Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2008 u llum, sena b'sena, lill-kumpanija Lighthouse Communications Ltd? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Korporazzjoni Enemalta meta bdiet tibdel l-arloġġi tad-dawl, ma bidlitx ukoll is-service cable taċ-ċomb magħruf bħala LCC ma’ cable tal-plastic? Għaliex ma bidlitx is-service boxes tal-ħadid bil-fuse tat-tip rewireable ma' service boxes tal-plastic?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta tibdel biss is-service cable u/jew is-service box meta jkun hemm il-bżonn li jinbidlu. Fi kliem ieħor jekk jinsabu f’kundizzjoni ħażina jew is-servizz ikollu bżonn jiċċaqlaq. Jekk ikunu għadhom f’kundizzjoni tajba ma jinbidlux.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid f'liema stadju wasal it-trattat dwar it-taxxa doppja mar-Russja?
Response (BORG, TONIO)
Din il-materja taqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Ngħid però li f'Novembru 2009 f'laqgħa li kelli mal-Ministru Russu tal-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov ġie diskuss dan is-suġġett. Fil-ġimgħat li ġejjin delegazzjoni Russa għandha tiġi Malta biex tiltaqa' ma' uffiċjali Maltin mill-Ministeru tal-Finanzi dwar dan it-trattat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal it-trattat dwar it-taxxa doppja mar-Russja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien ġie iffirmat trattat dwar it-taxxa doppja mar-Russja f’Diċembru tas-sena 2000. Dan it-trattat qatt ma kien ġie rratifikat minn naħa tar-Russja w għalhekk, qatt ma daħal fis-seħħ. Kienu saru diversi sforzi minn naħa ta’ Malta sabiex ir-Russja tirratifika dan it-trattat iżda bla suċċess. Ir-Russja issa tixtieq li jerggħu jinfetħu diskussjonijiet f’livel tekniku. Dawn id-diskussjonijiet se jinbdew Diċembru li ġej.
Jista' l-Minstru jgħid għaliex il-persuna, li isimha qed jingħata separatament, wara li għamlet check up ta' sidirha fl-Isptar Mater Dei, ma tħallitx tagħmel ultrasound li ġiet ordnata tagħmel, fuq il-bażi tal-età tagħha kif kien spjegat lilha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-każ tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġie nvestigat mill-konsulent tal-pazjenta u mid-Dipartiment tal-Medical Imaging, fejn isiru l-ultrasounds tas-sider. Irriżulta li kien sar żball ġenwin meta l-ordni tal-konsulent għal ultrasound ma ġietx aċċettata mir-radjoloġista. Dan il-każ se jingħata attenzjoni immedjata u se tiġi rijattivata t-talba għall-ultrasound mill-konsulent biex dan it-test isir mill-aktar fis possibbli. Il-management ta’ Mater Dei jixtieq jiskuża ruħu mal-pazjenta għal dan l-inkonvenjent.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex uħud minn dawk li ġew promossi fl-Armata minn Staff Sergeant għal Warrant Officer 2 fl-2008 u li spiċċaw mis-servizz qabel l-2010 qed jieħdu pensjoni anqas milli kieku baqgħu Staff Sergeant?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi r-raġuni ewlenija ta’ dan hu li meta persuna tiġi promossa fi grad ta’ WO2, din tinqatalha awtomatikament it-trade allowance, peress li din tingħata biss sal-grad ta’ Staff Seargeant.
Biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis tat-
trade allowance,
l-persuna tingħata
make up allowance
biex tibqa għall-inqas bl-istess salarju ta’
Staff Sergeant.
Il-
make up allowance
iżda mhijiex pensjonabbli, u għaldaqstant, il-pensjoni ta’ meta wieħed jirtira tkun maħduma fuq is-salarju biss mingħajr il-
make up allowance.
Jirriżulta li kien hemm persuna waħda illi ġiet promossa fil-Forzi Armati ta’ Malta minn
Staff Sergeant
għal
Warrant Officer 2
li spiċċat mis-Servizz din is-sena ( 1 ta’ Frar 2010) u li qed tirċievi pensjoni anqas milli kieku baqgħet fi grad ta’
Staff Sergeant.
Qed nippruvaw li din l-anomalija tiġi indirizzata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali fejn l-Korporazzjoni Enemalta ssospendiet il-provvista tad-dawl minħabba pendenzi fil-kontijiet minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dak li hu l-household Malti għall-istess żmien - minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21757.
Jista’ l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 21,325 u jgħid kemm sewa l-park and ride minn meta beda jopera sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din li ġejja hija l-ispiża relatata mal-park and ride minn meta beda jopera sena b’sena:
Infrastructural Costs
Sena €
2005 173,195
2006 749,501
2007 300,601
2008 174,906
2009 158,099
2010 2,993
Operational Costs
Sena €
2006 64,473
2007 581,866
2008 661,846
2009 650,512
2010* 519,432
* Għas-sena 2010, l-ammont jinkludi € 184,113 li jikkonsistu fi spejjeż ta’ kera f’kontijiet maħruġin sal-aħħar t’Ottubru 2010. Għaldaqstant, din il-figura tista’ tiġi riveduta u mnaqqsa skont ir-riforma mħabbra fit-trasport pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux kostitwit il-Bord tal-Koperattivi, kemm ilu mhux kostitwit, u meta se jiġi kostitwit?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-Board tal-Koperattivi reġa ġie kostitwit fil-15 ta’ Novembru, 2010. Il-Membri tal-Board huma kif ġej:
Chairperson:
Mr. John Camilleri M.H.R., (Rotterdam)
Membri:
Mr. Archibald Attard
Ms. Anna Borg Dip.Soc.Stud., M.Sc
Mr. Vincent Fabri
Mr. Tony Muscat Dip.Pol.
