżappunt kbir għal ħafna studenti? Tista' tispjega x'ġara eżattament? Tħoss li dan mhuwiex il-mod kif jiġu trattati l-istudenti li jkunu fuq ix-xwiek jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn din is-sena, fil-Junior College bdiet tintuża is-sistema Student Information Management System . Is-sistema tippermetti li l-istudenti jkunu jistgħu jaraw ir-rizultati personali tagħhom online wara li jiġu avżati uffiċjalment permezz ta’ e-mail kif ġara drabi oħra. Fil-15 ta’ Settembru 2010, filwaqt li kien għaddej il-proċess biex ir-riżultati jittellgħu quddiem il-Bord tal-Eżaminaturi għall-approvazzjoni finali, minħabba żball uman, l-istudenti setgħu jaraw ir-rizultati għal xi ftit ħin (mhux aktar minn 10 minuti) għaliex malli ġie nnutat x’ġara, l-aċċess ingħalaq. Irid jiġi enfasizzat, li għalkemm xi studenti raw xi riżultati, dawn ma kinux uffiċjali peress li l-proċess sħiħ kien għadu mhux lest. Saret investigazzjoni mill-ewwel biex tiġi stabbilita l-kawża. Ir-riżultati ġew ippubblikati nhar il-Ħamis 23 ta’ Settembru u ntbagħtet e-mail uffiċjali lill-istudenti kollha biex tavżahom li r-riżultati ħarġu. Nistgħu nserrħu ras l-istudenti u l-ġenituri tagħhom li l-iskop tal-laqgħa tal-Bord tal-Eżaminaturi huwa biex jiġu rreveduti l-marki tal-istudenti li jkunu border line.

Korporazzjoni Enemalta — investigazzjoni dwar qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni interna tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl estensiv li kien seħħ fit-18 ta' Novembru 2009? Jista' jagħmel stqarrija ċara u kategorika jekk abbażi ta’ dawn l-investigazzjonijiet il-qtugħ ta’ dawl kienx dovut għal każ ta’ sabutaġġ jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhijiex il-policy tal-Korporazzjoni li tippubblika rapporti nterni. Madanakollu, ma kienx hemm informazzjoni konklussiva li l-każ tat-18 ta’ Novembru 2009 kien wieħed ta’ sabutaġġ.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-ismijiet tal-persuni/kumpaniji indikati u anki r-reat speċifiku li jindika bħala “korruzzjoni tal-VAT” peress illi talli reat ma jeżistix skond il-kodiċi kriminali.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16428 u 16054 u jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru 16064.