Legislature:
Category:
Reset
Active:

każijiet quddiem il-qorti — self employed u intrapriżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu quddiem il-qorti self employed u intrapriżi fuq offiżi relatati ma’ income tax, sigurtà soċjali, VAT jew eko kontribuzzjoni mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta' Frar 2011? X'inhuma l-ammonti dovuti li qed jintalbu mill-gvern mingħand dawn l-intrapriżi u self employed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-28 ta’ Frar 2011 id-Dipartiment tat-Taxxi Interni kellu 353 kawża. L-ammont dovut li qed jintalab mill-Gvern huwa ta’ €6,231,370 f’taxxa u €15,556,875 f’sigurtà soċjali. Fuq offiżi relatati mal-VAT tressqu l-Qorti 1169 każ li 110 minnhom kienu mressqa fuq nuqqas ta’ ħruġ ta’ riċevuta fiskali u 1059 ġew mressqa fuq nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ denunzji tal-VAT. Fl-istess perjodu tressqu l-Qorti 25 każ dwar offiżi relatati mal-EKO Kontribuzzjoni. L-ammonti dovuti ma jistgħux jiġu kwatifikati peress li f’każ ta’ offiża dwar nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ denunzja tal-VAT l-ammont dovut lill-gvern jiġi magħruf meta d-denunzja tkun sottomessa u f’każ ta’ offiża dwar nuqqas ta’ ħruġ ta’ riċevuta fiskali m’hemm ebda ammont dovut lid-Dipartiment tal-VAT iżda multa tal-Qorti kemm-il darba l-akkużat jinstab ħati.

Innovation Actions Grant Scheme — applikazzjonijiet għal ERDF

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal ERDF Innovation Actions Grant Scheme? Kemm ġew aġġudikati s’issa? Sa meta se jkunu aġġudikati kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għat-tielet sejħa tal-iskemi ERDF Innovation Actions Grant Scheme (Innovation) u ERDF Innovation Actions Grant Scheme (Environment), il-Malta Enterprise laqgħet 97 u 23 applikazzjoni rispettivament. L-iskemi ġew aġġudikati fl-aħħar ġimgħat. Il-klijenti qegħdin jiġu infurmati bir-riżultati permezz ta’ korrispondenza uffiċċjali li se tinħareġ kollha sa l-aħħar ta’ Marzu.

SR Technic — proġett tal-hangar ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett tal-hangar il-ġdid ta’ SR Technic issa ġie pospost indefinittivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22588.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nefqa tal-manutenzjoni u t-tiswijiet tal-air conditions

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa tal-manutenzjoni u t-tiswijiet tal-air conditions fil-Ministeru tiegħu matul l-2010 ?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija numru 22287.

BICC — informazzjoni dwar chairmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu c-chairmen tal-BICC sa minn meta twaqqaf, x’kien it-terminu taż-żmien ta’ kull wieħed/waħda minnhom u x’kien il-pakkett finanzjarju tagħhom ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għalhekk tweġiba tinghata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #24235 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — Reviżjoni tal-marki fl-eżami

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk saritx jew hux qed isir xi forma ta' inkjesta, investigazzjoni jew reviżjoni relatata mat-tqassim tal-marki fl-eżami tar-reklutaġġ għal Forzi Armati ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma saret l-ebda forma ta’ inkjesta jew investigazzjoni relatata mat-tqassim tal-marki fl-eżami għal reklutaġġ mal-Forzi Armati ta’ Malta.

Housing Estate li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23225, jista' l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta inbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate ?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità tad-Djar.
Leg 11 PQ #24237 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Busietta Gardens — applikazzjoni ta' żvilupp pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-aħħar snin saritx xi applikazzjoni għal xogħol ta’ estensjoni fil-post magħruf bħala Busietta Gardens? Hemm applikazzjonijiet ta’ żvilupp pendenti marbuta ma' dan il-post jew xi stop notices ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

ADT — rapporti fuq Triq Diċembru 13

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Awtorità dwar it-Transport kienet ikkummissjonat rapport dwar Triq Diċembru 13 fil-Marsa lil kumpanija Franċiża? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport flimkien mad-disinji kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni mitluba.

