Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24147 Sitting 322 2011-03-07 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Sptar Monte Carmeli — investigazzjoni dwar maltrattament

Question

Jista l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdiet l-investigazzjoni mitluba mill-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, dwar il-maltrattament ta' ibnu li huwa pazjent fl-Isptar Monte Carmeli? Fiex waslet? Kemm instemgħu xhieda? X'qed iżomm milli din l-investigazzjoni tiġi magħluqa u l-eżitu jkun magħruf?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet ta’ maltrattament ta’ iben il-persuna msemmija, liema iben huwa rekoverat fl-isptar Monte Carmeli, kienu bdew f’Marzu 2006 fuq rapport li kien għamel il-missier. Infurmat ukoll illi matul din l-investigazzjoni kienu ġew intervistati diversi persuni fosthom nurses u staff tal-Isptar Monte Carmeli, social workers, awtoritajiet għolja tal-iSptar u speċjalisti fil-qasam tal-mediċina forensika. Mill-investigazzjonijiet li saru, ma kienx irriżulta li kien hemm provi sabiex jinbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra xi persuni. Ta’ min iżid ukoll illi l-missier kien ġie infurmat bl-andament ta’ din l-investigazzjoni.

Residenti f'Wied il-Għajn — inkonvenjent minn ilma tax-xita

Question

Xi snin ilu ngħata t-tarmak lil Triq l-Aħmar, Wied il-Għajn. Minn dak iż-żmien ir-residenti ta' Triq il-Kannella, Wied il-Għajn ilhom isofru inkonvenjent għax l-ilma tax-xita minn Triq l-Aħmar jinżel għal ġo Triq il-Kannella u jibqa' dieħel fil-garaxxijiet ta' din l-istess triq. Is-sitwazzjoni tant hija gravi li r-residenti jkollom jagħmlu filata ġebel quddiem ir-rampa tal-istess garaxxijiet biex iżommu l-ilma milli jidħol ġewwa. Jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jitneħħa kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23955 Sitting 321 2011-03-02 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentru ta' Stħarriġ tal-ICT f'Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23567 u ċioe: Minħabba li kemm il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni kif ukoll il-Ministru għal Għawdex fit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsijiet parlamentari separati, talbuni nagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx infetaħ ċentru ta' stħarriġ fl-ICT f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qatt ma kellhu jitwaqqaf ċentru ta’ stħarriġ.
Leg 11 PQ #23956 Sitting 321 2011-03-02 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 23039 u 22504 u jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena mill-2004 ‘l hawn taħt: a) il-Post-Accession Structural Funds (04/06); b) il-Post-Accession Cohesion Funds (04/06); ċ) Structural Funds (07/13); d) Cohesions Funds (07/13); u e) il-Grant Funds? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant, għar-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari nru 23039 nhar it-23 ta’ Frar 2011, seduta 318
Leg 11 PQ #23949 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjieg lill-persuni li għaddew mill-eżami għal iskrivani mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa l-pjan li jkunu impjegati dawk li għaddew mill-eżami għal skrivani mal-gvern, li sar bħal dan iż-żmien sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt f’Mistoqsijiet Parlamentari numri, 19111, 19351, 21831, 21311, W184, 23037, 23049, 23531 u 22995
Leg 11 PQ #23950 Sitting 320 2011-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern — palm readers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jeżistux Dipartimenti tal-Gvern fejn jintużaw il-palm readers u f'każ li iva, liema huma dawn id-Dipartimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm sitt postijiet jew dipartimenti fis-Servizz Pubbliku li jagħmlu użu minn Palm Readers. Dawn Huma: L-Uffiċċju Elettorali; Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment (Maison Demandols) Id-Dipartiment tal-VAT; Id-Dipartiment tat-Teżor; Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, u l-Ministeru għall-Infrastruttura, Transport u Komunikazzjoni (Palazzo Verdelin).

Work Permits għall-persuni li mhumiex minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu work permits għall-persuni li m'humiex ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea matul l-2008, l-2009 u l-2010, xahar b'xahar? Ta' liema nazzjonalità kienu dawn il-persuni? Fuq liema tip ta' xogħol ħarġu dawn il-work permits?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Casa Arkati u Villa Messina — rata ta' ħlas tal-pazjenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23228, jista' l-Ministru jgħid x'rati ta' ħlas qed jitħallsu kuljum, pazjent pazjent, fuq it-18-il pazjent li ttieħdu Casa Arkati u Villa Messina, skont il-livell tad-dipendenza ta' kull pazjent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ residenti li hemm bħalissa ġewwa Casa Arkati u Villa Messina u r-rata ta’ ħlas għal kull resident huwa kif jidher hawn taħt: Ġewwa Casa Arkati hemm disa’ (9) residenti b’livell għoli ta’ dipendenza. Hemm ukoll żewġ (2) residenti li għandhom livell ta’ dipendenza medja. Ġewwa Villa Messina hemm tlett (3) residenti b’livell għoli ta’ dipendenza. Hemm ukoll żewġ (2) residenti b’livell ta’ dipendeza medja. Kien hemm ukoll tlett (3) residenti li ġew trasferiti għal Villa Messina/Casa Arkati wara li ġew rilokati ġewwa Karen Grech u San Vinċenz. Billi kull darba li aħna nikru sodod mill-privat aħna nippruvaw ninnegozjaw il-prezz ma nħossx li għandi nagħmel dawn iċ-ċifri pubbliċi. Biss m’hemm ebda oġġezzjoni li l-Onor. Interpellant jingħata din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita. Konvint li l-Onor. Interpellant jifhem li la darba din l-informazzjoni issir pubblika ma’ nkunux nistgħu ninegozjaw prezzijiet ta’ aktar sodod li nikru minn żmien għall-żmien fil-privat.

