Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu mal-Gvern li ġew seconded f'Dipartimenti oħra tal-Gvern jew ma' awtoritajiet, aġenziji eċċ.? X'kien il-grad tagħhom qabel ma ġew seconded? Xi grad ingħataw wara li ġew seconded?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm 157 uffiċjal pubbliku seconded ma’ Dipartimenti tal-Gvern u ma’ awtoritajiet jew aġenziji pubbliċi.
Dettalji tal-gradi tagħhom qabel ġew seconded, kif ukoll tal-gradi li ngħataw wara li ġew seconded, jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25042 u jgħid kemm–il darba sar tibdil fil-makkinarju fil-biċċerija tal-gvern bejn l-2004 u llum? Jista jagħti d-dati ta’ kull meta sar dan it-tibdil, jgħid x’kien it-tibdil li sar u jagħti raġuni għaliex sar dan it-tibdil? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża kull darba li sar xi tibdil u lil min ingħata x-xogħol neċessarju li kellu jsir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra
kamra taħt il-Monument tal-Ħelsien — servizz tal-provvista tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25049 u jikkonferma jekk hux veru li nqata' s-servizz tal-provvista tal-ilma fil-kamra taħt il-Monument tal-Ħelsien u li tintuża minn voluntier għall-manutenzjoni tal-istess monument? Jekk huwa minnu, jistgħu l-awtoritajiet jirrikonsidraw il-pożizzjoni tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammonti dovuti fuq dan il-kont għall-użu ta’ l-ilma ilhom diversi snin ma jitħallsu, tant li l-aħħar kont tħallas fil-25 ta’ Ġunju tal-1996. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ħadet diċizjoni biex, kif tagħmel fil-każ ta’ kontijiet oħra li jkollhom bilanċi bħal dawn, taqta’ s-servizz ta’ provvista tal-ilma sakemm dan jitħallas.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, jgħarraf lill-Kamra kemm hemm mistoqsijiet parlamentari li ilhom li saru aktar minn xahrejn u għadhom pendenti billi ma ngħatatx tweġiba għalihom; Ministeru b'Ministeru;
a) fuqiex titratta kull mistoqsija parlamentari;
b) jekk tweġbux mill-awtoritajiet konċernati; u
ċ) x'inhi r-raġuni jew raġunijiet għad-dewmien?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma hemmx mistoqsijiet parlamentari pendenti għax ma ngħatatx tweġiba għalihom mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel xi emendi fil-Liġi biex jipproteġi lil dawk l-ulied ta' koppji separati, li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu 18-il sena, iżda li jsibu problema għax il-manteniment għalihom jieqaf kif jagħlqu din l-età, anki jekk ikunu għadhom jistudjaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-Avviż Legli li jirregola l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jipprovdi biex dawk l-istudenti li jkunu ġejjin minn familji bi bżonnijiet finanzjarji, jingħataw għotja supplemenentari. Dawn jistgħu jkunu tfal ta’ koppji separati, jekk id-dħul tal-ġenitur li jkunu qed jgħixu miegħu ikun dħul baxx.
Id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali jagħti diversi beneffiċċji soċjali lil familji fil-bżonn. Familji li jirċievu l-Għajnuna Soċjali jirċievu
additional rate
ta’ l-għajnuna soċjali sakemm it-tfal jibqgħu dipendenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew il-fuljetti li l-uffiċċju tiegħu qed jibgħat f'kull dar dwar it-tielet sena tal-Leġislatura? Kemm sewa l-printing? Kemm sewa t-tqassim? Kemm hemm spejjeż oħra? X'offerti inħarġu fir-rigward? Min applika? Min intgħażel? B'liema prezzijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istamperija tal-Gvern ma setgħetx tistampa l-pubblikazzjoni minħabba x-xogħol ta’ stampar marbut mal-proċess elettorali tar-referendum u għalhekk ir-rakkmondazzjoni kienet li x-xogħol isir mis-settur privat.
L-orħos prezz kien ta’ €15,895 (Print It), it-tieni kien ta’ €19,636.34 (Progress Press) filwaqt li l-ogħla prezz kien €16,900 (Gutenberg Press). L-istampar sar fl-istamperija li kellha l-orħos prezz. Id-disinn sar mill-BPC u l-prezz kien €300. Il-posta kienet €4,594.35.
