Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-opinjoni tal-Gvern Malti dwar il-bir esploratorju msejjaħ Lalla Saida li jinsab madwar 120km fil-Punent tal-Bir Malti Tama 1 u li tħaffer b'riżultat ta' konċessjoni li ngħatat mill-Gvern Tuneżin allavolja dan il-bir Tuneżin jinsab f'żona li Malta tqis bħala parti mill-blata kontinentali Maltija? X'permess ħareġ il-Gvern Malti għal dan il-bir Tuneżin u f'nuqqas ta' dawn il-permessi x'forma ta' protesta għamel il-Gvern Malti mal-Gvern Tuneżin?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lil-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21978.
Jista' l-Ministru jgħid jekk konċessjonijiet għal tħaffir għaż-żejt li qed jiġu offruti mill-Gvern Taljan madwar Pantelleria, Linosa u Lampedusa, jinkludix parti mill-blata kontinentali ta' Malta f'Area 6? Jekk dan hu l-każ, x'passi se jieħu l-Gvern Malti biex jipproteġi l-interessi ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 21981.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - Lvant ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Libjan u l-Gvern Taljan fil-Lvant ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja — dwar il-linja medjana li taqsam il-blata kontinetali
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja dwar il-linja medjana li taqsam b'ekwidistanza l-blata kontinetali bejn Malta u l-Italja, għadux jiġi rispettat mill-Gvern Taljan? Saret xi talba għall-estensjoni ta' din il-linja lejn il-Lvant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21971.
Ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja — dwar il-linja medjana li taqsam il-blata kontinetali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk il-ftehim proviżorju bejn Malta u l-Italja dwar il-linja medjana li taqsam b'ekwidistanza il-blata kontinetali bejn Malta u l-Italja, għadux jiġi rispettat mill-Gvern Taljan? Saret xi talba għall-estensjoni ta' din il-linja lejn il-Lvant?
Response (BORG, TONIO)
Bejn l-1065 - 1970 kien sar skambju ta' noti verbali fuq ftehim bla preġudizzju, msejjaħ "modus vivendi" li jistabilixxi linja medjana bejn Malta u Sqallija fejn jiġu faċċata ta' xulxin.
Għar-rigward il-Lvant ta' din il-linja il-pretenzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani kienu reġistrati fit-talba tal-intervenut li l-Italja għamlet fil-kawża bejn Malta u l-Libja fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, lura fil-1985.
Din iż-żona ma ġietx rikonoxxuta minn Malta, tant li saru konċessjonijiet min naħa ta' Malta fuq parti minn dawn il-pretenzjonijiet.
F'każ li dan il-ftehim proviżorju għadu effettiv, jista' l-Ministru jispjega għalfejn l-Italja qed tiċħad id-dritt ta' Malta fuq il-Medina Bank li tinsab ġeografikament iżjed 'l isfel mil-linja proviżorja bejn Malta u l-Italja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21973.
F'każ li dan il-ftehim proviżorju għadu effettiv, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega għalfejn l-Italja qed tiċħad id-dritt ta' Malta fuq il-Medina Bank li tinsab ġeografikament iżjed 'l isfel mil-linja proviżorja bejn Malta u l-Italja?
Response (BORG, TONIO)
L-Italja għandha pretensjonijiet fuq din iż-żona li ma ġewx aċċettati minn Malta, tant li ħarġu konċessjonijiet min-naħa tal-Gvern Malti fuq l-istess żona. Dwar għaliex saret din il-pretenzjoni, din hija kwistjoni li jafu l-awtoritajiet Taljani.
Medina Bank — pretenzjonijiet bejn Gvern Malti u Gvern Grieg
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern Grieg wassalx bil-miktub jew bil-kliem lill-Gvern Malti xi pretenzjonijiet tiegħu dwar il-Medina Bank jew il-linja medjana bejn Malta u l-Greċja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti lill-kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody, WE Events u WE Marketing & PR Services? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21334.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hi l-area f'kilometri kwadrati tal-blata kontinentali li l-gvern Malti jqis li hija ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Il-pretenzjonijiet tal-Gvern Malti huma bażati fuq Government Notice 286 tal-2002.