Employement Aid Programme

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22501, tista' l-Ministru tgħid: a) kemm (i) mill-246 li kienu residenti Maltin u (ii) mill-126 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2009 għadhom illum jaħdmu ma' min kien iħaddiehom meta daħlu fl-iskema; b) kemm (i) mill-246 li kienu residenti Maltin u (ii) mill-126 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2009 kienu ngaġġati taħt il-Proċess A u kemm kienu ngaġġati taħt il-Proċess B; u ċ) kemm (i) mill-523 li kienu residenti Malta u (ii) mill-225 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2010 keinu ngaġġati taħt Proċess A u kemm kienu ngaġġati taħt Proċess B?

Response (CRISTINA, DOLORES)

a) Mill-246 li kienu residenti Maltin, 215 għadhom jaħdmu ma' min kien iħaddiemhom meta daħlu fl-iskema. Mill-126 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2009, 74 għadhom illum jaħdmu ma' min kien iħaddiemhom meta daħlu fl-iskema. b) Mill-246 li kienu residenti Maltin u mill-126 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2009, 10 kienu ngaġġati taħt il-Proċess A. Minn dawn l-ebda wieħed ma kien minn Għawdex. c) Mill-523 li kienu residenti Malta u mill-225 li kienu residenti f'Għawdex u li kienu ngaġġati taħt l-Employment Aid Programme matul is-sena 2010, 1 kien ngaġġat taħt Proċess A, filwaqt li l-oħrajn kienu kollha ngaġġati taħt Proċess B, fejn il-ħaddiem jew min iħaddem ikunu huma li jsibu lil dik il-persuna li se jibdew jaħdmu magħha.

Konsum tal-elettriku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23042 u 22476 u jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-audited accounts għadhom mhumiex finaliżżati u għaldaqstant din l-informazzjoni għadha ma tistax tingħata.

Enemalta — dejn

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22960, jista' l-Ministru jikkonferma li mill-lista li semma ta' nefqiet, jidher li d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta jrid jiżdied bi kważi €400 miljun oħra, jiġifieri jirdoppja? Jista' jikkonferma jekk l-impatt ta dawn in-nefqiet humiex diġà qed jiġu riflessi fuq il-kontijiet tad-dawl? Jekk le, minn meta se jiġu riflessi u kemm se jkun l-impatt f' kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onor. Interpellant mhux qed jispeċifika għal liema dejn qed jirreferi, imma għandi nassumi li dan huwa marbut maż-żewġ investimenti kbar ta’ interconnector u l-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara. Fil-passat, it-tariffi tal-Enemalta ma kienux jirriflettu l-varjazzjonijiet li kien hemm fit-tibdil tal-ispejjez tal-Enemalta għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluż iż-żiediet kolla fil-prezz taż-żejt, li minkejja s-sussidji diretti tal-Gvern ma kienux biżżejjed biex ikopru iż-żieda ogħla fil-fuel f'dawn l-aħħar snin. Għaldaqstant, l-Enemalta spiċċat tirreġistra telf kbir, li ssarraf f’dejn akbar għall-Korporazzjoni, li ma kienx sostenibbli. Din il-problema ġiet indirizzata bit-tibdil fil-metodu ta’ kif jinħadmu t-tariffi billi llum it-tariffi huma maħduma fuq formola stabbilita u approvata mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, u li tinkorpora l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-elettriku u l-hekk imsejjaħ ROCE (Return on Capital Employed) li hu meħtieġ biex il-Korporazzjoni tirkupra fuq numru ta' snin l-investiment li jkun sar. Il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda taħdem fuq pjan fit-tul għar-rifinanzjament tad-djun tagħha. Il-ħsieb wara dan il-pjan huwa li jpoġġi lill-Enemalta fuq sisien finanzjarji aktar sodi u sostenibbli, u b'hekk tkun tista’ tkompli taqdi l-funzjoni tagħha li hija tant vitali għall-ekonomija tal-pajjiż. Ħafna mix-xogħol għal dan il-pjan twettaq u l-ħsieb tal-Gvern hu li fil-futur qrib jgħaddi għat-twettieq ta’ dan il-pjan.

