Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing estates

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates u meta inbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni dwar propjetà li l-Awtorità tad-Djar bniet f’Housing Estates u li qegħdin preżentement jinkrew qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru responsabbli mill-Artijiet.

Trasferiment ta' housing units mid-Dipartiment tal-Artijiet għad-Dipartiment tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu u fejn jinsabu l-housing units li dan l-aħħar d-Dipartiment tal-Artijiet ittrasferixxa lid-Dipartiment tad-Djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proprjetajiet li d-Dipartiment tal-Artijiet għadda lill-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2010. Dawn il-proprjetajiet għaddew permezz ta’ Avviżi Legali maħruġa mill-Awtorità tad-Djar u ġew ippubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont kif indikat fil-lista.
Leg 11 PQ #23227 Sitting 312 2011-02-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — Dipartiment tal-Forensika - taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intbagħtu persuni mid-Dipartiment tal-Forensika tal-Pulizija għal taħriġ f'dawn l-aħħar tliet snin, u fejn intbagħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tliet snin, minbarra t-taħriġ li kull membru tal-Korp tal-Pulizija jingħata regolarment kull xahar, kien hemm 7 membri mit-Taqsima tal-Laboratorju Forensiku tal-Pulizija li b’kollox attendew 14-il course ta’ taħriġ, 3 f’Malta u 11 barra minn Malta.

Private Public Partnership Agreement

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22565, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-imsemmi ftehim, u jgħid meta u kif saru, jgħid liema huma d-djar tal-anzjani privati kollha li l-gvern għandu magħhom Private Public Partership Agreement u jgħid x’rati ta’ ħlas qed jitħallsu fuq it-18–il pazjent li ttieħdu Casa Arkati u Villa Messina?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità għandu numru ta’ Private Public Partnership Agreements mad-djar li ġejjin: § Casa Arkati § Casa Serena § Central Home § Roseville § Villa Messina Ir-rata li qed iħallsu l-pazjenti li ttieħdu Casa Arkati u Villa Messina tvarja skond il-livell tad-dipendenza tal-pazjent. Il-kuntratti jikkostitwixxu relazzjoni legali bejn il-partijiet involuti fihom u sal-lum jonqos il-kunsens tal-kuntratturi rispettivi. Għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni sakemm il-kuntratturi ma jipprovdux il-kunsens bil-miktub.

Kulleġġ t'Għawdex — pitturi fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien

Question

Tista' l-Ministru tgħid min tqabbad jagħmel il-pitturi li saru fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex u kemm kien il-ħlas li sar għal dawn il-pitturi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dawn ix-xogħolijiet saru mis-Sur Luciano Micallef li huwa parti mill-istaff tal-FTS. Ma sar l-ebda ħlas għal dawn il-pitturi.
Leg 11 PQ #23218 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Kulleġġ t'Għawdex — pitturi fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien

Question

Tista l-Ministru tgħid min tqabbad jagħmel il-pitturi li saru fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex u kemm kien il-ħlas li sar għal dawn il-pitturi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Leg 11 PQ #23219 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-Unjoni Ewropea — attivitajiet kulturali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li ħadu fondi mill-Unjoni Ewropea fuq l-attivitajiet kulturali għas-sena 2011? Kemm ħadet fondi kull lokalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġabar mingħand il-Kunsilli Lokali nfushom, permezz ta’ Memo 10/2011 tal-31 ta’ Jannar 2011, jirriżulta li hemm żewġ Kunsill Lokali li kisbu fondi mil-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet kulturali għas-sena 2011. Dawn huma l-Kunsill Lokali tal-Furjana li kiseb €7,907 u l-Kunsill Lokali ta’ Kerċem li kiseb €15,122.