*Ara PL 9132 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa, 1 ta' Frar 2012 f'Seduta 441
Mużew Malti tal-Arti Moderna — kollezzjoni privata
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk matul l-aħħar snin sarux offerti minn individwi biex jagħtu l-kollezzjoni privata tagħhom bħala donazzjoni biex eventwalment isir Mużew Malti tal-Arti Moderna? Jekk iva, kemm kienu dawn l-individwi u x'sar mill-offerti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li riċentement ma saret l-ebda offerta minn individwi li offrew il-kollezzjoni privata tagħhom bħala donazzjoni biex eventwalment din tiġi esibita f’ Mużew Malti tal-Arti Moderna.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi li se jingħataw lill-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali? Jista' jgħid jekk dan hux se jżomm karigi fl-Università ta' Malta? Jista' jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjaru tal-perkaċċi li dan se jkollu bħala membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna ndikata minnu huwa preżentament direttur fuq il-Board of Governors tal-Bank Ċentrali. Il-Gvernatur preżenti se jżomm it-termini tal-uffiċċju sat-tletin ta’ Ġunju 2011. Id-dettalji tal-pakkett finanzjarju għadhom ma ġewx konklużi. Il-persuna indikata mhux se jżomm il-kariga tagħha fl-Università ta' Malta. M'hemm l-ebda pakkett finanzjarju għal-fatt li wieħed ikun fuq il-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Jista' l-Prim Ministru, wara rapporti li kien hemm fil-mezzi tax-xandir, jispjega lil din il-Kamra x'nuqqasijiet tfaċċaw fil-proċess tat-tqassim tad-dokumenti tal-voti tar-referendum tat-28 ta' Mejju fil-lokalitajiet ta' Raħal Ġdid u ta' Ħad-Dingli? Jista' jgħid fuq kemm numru ta' voti qed nitkellmu f'Raħal Ġdid u f'Ħad-Dingli b'mod rispettiv? Jista' jgħid x'kienet id-data li fiha suppost tqassmu dawn id-dokumenti fit-toroq in kwistjoni f'dawn iż-żewġ lokalitajiet? Jista' jgħid meta l-Maltapost saret taf b'dawn in-nuqqasijiet? Jista' jgħid meta l-Kummissjoni Elettorali saret taf b'dawn in-nuqqasijiet? Jista' jgħid minn min sar it-tqassim tal-voti, f'Raħal Ġdid u f'Ħad Dingli b'mod rispettiv, wara li l-Kummissjoni Elettorali ħadet id-deċiżjoni li toħroġ dokumenti ġodda tal-voti minflok dawk li baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid kemm huma l-voti f'Raħal Ġdid u f'Ħad Dingli b'mod rispettiv li ntilfu u li sal-lum għadhom ma nstabux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
“Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija ġiet mgħoddija lill-Kummissjoni Elettorali li, min-naħa tagħha, irreferiet għall-Istqarrija għall-iStampa maħruġa mill-istess Kummissjoni fuq dan is-suġġett fit-28 ta’ April 2011. Kopja ta’ din l-Istqarrija għall-iStampa qed tiġi mehmuża ma’ din ir-risposta.”
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex wara li oriġinarjament id-dokumenti tal-voti f'Ħad Dingli tar-referendum tat-28 ta' Mejju tqassmu mill-Maltapost, meta nstabu problemi fit-tqassim fi triq partikolari u nħarġu dokumenti ġodda tal-voti min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali, minflok intużat il-Maltapost għat-tqassim ta' dawn id-dokumenti ġodda, intuża l-Korp tal-Pulizija?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li daħlet għaliha l-Kummissjoni Elettorali meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-proċess tat-tqassim tal-voti tar-referendum tat-28 ta' Mejju jingħata lill-Maltapost?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25745 li ngħatat f’Seduta Numru 343 fid-9 ta’ Mejju 2011.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex fil-proċess tat-tqassim tad-dokumenti tal-voti tar-referendum tat-28 ta' Mejju, ma sarx użu mill-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid min ħa din id-deċiżjoni?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx deċiżjoni dwar jekk fil-proċess tat-tqassim tal-voti f'appuntamenti elettorali li jmiss fix-xhur li ġejjin, hux se jerġa' jintuża s-servizz tal-Maltapost jew jekk hux se jerġa' jintuża s-servizz tal-Korp tal-Pulizija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Elettorali wara konsultazzjoni u qbil maż-żewġ partiti politiċi rapreżentati fil-Parlament ddeċidiet li tuża s-servizzi tal-Maltapost PLC fit-tqassim tad-dokumenti tal-votazzjoni għar-Referendum Nazzjonali tat-28 ta’ Mejju 2011.
Għall-futur il-Kummissjoni Elettorali tkompli bil-prassi ta’ konsultazzjoni xierqa qabel tieħu deċizjonijiet dwar il-proċess tat-tqassim tal-voti.