Ta' Qali — Park Nazzjonali - punch clock difettuż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara l-artiklu li deher fil-ġurnal "Illum" tat-8 ta' Awwissu 2010, rigward punch clock difettuż fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali? Jista' jikkonferma li s-sitwazzjoni fil-fatt għadha l-istess sal-jum li fih qed issir din il-mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li huwa ppjanat li se tiġi stallata Attendance Verification System ġdida mferrex fuq is-servizz pubbliku kollu. Għaldaqstant, fid-dawl tal-imminenza ta’ dan il-progett, mhuwiex il-każ li jintefqu spejjeż biex dawn ikunu rranġati.

Blokkok ta' appartamenti — meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jinsabx informat bil-prattika li qed tintuża minn xi sidien ta' blokok ta' appartamenti, fejn jistallaw meter wieħed għall-appartamenti kollha, flimkien ma' sub meters, imbagħad iġiegħlu lill-inkwilini jħallsu għad-dawl u ilma b'rati ogħla minn tal-Arms Ltd, anki permezz ta' kuntratti? X'inhi l-fehma tal-Ministru dwar din il-prattika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-prattika hi waħda li tmur kontra l-liġi sakemm fil-passat ma kienx hemm ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-azjenda jew individwu li għandu dan il-meter. Jien infurmat li meta l-MRA tirċievi informazzjoni jew ilment dwar abbuż ta' sub-meters, dawn jiġu investigati u jekk jinstab li qed isir abbuż, din l-informazzjoni tiġi mgħoddija lill-pulizija biex tkompli bl-investigazzjoni.

Organizzazzjonin Produtturi Laħam tal-Fenek Malti — biċċerija tal-fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Organizzazzjoni Produtturi Laħam tal-Fenek Malti ngħatatx post mill-gvern għall-biċċerija tal-fniek?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Malta Enterprise.

Ta' Qali — Suq tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti tas-Suq tal-Bdiewa f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tittigwarda l-Avviżi Legali 54 u 55 tal-2011 li dehru fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru. 18,710 tat-18 ta’ Frar, 2011.

Blokkok ta' appartamenti — meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jinsabx informat bil-prattika li qed tintuża minn xi sidien ta' blokok ta' appartamenti, fejn jistallaw meter wieħed għall-appartamenti kollha, flimkien ma' sub meters, imbagħad iġiegħlu lill-inkwilini jħallsu għad-dawl u ilma b'rati ogħla minn tal-Arms Ltd, anki permezz ta' kuntratti? X'inhi l-fehma tal-Ministru dwar din il-prattika?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23944.

ħlas tat-tariffi tad-dawl u ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22960, jista' l-Ministru jgħid jekk: a) il-ħlas tad-djun passati humiex se jħallu impatt fuq it-tariffi tad-dawl u ilma; b) il-finanzjament tal-estensjoni tal-power station ġdida hix se tkun ġejja mill-ispecial purpose vehicle?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23575.
Leg 11 PQ #22791 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kumpanija A&E Mintoff — kuntratti minn kunsilli lokali f'Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kuntratti ngħatat il-kumpanija A&E Mintoff mill-kunsilli lokali f'Għawdex? Minn liema kunsilli ngħataw dawn il-kuntratti, fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, f'liema data ngħata kull kuntratt u kemm kien il-valur ta' kull kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #23039 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwiegeb mistoqsija 22504 u jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena mill-2004 ‘l hawn taħt: a) il-Post-Accession Structural Funds (04/06); b) il-Post-Accession Cohesion Funds (04/06); ċ) Structural Funds (07/13); d) Cohesions Funds (07/13); u e) il-Grant Funds? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella annessa. L-informazzjoni hija korretta sal-31 ta’ Diċembru 2010. Iċ-ċifri jindikaw l-assistenza diretta li ħa Għawdex, imma minbarra dan il-gżira ibbenefikat ukoll mill-proġetti li saru fuq bażi nazzjonali. Dawn l-ammonti huma apparti minn flejjes li setgħu ħadu kumpaniji privati, għaqdiet mhux governattivi u organizazzjonijiet oħra f’Għawdex b’mod dirett mingħand il-Kummissjoni Ewropea jew mingħand aġenziji tal-Unjoni Ewropea. (Ara dokument numru 6603 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-Seduta 319 nhar it-Tnejn 28 ta' Frar 2011)

Mediċina Zebinix

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkonsidra li jinkludi l-mediċina Zebinix mal-lista ta’ mediċini bla ħlas? Jekk iva, meta jaħseb li se tkun disponibbli taħt din l-iskema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa d-Dipartiment ma għandu l-ebda applikazzjoni għal din il-mediċina.