Ms. Carmen Delia B.A.(Hons.)Econ., M.A.(Soc.Stud.)
Mr. Laurie Scicluna L.I.A.B
Segretarju:
Dr. Simon Galea Testaferrata LL.D.
Selmun Palace Hotel — proċess tal-bejgħ - żamma ta' ħaddiema
Question
B’riferenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21241, jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li min se jixtri s-Selmun Palace Hotel se jkun marbut b’kundizzjoni li ma jkeċċi lill-ebda wieħed mill-ħaddiema li llum huma impjegati ma’ din il-lukanda ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xerrej irid jixtri l-kumpanija kollha li tinkludi wkoll l-impjegati.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għal senior draughtsmen, għad-drawing offices tal-Marsa Power Station, tad-Delimara Power Station u tal-Gozo Drawing Office? Meta huwa l-ħsieb li dan il-proċess jiġi fi tmiemu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-riżultati finali għas-
Senior Draughtsmen
għad-
Drawing Offices
tal-Marsa u Delimara
Power stations
waslu biex jiġu ppublikati. Rigward dawk ta’ Għawdex, hemm xi diffikultajiet tekniċi li għad iridu jiġu klarifikati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx il-gvern li kien qed ikopri l-ispiża kollha tal-operat tar-Reġistru Pubbliku, inkluż l-impjegati? Min kien qed jiġbor il-flus mingħand il-pubbliku – il-gvern jew il-kumpanija Eureka Services Ltd? Kif kienet qed titħallas il-kumpanija u ta’ xiex kienet qiegħda titħallas? X’servizz kienet qed toffri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Gvern kien ikopri l-ispiża kollha tal-operat tar-Reġistru Pubbliku. Madankollu, fejn jidħlu l-impjegati, l-gvern kien iħallas biss lill-impjegati tiegħu u l-Eureka Services Limited tħallas l-impjegati tagħha.
Il-flus mingħand il-pubbliku kienu jinġabru mir-Reġistru Pubbliku. Il-kumpanija Eureka Services Ltd kienet titħallas skont il-ftehim li kien sar bejn il-gvern u Eureka Services Ltd fl-1999 u kienet titħallas tas-servizz esklussiv ta' riċerka għal Gvern ta' Malta skont l-istess ftehim.
Air Malta — spiża biex jinżammu ajruplani fl-Ingilterra
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex l-Air Malta żżomm l-ajruplani RJs f’hangar fl-Ingilterra u meta waqfet tagħmel dan il-ħlas? Kemm kienet l-ispiża biex iżżomm inġinier mal-ajruplani għal matul dan iż-żmien kollu? Għaliex l-ajruplani ma kenux inġiebu Malta minflok inżammu l-Ingilterra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-infomazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk riċentament, inkritx karozza ġdida għall-użu uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’tip ta’ karozza hi u kemm ġiet tiswa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninfurmak li l-Uffiċju tiegħi ma kera ebda karozza ġdida għall-użu uffiċjali tiegħi.
Meta jsir xi kiri jkun biss minħabba li l-karozza uffiċjali tiegħi tkun wieqfa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-hit rate mitluba fit-tender tal-Contolled Vehicular Access li qed titħaddem il-Belt Valletta? Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet din il-hit rate fl-ewwel sena tas-sistema magħżula?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta daħlet fi ftehim ma' CVA Technology Ltd f'Settembru 2006, b'seħħ minn Mejju 2007. F'dan il-kuntratt hemm stipulata minimum accuracy rate ta' 96% mit-tielet xahar li s-sistema tkun qed topera.
Ninsab infurmat ukoll li minn stħarriġ li sar minn awdituri indipendenti mqabbda minn Transport Malta f'Ġunju 2008, ir-rata medja ta' accuracy mis-sistema tas-CVA kienet ta' 97%.
Jista' l-Ministru jelabora fuq il-miżuri li qed jieħu l-gvern sabiex jaċċerta li l-miri taħt l-istrateġija UE2020 jintlaħqu speċjalment f'oqsma bħar-ricerka u l-edukazzjoni fejn Malta tinsab f'pożizzjoni mill-aktar żvantaġġjata meta komparata mal-istati membri l-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment b’kollaborazzjoni mal-Ministeri kkonċernati l-oħra ħejja abbozz tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma taħt l-istrateġija Ewropa 2020 li kien sottomess lill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Novembru 2010 wara konsultazzjoni mal-MEUSAC.
Fil-jiem li ġejjin dan l-abbozz mistenni jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika wiesa’ bil-għan li jintlaqgħu reazzjonijiet biex jitfasslu miżuri konkreti għas-snin li ġejjin, fosthom fl-oqsma tar-riċerka u l-edukazzjoni, bi tħejjija għall-pubblikazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma finali f’April 2011.
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 21321 u jgħid kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali fejn l-Korporazzjoni Enemalta ssospendiet il-provvista tad-dawl minħabba pendenzi fil-kontijiet minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dak li hu l-household Malti għall-istess żmien - minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.