Ambaxxati Maltin — attivitajiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'kienu b’mod separat, l-attivitajiet ewlenin tal-Ambaxxati Maltin matul is-sena 2010? Kemm hemm Ambaxxati li jinħtieġu tradutturi biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn jinsabu ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari qiegħed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra. Kien hemm sitt ambaxxati Maltin flimkien ma' konsulat Malti li kienu jeħtieġu s-servizzi ta' traduttur.

Unjoni Ewropea — Għajnuna lis-settur tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22564 u jgħid fuq il-bazi li matul in-negozjati għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern kien qal li l-qasam tal-ħalib kellu jingħata appoġġ finanzjarju €19.72 miljun sal-2010 ( http://www.meusac.gov.mt/Portals/FME/Documents/AGGSE16e_Agriculture.pdf ), jagħti rendikont, sena b' sena mill-2004 sal-2010 kemm tħallsu minn dawn il-flus u kif intużaw? Jista' jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jkompli jagħti għajnuna minn din is-sena 'il quddiem lis-settur tal-ħalib? Jekk iva, kemm se tkun din l-għajnuna, fuq kemm snin u kif se tingħata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-ħlas għas-settur tal-ħalib jammonta għal €22.6 m. Bejn is-sena 2004 u 2010, is-settur diġà tħallas is-somma ta’ €15,890,442.81 kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk bejn l-2011 u l-2013 is-settur għandu jirċievi is-somma ta’ €6.7 miljuni. Din l-għajnuna ingħatat għar-ristrutturar tas-settur kif ukoll bħal income support. Tajjeb li jingħad li t-total imsemmi hawn fuq ma jinkludix l-għajnuna li ngħatat lir-raħħala taħt il-miżuri tal-Meeting Standards taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2004-2006 u li qegħdin jingħataw taħt il-Miżura 121 mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013 Dawn waħedhom jammontaw għal €8.44 miljuni oħra.
Leg 11 PQ #23222 Sitting 311 2011-02-08 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali

fondi lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-I.A.S.C.S f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena? Kemm minn dawn il-flus inġabru lura għaliex instab li kienu saru xi żbalji? X’tip ta’ żbalji saru u jista' jikkonferma li wħud minn dawn l-iżbalji saru għaliex il-bdiewa ma ingħatawx tagħrif tajjeb ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fondi Ewropej li tħallsu għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22492 u jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena mill-2004 ‘l hawn taħt: i EAGGF Guarantee ii Agricultural Fund for Rural Development iii ARGO Funds

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant rigward il-fondi EAGGF u EAFRD. Dwar l-ARGO funds nerġa' ntenni li dan mhux fond amministrat mill-Ministeru tiegħi.

Kontribuzzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienu jammontaw il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li tħallsu minn residenti f’Malta u f’Għawdex b’mod separat kull sena mill-2006 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konsum tal-elettriku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22476 u jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Salarji u allowances tal-Ministru u Segretarji Parlamentari

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19138 dwar is-salarji u allowances ta' Ministri u Segretarji Parlamentari, jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-salarju ta' Ministru, flimkien ma' allowances/benefiċċji oħra, qabel ma daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta' Mejju 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-salarju fil-perjodu msemmi kien ekwivalenti għal 110% ta’ skala 1, expense allowance ta’ €2,329.37, karozza uffiċċjali u xufier, l-użu ta’ karozza jew allowance ta’ €7,000 u servizzi ta’ telefon, mobile, internet u e-mail.

Pensjoni tax-xufiera tal-karozzi tal-linja

Question

Meta l-Arriva kienet qed tantiċipa li se tibda topera s-servizz tat-Trasport f’Jannar 2011, il-Ministru wiegħed li se jagħti l-pensjoni lil dawk l-owners tal-karrozzi tal-linja li jkunu għalqu s-56 sena sal-aħħar ta’ Diċembru 2010 u peress li issa l-Arriva qed tantiċipa li se tibda topera f’Lulju 2011, jista’ l-Ministru jikkonsidra li jestendi ftit id-data u jagħti l-pensjoni wkoll lil dawk l-owners li jkunu għalqu s-56 bejn l-1 ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju 2011 speċjalment ukoll minħabba li hemm ħames owners biss li jidħlu f’din il-kategorija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-termini tal-iskema t'irtirar kmieni huma dawk miftiehma mal-persuni eliġibli għaliha. Liema termini ma kienux marbuta ma' meta l-Arriva tibda s-servizz.

