studenti li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju li f’din is-sena skolastika qegħdin fil-livell 1 jew 2 fl-MCAST? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li komplew l-iskola wara l-livell sekondarju? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li hemm fl-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont l-aħħar ċifri disponibbli u miġbura mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, t-totali ta’ studenti reġistrati fl-MCAST kien ta’ 4,601 fis-sena skolastika 2008-2009. Minn dan it-total, 4,411 minnhom jew 96 fil-mija tal-istudenti tal-MCAST kienu fl-ewwel u fit-tieni sena ta’ tagħlim.
Rigward in-numru totali ta’ studenti li komplew l-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja fis-sena skolastika 2008-2009, dan kien ta’ 23,295. Minn dawn 19 fil-mija huma studenti tal-MCAST fl-ewwel u t-tieni sena ta’ tagħlim.
Ċifri għas-sena skolastika 2009-2010 se jkunu pubblikati fil-bidu ta’ din is-sena.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li progressaw fil-livell 3 fl-MCAST mil-livell 2 matul din is-sena skolastika? Kemm huwa bħala persentaġġ dan in-numru fuq in-numru tal-istudenti kollha li hemm fl-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ studenti fl-MCAST li pprogressaw mil-livell 2 għal-livell 3 kien ta’ 400.
Dan huwa 6.6% mit-total tal-istudenti li hemm fl-MCAST.
Tista' l-Ministru tikkonferma li bħalissa qed isir xogħol ta’ estenzjoni tal-bini fl-MCAST f’Raħal Ġdid u jekk dan huwiex parti mill-master plan tal-bini ta’ campus ġdid ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni li sar fl-MCAST (tlesta sa l-aħħar tas-sena 2010) kien ta’ estensjoni ta’ binja eżistenti li l-quddiem ser tiġi inkorporata fil-binjiet il-ġodda tal-Kampus il-ġdid. Ta’ min wieħed jinnota li l-binjiet li nbnew riċenti fl-MCAST, bħalma huwa l-Istitut għas-Servizzi fil-Komunita’, huwa ppjanat li l-quddiem jiġu inkorporati fil-Kampus il-ġdid.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kien il-Ministeru jew awtorità responsabbli min-naħa Maltija għall-organizazzjoni tal-Concerto di Natale li xxandar fuq l-istazzjoni Rai 2?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tiegħi kien responsabbli mill-organiżazzjoni min-naħa Maltija tal-Concerto di Natale li xxandar fuq Rai Due f’ Lejlet il-Milied.
Tista' l-Ministru tikkonferma min hi/hu l-Kummissarju tal-Ugwaljanza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa l-post ta’ Kummissarju fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza huwa vakanti. Kummissarju ġdid mistenni jkun maħtur fi żmien qasir.
Malta Air Traffic Services Ltd — Radar Surveillance
Question
Peress li f'Marzu 2009 ġie ffirmat kuntratt biex tiġi istallata sistema ta' Radar Surveillance għall-Malta Air Traffic Services Ltd biex jibdew jintużaw minflok dawk preżenti li issa wara 15-il sena għamlu żmienhom, jista' l-Ministru jgħid:
a) skont il-kuntratt, x'tip ta'
radars
inxtraw u meta suppost li kellhom jiġu
delivered
;
b) jekk dawn ir-radars għadhom ma ġewx delivered skont it-termini tal-kuntratt, x'kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien;
ċ) jekk is-sit fejn suppost għandhom jiġu istallati dawn ir-radars hux diġà ġie identifikat biex darba jaslu jkunu jistgħu jiġu istallati;
d) dan id-dewmien fl-istallazzjoni ta' dawn ir-radars ġodda jista' joħloq xi tip ta' periklu għat-traffiku tal-ajru fl-approach tal-Ajruport; u
e) bis-sistema antika li għandna bħalissa qegħdin konformi mar-regoli tal-Eurocontrol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi biex issaħħaħ is-sistema ta' radars diġa eżistenti u tassigura servizz ta' sorveljanza tat-traffiku tal-ajru għall-ġejjieni, anki fid-dawl ta' ħtiġijiet ġodda regolati mill-EUROCONTROL, il-Malta Air Traffic Services Ltd (MATS) kienet laħqet ftehim mal-kumpanija taljana SELEX Sistemi Integrali biex tixtri żewġ Monopulse Secondary Surveillance Mode S Radars (MSSR-S). Il-ftehim kien iffirmat f'Marzu 2009 u ż-żewġ radars kellhom jitlestew fi żmien sitt xhur mid-data tal-ftehim. SELEX SI mxiet mal-ftehim u, fil-fatt, ir-radars ukoll ġew factory-tested.
