Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24770 u jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Pompi tal-Petrol — żieda fil-commission

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim mas-sidien tal-pompi tal-petrol biex jingħataw żieda fil-commission? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan il-ftehim u kemm tammonta din iż-żieda? Jista' jgħid x'inhuma eżatt il-commitments illi s-sidien intrabtu bihom? Jista' l-ftehim imsemmi jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.

PricewaterhouseCoopers — studju fuq żieda fil-commission tas-sidien tal-pompi tal-petrol

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-PricewaterhouseCoopers tqabbdu jagħmlu studju bil-għan li jkun stabbilit jekk is-sidien tal-pompi tal-petrol għandhomx jingħataw żieda fil-commission? Jekk fl-affermattiv, kemm sewa dan ir-rapport u x'kienet il-konklużjoni tal-istess rapport? Jista' dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta, f’Jannar 2011, giet mitluba tevalwa t-talba li saret mis-sidien tal-pompi tal-petrol, u tqabbdu PricewaterhouseCoopers biex jagħmlu dan l-istudju. Dan ir-rapport ikkonkluda li t-talba ta’ €0.032c kull litru ma kienetx qed taqbel maż-żieda ta’ €0.0045c kull litru li kienet tista tagħti l-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkopri l-inflazzjoni. Il-fee għal dan l-istudju kien ta’ €8,700, eskluż il-VAT. Kopja ta’ dan ir-rapport qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

upgrading ta' pompi tal-petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid min stabbilixxa ċ-ċifra ta' €25 miljun bħala spiża li trid tintnefaq fuq upgrading ta' pompi tal-petrol? Jista' jgħid kif ġiet stabbilità din iċ-ċifra u jekk din ġietx korroborata ma' stimi oħra? Jista' jgħid x'ġara mill-fond li kien twaqqaf mill-Korporazzjoni Enemalta biex suppost jagħmel tajjeb għal din l-ispiża?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.

Taqsima Propjetà tal-Gvern — Għawdex - Għajnsielem - Triq il-Ħamri

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar x'irriżulta lit-Taqsima Proprjetà tal-gvern dwar abbużi li twettqu fi proprjetà pubblika li tinsab fi Triq il-Ħamri fl-inħawi tal-Belveder f'Għajnsielem f'Għawdex? Jista' jgħid min huma l-persuni li jidhru bħala l-iżviluppaturi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti li setgħu saru dwar dan il-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-Rikors magħmul mill-Kummissarju tal-Artijiet kontra l-iżviluppatur Silvio Rapa, dwar l-abbużi li twettqu fi proprjetà pubblika li tinsab fi Triq il-Ħamri fl-inħawi tal-Belvedere f’Għajnsielem, Għawdex. Dwar l-aħħar mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku dwar liema rapporti qed jirreferi.

Qorti tal-Maġistrati ta' Għawdex — żvilupp abbuż fuq proprjetà pubblika f'Triq Ħamri - Għansielem

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23716, jista' l-Ministru jgħid x'sar fid-dawl tal-protest ġudizzjarju intavolat fil-Qorti tal-Maġistrati t'Għawdex fl-4 ta' Jannar 2011 dwar l-iżvilupp abbużiv fuq proprjetà pubblika li tinsab fi Triq il-Ħamri fl-inħawi tal-Belveder f'Għajnsielem, fejn l-intimat ingħata tmien ġimgħat żmien, li kienu jiskadu fl-4 ta' Marzu 2011 biex jippristina l-Belvedere lura għall-istat oriġinali, kif ukoll biex jagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati fuq art pubblika? Jista' jgħid kif żvilppaw l-affarijiet mill-4 ta' Marzu sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-terminu ta’ żmien li ngħata lill-iżviluppatur tal-art f’Għajnsielem u li fih kellhom isiru t-tiswijiet neċessarji ma ġiex osservat, u kien għalhekk li l-Kummissarju tal-Artijiet kellu jiftaħ kawża kontra l-iżviluppatur sabiex jassigura li d-drittijiet tiegħu jiġu salvagwardjati. Il-kawża ġiet appuntata għas-smigħ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex għall- 24 ta’ Mejju 2011.
Leg 11 PQ #25304 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali t'Għajnsielem — Għajnsielem - Belvedere - abbużi fi proprjetà pubblika fi Triq Ħamri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet matul iż-żmien il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali t'Għajnsielem dwar l-abbużi li twettqu fi proprjetà pubblika li tinsab fi Triq il-Ħamri fl-inħawi tal-Belveder f'Għajnsielem? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li mexxa 'l quddiem il-Kunsill Lokali t'Għajnsielem mal-awtoritajiet konċernati biex tittieħed azzjoni kontra dawn l-abbużi u biex il-Belvedere jinġab lura għall-istat oriġinali tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, skont kif miksuba mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