Jista' l-Ministru jagħti l-koordinati tal-bir Medina Bank 1 li kien tħaffer fl-1980 iżda ġie sospiż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il ko-ordinati tal-bir Medina Bank 1, li kien tħaffer fl-1980, jitqiesu bħala informazzjoni kunfidenzjali, iżda din l-informazzjoni tiġi mgħoddija fuq bażi kunfidenzjali bħal informazzjoni oħra lill-kumpanniji taż-żejt li jkunu qed jevalwaw l-acreage ta’ Malta.
Għaldaqstant il-Gvern lest li jgħaddi din l-informazzjoni lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - Punent ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Tuneżin u l-Gvern Taljan fil-punent ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-pretenzjonijiet tal-Gvern Malti huma bbażati fuq Government Notice 286 tal-2002.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - punent ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Tuneżin u l-Gvern Taljan fil-punent ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - Lvant ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Libjan u l-Gvern Taljan fil-Lvant ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-pretenzjonijiet tal-Gvern Malti huma bbażati fuq Government Notice 286 tal-2002.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-gvern qed jagħżel li jibqa' jibgħat pazjenti jagħmlu PET Scan fi sptar privat u mhux jixtri wieħed hu? Kemm ilu jopera l-ftehim bejn il-gvern u l-isptar privat dwar l-użu tal-PET Scan? Kemm intbagħtu pazjenti biex jagħmlu PET Scan s'issa u kemm tħallas mill-gvern għal dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-PET (Positron Emission Tomography) Scan tinvolvi tip ta’ x-rays minn magna speċjaliżżata li tagħmel dan it-tip ta’ investigazzjoni. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru beda l-proċessi meħtieġa biex jinxtara dan l-apparat tal-PET Scan biex isiru dawn it-testijiet fl-Isptar Mater Dei. Sadanittant, dan is-servizz beda jingħata fil-privat minn din is-sena 2010. B’kollox saru 77 PET Scan din is-sena li ġew jiswew lill-gvern €109,415.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21021 u ċioe: Peress li f'Marzu 2009 ġie ffirmat kuntratt biex tiġi stallata sistema ta' Radar Surveillance għall-Malta Air Traffic Services Ltd biex jibdew jintużaw minflok dawk preżenti li issa wara 15-il sena għamlu żmienhom, jista' l-Ministru jgħid:
a) skont il-kuntratt, x'tip ta'
radars
inxtraw u meta suppost li kellhom jiġu
delivered
;
b) jekk dawn ir-radars għadhom ma ġewx delivered skont it-termini tal-kuntratt, x'kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien;
ċ) jekk is-sit fejn suppost għandhom jiġu stallati dawn ir-radars hux diġà ġie identifikat biex ladarba jaslu jkunu jistgħu jiġu stallati;
d) dan id-dewmien fl-istallazzjoni ta' dawn ir-radars ġodda jista' joħloq xi tip ta' periklu għat-traffiku tal-ajru fl-approach tal-ajruport; u
e) bis-sistema antika li għandna bħalissa qegħdin konformi mar-regoli tal-Eurocontrol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid l-istudenti bniet tal-aħħar sena tal-iskola Primarja tal-Fgura f'liema skola sekondarja se jmorru fis-sena skolastika li jmiss?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-bniet li qegħdin fl-aħħar sena fl-iskola tal-Primarja tal-Fgura f’Settembru 2011 ser jattendu fil-Liċeo tal-Bniet (Margaret Mortimer) f’Sta. Luċia.
Blata kontinentali ta' Malta — latitudni u lonġitudni
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-koordinati bħala latitudni u lonġitudni tal-punti li jiddelinejaw il-blata kontinentali ta' Malta? Jista' jindika f'liema legal notice, regolamenti jew leġislazzjoni oħra ppubblikata jinsabu dawn il-koordinati tal-blata kontinentali ta' Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Minhabba li għadhom għaddejjin taħdidiet mal-pajjiżi ġara mhux prudenti f’dan l-istadju li jingħataw kordini minħabba li dawn jistgħu jippreġudikaw id-diskussjonijiet.
Blata kontinentali ta' Malta — latitudni u lonġitudni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati bħala latitudni u lonġitudni tal-punti li jidellimitaw il-blata kontinentali ta' Malta? Jista' jindika f'liema legal notice, regolamenti jew leġislazzjoni oħra ppubblikata jinsabu dawn il-koordinati tal-blata kontinentali ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21960.