Proġett Piano — Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jiżgura lil din il-Kamra li ma nstabu l-ebda tip ta’ fdalijiet jew strutturi waqt ix-xogħlijiet ta’ tħaffir fil-Proġett Piano fil-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmtat li x-xogħolijiet ta’ tħaffir għall-binja l-ġdida tal-Parlament saru wara li tlestew riċerki storiċi biex kemm jista’ jkun strutturi antiki fuq is-sit jiġu preservati u integrati fil proġett. Dan sar b’meżż ta dokumenti antiki li taw idea tal-fdalijiet eżistenti fuq is-sit. Dawn l-istrutturi ġew skavati u dokumentati u, wara diskussjonijiet mas-Superintendenza tal-Wirt Storiku u mal-MEPA biex jiġi deċiż dak li għandu jinżamm, se jiġu integrati mal-proġett.

negozjati dwar il-White Rocks

Question

Tista’ l-Ministru, bħala l-Ministru responsabbli mill-isport, tgħid sa meta qed tipprevedi li jkunu konklużi n-negozjati dwar il-White Rocks? Tista’ tgħid min qed imexxi n-negozjati min-naħa tal-gvern? Tista’ tikkonferma li min qed imexxi n-negozjati qed jirrapporta lilha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Min qiegħed imexxi n-negozjati jirrapporta direttament lis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u l-Isport.