Busietta Gardens — applikazzjoni ta' żvilupp pendenti
Question
Jista' l-Prim Ministru jwiegeb mistoqsija 24237 u jgħid jekk fl-aħħar snin saritx xi applikazzjoni għal xogħol ta’ estensjoni fil-post magħruf bħala Busietta Gardens? Hemm applikazzjonijiet ta’ żvilupp pendenti marbuta ma' dan il-post jew xi stop notices ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li f’dawn l-aħħar snin ma saritx applikazzjoni għal-estnsjoni tal-bini. L-applikazzjoni PA 1230/07 għadha pendenti u qed titlob il-bdil fl-użu minn mħażen għall-appartamenti. Hemm xi permessi oħrajn ta’ żvilupp li għadhom validi. Sal-lum, ma jirriżultax li hemm xi azzjoni t’infurzar jew stop notices operattivi, għajr għal Avviż tat-Twettiq ECF 265/04 dwar żvilupp żgħir ta’ twaħħil ta’ aircondition unit mal-faċċata ta’ wieħed mill-appartamenti. Dan il-każ għadu pendenti.
Malta Enterprise — xogħol ta' Foreign Investiment Targeting
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Malta Enterprise hux qed tħallas persuni mhux impjegati tagħha biex jagħmlu x-xogħol ta' Foriegn Investment Targeting f'isimha? Jista' jgħid jekk dawn il-persuni jinkludux ukoll Ambaxxaturi jew High Commissioners? Min huma u kemm huwa l-ħlas li kull wieħed minn dawn il-persuni qed jingħata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-Malta Enterprise għandha 2 konsulenti esterni li jaħdmu esklużivament għall-Malta Enterprise kif ukoll multiplier wieħed, li jagħmlu xogħol ta’ investment targeting li mhumiex fl-impjieg tal-Korporazzjoni.
Sar ukoll xi xogħol ta’ Foreign Investment Targeting mill-Malta High Commissioner fl-Ingilterra.
Il-konsulenti esterni għandhom salarju fiss, fil-waqt illi l-kuntratt diskuss mal-multipliers huwa marbut ma’ rata ta’ suċċess għal kull proġett miġjub f’Malta. Jiġu rimburżati ukoll spejjeż marbuta vjaġġar u parteċipazzjoni f’attivitajiet relatati, li jkunu ġew approvati qabel ma jsiru. Bħalissa l-Malta Enterprise qiegħda tiddiskuti 8 kuntratti ta’
multipliers
oħra.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji.
Jista' l-Ministru jikkonferma li bus shelter li sar fiċ-Ċirkewwa tneħħa wara ftit taż-żmien? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid id-data meta sar dan il-bus shelter u d-data meta tneħħa? Jista' jgħid liema direttorat fi ħdan Transport Malta ħareġ il-permess biex il-bus shelter isir u liema direttorat fi ħdan Transport Malta eventwalment ordna li l-istess bus shelter jitneħħa? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li għaliha tneħħa dan il-bus shelter? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża biex sar dan il-bus shelter?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-port taċ-Ċirkewwa ma kienx hemm bus shelter li tneħħa wara ftit taż-żmien u li fil-fatt, qatt ma kien hemm bus shelter fiż-żona tal-port.
Infurmat ukoll li l-bus shelter l-aktar viċin fl-inħawi jinstab quddiem il-Paradise Bay Hotel liema bus shelter ippjanat li se jibqa' f'postu.
Persuni li ħadu promozzjoni jew inbidlilhom ix-xogħol fil-Ministeru
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fil-Ministeru, awtoritajiet, aġenziji, korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu li ħadu promozzjoni u/jew inbidlitilhom id-designation tax-xogħol tagħhom mis-sena 2008 sal-lum ? Jista' jindika s-salarju, il-pożizzjoni u l-benefiċċji li kellu/kellha qabel il-promozzjoni u wara l-promozzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — benefiċċju ta' karozza jew car/fuel allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fil-Ministeru, awtoritajiet, aġenziji, korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu li jgawdu mill-benefiċċju ta’ karozza jew car/fuel allowance ? Jista' jagħti l-mudell ta’ kull karozza, meta nxtrat, il-valur ta' kemm inxtrat u kemm intnefaq flus fuq fuel fuq kull karozza f'dawn l-aħħar disa' xhur? Jista', fil-każ tal-car allowance, jgħid kemm huwa l-ammont ta’ dan l-allowance ? Jista jgħid kemm kienet in-nefqa f’maintenance fuq kull karozza f'dawn l-aħħar sentejn u jagħti d-deskrizzjoni tax-xogħol ta’ maintenance li sar u f’liema data sar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.