Sadanittant kienu ġew identifikati l-aħjar siti fejn iż-żewġ radars kellhom ikunu installati. Bħalissa qegħdin isiru laqgħat apposta biex tittieħed deċiżjoni finali dwar iż-żewġ siti u wieħed jistenna li dan il-proċess ma jdumx ma jkun mitmum.
Bħalissa, s-servizz ta' approach mogħti mill-MATS jingħata permezz ta' MSSR radar li qiegħed fl-Ajruport ta' Hal Luqa u jingħata f'konformita' ma' regoli stabbiliti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi forma ta' Reorganizational Plan b'rabta mal-għeluq tal-power station tal-Marsa? Jekk iva, jista' jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk il-unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema tal-power station tal-Marsa ġewx informati b'dan ir-Reorganizational Plan?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta għadha qed tħejji r-Reorganizational Plan b’rabta mal-għeluq tal-Power Station tal-Marsa.
La darba dan il-pjan ikun finalizzat, il-Unions ikunu infurmati bih.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21021 u ċioe: Peress li f'Marzu 2009 ġie ffirmat kuntratt biex tiġi stallata sistema ta' Radar Surveillance għall-Malta Air Traffic Services Ltd biex jibdew jintużaw minflok dawk preżenti li issa wara 15-il sena għamlu żmienhom, jista' l-Ministru jgħid:
a) skont il-kuntratt, x'tip ta'
radars
inxtraw u meta suppost li kellhom jiġu
delivered
;
b) jekk dawn ir-radars għadhom ma ġewx delivered skont it-termini tal-kuntratt, x'kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien;
ċ) jekk is-sit fejn suppost għandhom jiġu stallati dawn ir-radars hux diġà ġie identifikat biex ladarba jaslu jkunu jistgħu jiġu stallati;
d) dan id-dewmien fl-istallazzjoni ta' dawn ir-radars ġodda jista' joħloq xi tip ta' periklu għat-traffiku tal-ajru fl-approach tal-ajruport; u
e) bis-sistema antika li għandna bħalissa qegħdin konformi mar-regoli tal-Eurocontrol?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21021.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk konċessjonijiet għal tħaffir għaż-żejt li qed jiġu offruti mill-Gvern Taljan madwar Pantelleria, Linosa u Lampedusa, jinkludix parti mill-blata kontinentali ta' Malta f'Area 6? Jekk dan hu l-każ, x'passi se jieħu l-Gvern Malti biex jipproteġi l-interessi ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti ħa l-passi meħtieġa biex jipproteġi l-interessi ta' Malta. Fil-fatt intbagħat protest permezz ta' kommunikazzjoni uffiċjali.
Parlament Ewropew — sitt siġġu li jirrappreżenta lil Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-pajjiżi li sa l-1 ta' Dicembru 2010 irratifikaw il-protokol 36 li bih jippermetti li Malta jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew billi ippreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika mal-Gvern Taljan? Jista' jgħid liema huma l-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx l-imsemmi protokol u jgħid x'inhu jwassal biex jittardjaw ir-ratifika tagħhom? F'dan il-kuntest, jista' jgħid jekk il-Gvern Malti intervjeniex diplomatikament ma' dawn il-pajjiżi li għadhom ma irratifikawx biex jagħmel pressjoni fuqhom biex dan il-proċess jiġi finalizzat u b'hekk Malta jkollha s-sitt siġġu?
Response (BORG, TONIO)
Sa l-31 ta' Diċembru 2010 l-iStati Membri li rratifikaw il-Protokoll 36 u ppreżentaw l-istrumenti neċessarji tar-ratifika lill-Gvern Taljan kienu dawn: Malta, il-Bulgarija, l-Irlanda, l-iSvezja, id-Danimarka, il-Latvja, r-Repubblika Ċeka, Slovakkja, il-Finlandja, l-Estonja, l-Ungerija u s-Slovenja.. Tajjeb wieħed isemmi li Malta kienet l-ewwel pajjiż, li rratifikat dan il-Protokoll. Il-kumplament tal-iStati Membri għadhom ma ppreżentawx l-istrument ta' ratifika lill-Gvern Taljan.