Nefqa tal-lubricant għall-impjant il-ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24232, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-medja tan-nefqa fuq il-lubricant kull sena bejn is-sena 2000 u s-sena 2010? Kemm hu stmat li se tkun in-nefqa bl-impjant il-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25052.

korsijiet f’parental skills

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx kien ikkunsidrat il-punt li l-gvern jibda joffri korsijiet f’parental skills lil dawk il-koppji li jkun se jkollhom it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sedqa tipprovdi korsijiet ta’parental skills lil kull min japplika għalihom u ma tiddiskriminax fuq jekk il-persuni hux diġà għandhom it-tfal jew jekk hux se jkollhom it-tfal fil-futur qrib. L-esperjenza s’issa turina li l-maġġoranza ta’ persuni li japplikaw għal dan il-kors huma diġà ġenituri.

Raħal Ġdid — stallazzjoni ta' traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk jistax ikun ikkunsidrat li jsiru traffic lights fil-parti t'isfel ta' Triq Palma f’Raħal Ġdid liema parti tagħti għal Vjal Santa Luċija, quddiem iċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bl-iskop li ntejbu s-sigurtà fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant, qed jiġu kkunsidrati diversi proposti, fosthom l-istallazzjoni ta' traffic lights.

PBS — CEO - kampanja dwar divorzju responsabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tħossx li l-involviment taċ-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services fuq naħa fil-kampanja dwar divorzju responsabbli (f'dan il-każ il-le) huwiex prudenti meta l-istazzjon nazzjonali suppost jibqa' newtrali fi kwistjonijiet ta' kontroversja nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services diġa ċaħad pubblikament li huwa involut ma’ xi naħa fid-dibattitu preżenti dwar id-divorzju. Diġà stqarr li huwa kien mistieden għal laqgħa waħda ta' informazzjoni minn wieħed mill-movimenti u huwa aċċetta kif jaċċetta diversi stediniet oħra li jkollu għal laqgħat ta' informazzjoni minn kull xorta ta' grupp u moviment.

PBS — konsulent - kampanja dwar divorzju responsabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk tħossx li l-involviment tal-konsulent tagħha u tal-Public Broadcasting Service, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, f'naħa fil-kampanja dwar divorzju responsabbli (f'dan il-każ il-le) huwiex prudenti meta l-istazzjon nazzjonali suppost jibqa' newtrali fi kwistjonijiet ta' kontroversja nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services Limited ma għandha l-ebda konsulent li għandu x’jaqsam mal-kampanja msemmija.

Moviment kontra d-Divorzju — email

Question

In vista tar-rapport li deher fit-Torċa tal-10 ta' April 2011 fejn ġiet riprodotta korrispondenza bejn esponenti tal-Moviment kontra d-Divorzju, u fejn deher li Dr. Arthur Galea Salomone uża l-email uffiċjali tiegħu bħala uffiċjal pubbliku fil-Borża ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ċensura saret fuq Dr. Galea Salomone, meta saret u b'liema mod saret?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru ġibed l-attenzjoni tal-persuna involuta.