eżamijiet għal kisba ta’ operators licence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-eżamijiet għal kisba ta’ operators licence għall-operaturi tat-trasport, bħal mini buses, huwiex oneruż iżżejjed meta dawn il-persuni qed jintalbu jwieġbu saħansitra mistoqsijiet dwar il-Ligi tal-Kumpaniji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-eżami li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa dak li jwassal għall-kisba ta' Ċertifikat ta' Kompetenza Professjonali, li huwa wieħed mir-rekwiżiti ewlenin biex tinkiseb Liċenzja ta' Operatur fil-qasam tal-ġarr ta' passiġġieri b'kiri jew b'kumpens. L-obbligu ta' din il-kwalifika joħroġ mir-Regolament 11 tar-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri, li jirriferi għall-kompetenza professjonali u jobbliga li l-persuna maħtura għandha tgħaddi min eżami bil-kitba u jew orali bażati fuq suġġetti elenkati fil-Parti 2 tat-Tieni Skeda li jikkorrispondi għall-livell ta’ taħriġ għall- operati nazzjonali. Dawn ir-Regolamenti, is-suġġetti mgħallma, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ l-eżami li jwassal biex jinkiseb Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali huma meħtieġa mid-Direttiva 96/26 KE li tistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Tajjeb jingħad li din il-kwalifika ma tapplikax għax-xufiera, iżda għall-operaturi li huma mistennija li jkollhom l-għarfien neċessarju biex imexxu negozju ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’mod sostenibbli, bl-għan ewlieni li tiżdied is-sigurta` fit-triq, filwaqt li jitjieb is-servizz li jingħata. S'issa hemm 'il fuq minn 360 persuna li kisbu Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali wara li għaddew minn dan l-eżami jew minn test qasir, skond liema japplika fid-Direttiva u fir-regolamenti.

esportazzjoni ta' armi żgħar lejn il-Libja — diskrepanza fl-ammonti ta' flus

Question

Il-media internazzjonali u dik nazzjonali irrapurtat li Malta esportat b’aktar minn €79 miljun f’armi żgħar lil-Libja. Is-sors ta’ din il-figura kien rapport uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. The Times of Malta tat-23 ta’ Frar 2011, ikkwotat kelliem għal gvern li qal li “Following our investigations, it seems the country of origin of the products in question was Italy and did not touch dry land. The end user was the government of Libya as confirmed by the Italian Embassy in Tripoli. On this basis, authorisation for transit was issued by Malta while Customs allowed transit.” Madankollu, f’ittra li dehret fl-istess ġurnal fl-1 ta’ Marzu 2011, l-Ambaxxatur Taljan għal Malta qal li wara li l-ambaxxata investigat dawn ir-rapporti jista’ jgħid li “In 2009, Italy exported small arms to Libya (pistols, rifles, including hunting rifles) for around €8 million. There have been no other small arms exports towards Libya authorised by the Italian authorities between 2008 and 2010 (except for a small sale of €3,000). No small arms, in the same period, have been sold to Malta from Italy, except for a very minor operation. The amount of €79,689,691 does not refer to any operation involving the Italian authorities. I would like to stress that the Italian legislation for the sale of small arms and weapons is a very strict one". Jista’ l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega d-diskrepanza bejn iż-żewġ figuri u ż-żewġ verżjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Unjoni Ewropea — Għajnuna lis-settur tal-ħalib

Question

B’riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23221, jista' l-Ministru jagħti iktar dettalji rigward l-għajnuna li ngħatat għar-ristrutturar tas-settur , kif ukoll x’kien jikkonsisti l-income support? Jista' ukoll jelabora aktar fuq il-miżuri tal-meeting standards speċjalment rigward id-direttiva tan-nitrati u kemm kienu l-applikazzjonijiet u minn dawn kemm ġew milqugħa? Rigward il-pjanijet li għandha l-Unjoni Ewropea li sas-sena 2015 tispiċċa s-sistema tal-kwota tal-ħalib, jista' l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-gvern u xi pjanijiet hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-‘income support’ hija parti mill-iskema tal-Pagament Uniku li ġiet introdotta f’2007. Din l-iskema ħadet post l-iskemi ta’ sussidji marbutin mal-produzzjoni. Taħt il-miżura tal-‘Meeting Standards’ ibbenefikaw 58 raħħal taħt l-ewwel sejħa b’ammont totali ta’ €1,186,836.93 u taħt it-tieni sejħa kien 103 benefiċjajri b’ammont totali ta’ €3,036,253.00. It-total globali ta’ benefiċjarji jammonta għal 161, bi ħlas nett ta’ €4,223,089.93. Għar-rigward ta’ pjanijiet għal wara t-tmiem tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fis-sena 2015, il-Gvern għaddej b’taħdidiet.

Suq tal-bdiewa — prodotti mill-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk investigax rapporti li persuni li qed ibiegħu fis-suq tal-bdiewa qegħdin jixtru prodotti mill-Pitkalija u li mbagħad jinbiegħu fl-istess suq bħala prodott ta' dawn il-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn kontrolli li sistematikament isiru, xi bdiewa li jieħdu sehem fis-Swieq tal-Bdiewa inqabdu jbiegħu prodotti agrikoli li ma kinux prodotti tagħhom iżda li kienu nxtraw mill-pitkalija. Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu il-passi neċessarji mill-Amministrazzjoni tal-Pitkalija.