Korporazzjoni Enemalta — twaqqif ta' special purpose vehicle finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Korporazzjoni Enemalta waqqfet jew qiegħda fil-proċess li twaqqaf special purpose vehicle finanzjarja? Jekk iva, jista’ jagħti r-raġunijiet u d-dettalji ta’ dan il-pjan u jgħid min huma l-konsulenti involuti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mudell ta’ Special Purpose Vehicle qed jiġi mfassal biex jindirizza investiment qawwi li l-Korporazzjoni Enemalta wettqet fuq is-sistema ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku ġewwa pajjiżna matul is-snin. Dan l-investiment wassal biex jiġi akkumulat id-dejn tal-Korporazzjoni, liema dejn kien kruċjali biex il-Korporazzjoni tlaħħaq mad-domanda dejjem akbar għall-enerġija riżultat ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-progress li kellu l-pajjiż tul l-aħħar snin. Aktar minn hekk, it-tkomplija kontinwa ta’ dan l-investiment hija mezz essenzjali biex tiggarantixxi li pajjiżna jkollu provvista ta’ enerġija li tilħaq l-aspettattivi ta’ ekonomija li qed tikber u li għalhekk hija meħtieġa għal ħolqien tal-postijiet tax-xogħol ġodda. Dan għaliex il-garanzija ta’ provvista sigura u kontinwa tal-enerġija hija waħda mill-aspetti fundamentali li jħarsu lejhom l-investituri meta jagħżlu f’liema pajjiż jinvestu fih. Il-proġett tal-estensjoni tal-Power Station huwa biss wieħed minn dan il-pjan ta’ investiment kontinwu. Il-Korporazzjoni se tinvesti €165 miljun fl-estensjoni tal-Power Station ġewwa Delimara, minbarra €18-il miljun għal kuntratt tas-servizzi fuq perjodu ta’ 5 snin. Se jsir investiment ukoll f’interconnector li se jgħaqqad ‘il pajjiżna mal-grid ewropea. Dan se jsir permezz ta’ cable taħt il-baħar li jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija. Il-proġett tat-tqegħid ta’ l-ewwel cable se jsir b’investiment €150 miljun. Il-Korporazzjoni għamlet investiment investiment sostanzjali wkoll fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Fl-aħħar snin sar investiment f’ċentri ta’ distribuzzoni, bħal dak tal-Mosta, filwaqt li ġew ikkumissjunati tlieta oħra fil-Belt, Ħal-Kirkop, u Wied il-Għajn. Dawn l-erba’ ċentri flimkien ifissru investiment ta’ aktar minn €10 miljun. Saru investimenti oħra importanti, fosthom: · Investiment ta’ €5 miljun fis-sistema SCADA, sistema ċentralizzata ta’ kontroll għan-netwerks tal-korporazzjoni, ibbażata fil-Marsa minn fejn il-korporazzjoni se tkun tista’ tikkontrolla u tissuperviżjona s-substations primarji tagħha. Dan se jagħmel il-provvista aktar affidabbli u ttejjeb ir-rapidità tal-intervent fil-każ ta’ faults; · Investiment ta’ €5.8 miljun fl-installazzjoni ta’ żewġ cables ġodda 132 kv, twal 8 km, f’mina taħt l-art bejn il-Powersation u d-Distribution Centre tal-Marsa Industrial Estate; u · Investiment ta’ €20 miljun f’Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġewwa l-Kappara, fejn bħalissa qed jinbnew il-mini taħt l-art u li dan mistenni jitlesta s-sena d-dieħla. Dan se jkun punt fokali għad-distrubuzzjoni tal-enerġija fil-Grigal (North East) ta’ Malta u biex jgħaqqad mal-interconnector mal-grid Ewropew. Aktar minnhekk, għandu jingħad ukoll li pajjiżna huwa l-unika pajjiż, flimkien ma’ Ċipru, fl-Unjoni Ewropea kollha li jrid jimporta s-sorsi kollha ta’ fuel li juża għall-enerġija. Dan wassal biex, minkejja li għal żmien twil il-Gvern għadda ammont kbir ta’ sussidji lill-Korporazzjoni, din mhux dejjem kienet f’pożizzjoni li tirkupra l-ispejjeż għax-xiri taż-żejt fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Minkejja s-sussidji diretti tal-Gvern lill-Enemalta, dawn ma kienux biżżejjed biex ikopru iż-żieda ogħla fil-fuel f'dawn l-aħħar snin. Kien ghalhekk illi wara diskussjonijiet intensivi mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, intlaħaq ftehim fuq struttura ta’ kif jinħaddmu t-tariffi li jinkorpora l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni ta’ l-elettriku u l-investiment, dak li jissejjaћ l-ROCE jew Return on Capital Employed. Dan hu meħtieġ biex il-Korporazzjoni tirkupra fuq numru ta' snin l-investiment li jkun sar. Il-mudell ta’ Special Purpose Vehicle (SPV) qed jitfassal biex jiżgura li d-dejn tal-Korporazzjoni jkun sostenibbli u jkun jista’ jitħallas lura fuq numru ta’ snin.

Xiri ta' żejt minn kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22110, jista' l-Ministru jgħid fis-snin 2008, 2009 u 2010 il-Korporazzjoni Enemalta xtratx żejt mingħand kumpaniji oħra u jekk iva, min kienu dawn il-kumpaniji u kemm xtrajt żejt mingħand kull waħda minn dawn il-kumpaniji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

benefiċċju tal-enerġija — nies li jikkwalifikaw

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi ħsieb li fil-qrib, jirrevedi l-kwalifiki neċessarji biex persuna/familja tkun tista' tircievi l-benefiċċju tal-enerġija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi waqt laqgħa tal-MCESD li saret nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar 2011, ġie deċiż li ssir laqgħa oħra tal-MCESD sabiex janalizza u jiddiskuti rapport li se joħroġ il-gvern dwar l-Inflazzjoni, hekk kif ħabbarna fil-baġit li għadda. Wara li ssir din id-diskussjoni, u jitressqu proposti dwar dak li jkun ġie diskuss, jittieħdu d-deċizjonijiet neċessarji.