PBS — Chief Executive Officer - kampanja kontra d-divorzju - servizzi offruti

Question

In vista tal-kumment li ċ-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services ta lil Malta Today (10 ta' April 2011) fis-sens li hu kkontribwixxa lil kampanja kontra d-divorzju u li s-servizzi tiegħu huma offruti lill-kampanji kollha, tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-kuntratt taċ-Chief Executive Officer iżommux mili jagħmel xogħlijiet simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Kap Eżekuttiv tal-PBS imkien ma qal kif inhu allegat fl-interpellanza “li hu kkontribwixxa lil kampanja kontra d-divorzju u li s-servizzi tiegħu huma offruti lill-kampanji kollha.” Għalhekk la jidhlu kwistjonijiet ta’ xogħol u lanqas kwistjonijiet ta’ kuntratti.

Nefqa tal-lubricant għall-impjant il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24754 u jgħid x’kienet il-medja tan-nefqa fuq il-lubricant kull sena bejn is-sena 2000 u s-sena 2010? Kemm hu stmat li se tkun in-nefqa bl-impjant il-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-medja tan-nefqa fuq il-lubricant li jintuża Delimara kull sena bejn is-sena 2000 u s-sena 2010 kienet ta’ €14,128.10. In-nefqa għal- lubricating oil fuq l-impjant il-ġdid hija stmata għal madwar € 1,508,000 fis-sena. Dan għaliex it-turbini eżistenti għandhom effiċjenza relattivament baxxa, bil-konsegwenza li l-spejjeż ta’ fuel huma akbar. It-turbini l-ġodda se jkunu aktar effiċjenti. Iżda biex dawn ikunu aktar effiċċjenti dan jirrikjedi spejjeż addizzjonali f’termini ta’ konsum ta’ lube oil . Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja din iż-żieda fl-ammont ta’ lubricant , l-impjant se jkollu użu ferm aktar effiċjenti, li se jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal- fuel.

Awtorità tad-Djar — housing estates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24759 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u issa ġiet riferuta lilu u jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta inbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

nuqqas fin-nefqa fuq “Programmes & Initiatives”

Question

Minħabba li l-gvern naqqas in-nefqa fuq “Programs & Initiatives” bi €13-il miljun u saħansitra bi €28 miljun minn fuq l-istima li għamel qabel intemmet is-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jagħti rendikont, dipartiment b’dipartiment, minn fejn u b’kemm naqset din in-nefqa meta mqabbla mal-estimi finanzjarji li ppreżenta f’Ottubru li għadda?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24991.
Leg 11 PQ #25055 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — konsulenza mal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta’ liema kienu dawk il-kumpaniji li għamlu xogħol ta’ konsulenza mal-kunsilli lokali f’Għawdex sena b’sena, bejn l-1999 u l-2010 u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta’ Memo 28/2011 li nħareg mill-istess dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ppreżentata fil-Parlament.
Leg 11 PQ #25056 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Enterprise — dikjarazzjoni taċ-chairman

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li d-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri, li f’nofs il-gwerra ċivili li għaddejja bħalissa fil-Libja fejn ta’ kuljum qed ikunu rapportati imwiet, tkellem dwar l-opportunitajiet li se jkun hemm f’dan il-pajjiż fil-qasam tal-kostruzzjoni, kenitx f’lokha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta’ l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment f’ Mistoqsija Parlamentari numru 25057.

Malta Enterprise — dikjarazzjoni taċ-chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li d-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri, li f’nofs il-gwerra ċivili li għaddejja bħalissa fil-Libja fejn ta’ kuljum qed ikunu rapportati imwiet, tkellem dwar l-opportunitajiet li se jkun hemm f’dan il-pajjiż fil-qasam tal-kostruzzjoni, kenitx f’lokha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri, u d-Deputat Laburista, George Vella, tkellmu dwar l-investiment u x-xogħol fil-Libja. F’dan il-programm kien hemm qbil dwar dak li kien qed jiġi diskuss.