Sptar Boffa — Linear Accelerator - bunker

Question

Jista' l-Ministru jgħid ladarba jieqaf jintuża il-bunker tal-linear accelerator tal-Isptar Boffa, kemm-il sena trid tgħaddi biex isir użu ieħor mill-bini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Isptar Boffa huwa mgħammar b' żewġ bunkers; u bħalissa qiegħed jitlesta it-tielet wieħed sabiex tkun tista titpoġġa fih linear accelerator ġdida. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Boffa irid ikompli joffri s-servizzi kollha lill-pazjenti morda bil-kanċer sakemm jitlesta u jibda jitħaddem iċ-ċentru ġdid tal-onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei. Il-bini jista jintuża b' mod immedjat wara li l-apparat eżistenti jiġi decommissioned - jiġifieri li jitneħħa mis-servizz kompletatament.

Power station ta' Delimara — lubricant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il litru ta' lubricant jintuża kull sena fil-power station ta' Delimara? B'kemm se jiżdied l-użu tal-lubricant bil-power station il-ġdida?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-impjant eżistenti juża medja ta’ 9,300 litru ta’ lubricant kull sena. Bl-impjant il-ġdid, din il-figura ser tiżdied għal 754,000 fis-sena. Ir-raġuni għal dan it-tibdil fil-konsum huwa li fl-impjant eżistenti il- lubricating oil jintuża fis- circuits magħluqin u b’hekk jibqa’ nadif u allura ma jkunx hemm bżonn li jinbidel frekwenti. Mill-banda l-oħra l-impjant il-ġdid huwa magħmul minn diesel engines u b’dawn il-magni l- lubricating oil jitħallat mal- combustion by-products fiċ-ċilindri. Konsegwenza ta’ dan, u biex jinżamm iż-żejt fi kwalita tajba, l-magna hija ddisinjata b’tali mod li ammont zgħir ħafna ta’ żejt jiġi maħruq kontinwament fiċ-ċilindri. Dan jinbidel b’żejt nadif ħalli dan iż-żejt jinżamm fi kwalita tajba. Iż-żejt jinbidel kompletament darba f’sena. L-ispejjeż biex isir il-kambjament tal- lubricating oil huwa nkluż fl- operating cost tal-impjant.

Organizazzjoni Produtturi Laħam il-Fenek Malti — biċċerija tal-fniek

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23945, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Organizazzjoni Produtturi Laħam il-Fenek Malti ngħatatx post mill-gvern għall-biċċerija tal-fniek?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Lotterija tal-VAT — frodi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-investigazzjoni dwar il-frodi fil-lotterija tal-VAT? Jista' jgħid jekk l-impjegati involuti għadhomx ingaġġati mas-Servizz Pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara li kienu saru l-investigazzjonijiet mill-Pulizija fuq il-każ tal-frodi tal-Lotterija tal-VAT, tressqu tliet persuni l-Qorti. Permezz tas-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Dott. T Micallef Trigona fl-4 ta’ Novembru 2008, tnejn mill-persuni li tressqu l-Qorti instabu ħatja u weħlu sentejn ħabs sospiżi għall-erbgħa snin, kif ukoll ġew immultati €1,000 kull wieħed u rċevew interdizzjoni għall-għomorhom. Madankollu l-persuna l-oħra ma nstabitx ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u ġiet meħlusa. Din il-persuna reġgħet lura għax-xogħol mad-Dipartiment tal-Lottu.

Konsum tal-elettriku fit-toroq pubbliċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22476, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta ma zzommx l-informazzjoni li qed jitlob l-istess Onor. Interpellant, jiġifieri segregata skont areas jew lokalitajiet, peress li din iżżomm biss rekord ta’ l-elettriku li titfa’ fil-grid u li jiġi kkunsmat minn kull min huwa mqabbad ma’ dan il-grid. Dan jinkludi residenzi, stabbilimenti u entitajiet kummerċjali, entitajiet tal-Gvern, u dawl tat-toroq, fost l-oħrajn. L-informazzjoni dwar kemm elettriku jintefa’ fil-grid hija inkluza fil-Financial Statements tal-Korporazzjoni. Il-Financial Statements sas-sena 2008 ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni Enemalta investiet fis-sistema SAP li hija aktar effiċjenti u moderna, u li, fost l-oħrajn, se tkun tista’ tippermetti rappurtaġġ aħjar ta’ din it-tip ta’ informazzjoni.

Konsum tal-elettriku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22476 u jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23954.

Konsum tal-elettriku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23954. (Ara informazzjoni addizzjonali li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta numru 329 tal-21 ta' Marzu 2012, dokument numru 6745)