Nixtieq infakkar li l-Gvern Malti ħadem bla heda biex jikkonvinċi l-bqija tal-iStati Membri tal-Unjoni Ewropea li n-numru ta' Membri Parlamentari Ewropej Maltin kellu jkun aktar minn ħamsa u kien għalhekk il-Gvern Malti ħadem mill-bidunett sabiex Malta jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew. Din il-ħidma beħsiebha tkompli sakemm is-sitt membru Parlamentari Malti jieħu postu kemm jista' jkun malajr.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu talabx spjegazzjoni mingħand uffiċjal fid-Dipartiment tat-Turizmu fi ħdan l-uffiċċju tiegħu li huwa intitolat għall-użu b’xejn tat-telefon, u li mill-aħħar rapport annwali tal-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, ħareġ li tella' kont ta’ iktar minn €6,000? Jekk le, għaliex ma ntalbitx spjegazzjoni? Jekk iva, xi spjegazzjoni ngħatat? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan l-uffiċjal kienx intitolat għal spiża daqshekk qawwija f’dak li huwa użu tat-telefon? Jekk le, saret talba biex dan l-uffiċjal jagħti lura dak li ma kienx intitolat għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-uffiċjal inkarigat huwa ntitolat għas-servizz b’xejn tat-telefon u tal-mobile. Għalhekk mhux il-każ li ssir investigazzjoni u lanqas li tingħata spjegazzjoni
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — kuntratti lill-kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21341 u 21026 u jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody?, WE Events u WE Marketing & PR Services? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-kumpaniji msemmija mill-Onor. Interpellant, ingħata biss kuntratt wieħed lill-Where's Everybody? mill-G.H.R.C. b'direct order li kien jikkonsisti fi produzzjoni ta' dokumentarju fuq Bieb il-Belt. Il-ħlas kien ta' €1,357.49.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar il-każ li ħareġ fl-aħħar rapport annwali tal-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali, jiġifieri li matul l-2009 biss id-Dipartiment tat-Turiżmu ħallas mat-€3,200 fuq linji tat-telefon li kienu ilhom sena u nofs skonettjati? Jista' jgħid jekk giex esegwit dak li talab l-Awditur, jiġifieri li jittieħdu passi kontra l-uffiċjal li kien responsabbli li jara li affarijiet bħal dawn ma jiġrux?
Medina Bank — pretenzjonijiet bejn Gvern Malti u Gvern Grieg
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Gvern Grieg wassalx bil-miktub jew bil-kliem lill-Gvern Malti xi pretenzjonijiet tiegħu dwar il-Medina Bank jew il-linja medjana bejn Malta u l-Greċja?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma waslu ebda pretenzjonijiet ta' din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għandux ħsieb li jiddikjara Exclusive Economic Zone ta' 200 mil nawtiku madwar Malta? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti avżax lill-Gvern Libjan dwar id-drittijiet ta' Malta f'każ li l-Gvern Libjan jiddikjara l-Exclusive Economic Zone?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi ghat-twegiba li se tingħata f’mistoqsija 21977.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Gvern Malti għandux ħsieb li jiddikjara Exclusive Economic Zone ta' 200 mil nawtiku madwar Malta? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti avżax lill-Gvern Libjan dwar id-drittijiet ta' Malta f'każ li l-Gvern Libjan jiddikjara l-Exclusive Economic Zone?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-Prim Ministru jista jeżerċita dan id-dritt, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-opinjoni tal-Gvern Malti dwar il-bir esploratorju msejjaħ Lalla Saida li jinsab madwar 120km fil-Punent tal-Bir Malti Tama 1 u li tħaffer b'riżultat ta' konċessjoni li ngħatat mill-Gvern Tuneżin allavolja dan il-bir Tuneżin jinsab f'żona li Malta tqis bħala parti mill-blata kontinentali Maltija? X'permessi ħareġ il-Gvern Malti għal dan il-bir Tuneżin u f'nuqqas ta' dawn il-permessi x'forma ta' protesta għamel il-Gvern Malti mal-Gvern Tuneżin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern Malti jsosni li parti mill-konċessjoni li ngħatat mill-Gvern Tuneżin fl-1973 u li fiha tħaffer dan il-bir tifforma parti mill-blata kontinentali ta’ Malta. Il-Gvern Malti għamel diversi protesti biex jipproteġi l-interessi legali tiegħu.