policy tal-Air Malta dwar impjegati li jaħdmu part-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Air Malta dwar impjiegi part-time ta’ impjegati tagħha ma’ aġenziji oħra tal-gvern? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati illi għandhom permess mill-Air Malta biex ikollhom impjieg part-time ta’ dan it-tip u fil-futur se jibqgħu jingħataw permessi simili?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Joint Office — kwestjoni dwar differenza fil-ħlas tal-kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li qed ikun hemm każi fejn nies qed jintalbu jħallsu d-differenza tal-kera bejn l-ammont miftiehem qabel ma saru l-emendi tal-liġi għall-ammont obbligat bil-liġi l-ġdida, anki jekk il-Joint Office ikun diġà aċċetta bil-quddiem l-ammont dovut tal-kera kif kienet qabel saru l-emendi tal-liġi u anki ħareġ irċevuta fuq dan l-ammont? Jista' jgħid kemm huma l-każijiet ta’ din in-natura quddiem il-Joint Office? Jista' jgħid fuq liema bażi l-Joint Office wara li aċċetta l-ħlas bil-quddiem tal-kera, u saħansitra ħareġ irċevuta, issa qed jitlob għad-differenza għaliex fil-frattemp daħal tibdil fil-liġi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm każi fejn il-Joint Office jaċċetta ħlas bil-quddiem ta’ ċens jew kera, għal żmien massimu ta’ sentejn. Ir-raġuni hi li xi ċnus u kirjiet, tant ikunu ammonti żgħar illi biex in-nies ma joqogħdux jinqalgħu kull sena biex jiġu jħallsu, jekk u meta jitolbuna, noffrulhom il-possibiltà illi jħallsu sa massimu ta’ sentejn bil-quddiem. Dan japplika l-iktar f’każjiet ta’ anzjani u nies illi jkunu jgħixu barra minn Malta. Issa jekk kien hemm xi ħadd, illi ħa vantaġġ ta’ din il-konċessjoni u ħallas il-kera bil-quddiem qabel ma daħlu fis-seħħ iż-żidiet fil-kera, jew aktar minn hekk, qabel ma daħlu fis-seħħ l-emendi fil-liġi tal-kera, dan ma jfissirx li ż-żidiet jew l-emendi li kien hemm ma jaffetwawħx.
ATT Nru. X ta’ l-2009 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju, 2009, u ż-żidiet fil-kirijiet, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali saru b’effett mill-1 ta’ Jannar, 2010. F’kull każ illi kien hemm fejn sar xi forma ta’ ħlas bil-quddiem ta’ kera qabel l-1 ta’ Jannar 2010, il-kerrej ġie mitlub iħallas iż-żieda
pro rata
fl-ammont ta’ kera - biss għal dak il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 ’il quddiem - skont il-liġi kif emendata.
proġett ta' Smart City — Tecom Investment - pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 26401 u jgħid jekk Tecom Investment humiex qegħdin jonoraw fil-ħin il-pagamenti relatati mal-proġett ta' Smart City?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26725 u 25915 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin li l-uffiċċju tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2010? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax direct order jew le?
Unjoni Ewropea — direttivi u arranġamenti li se jiskadu
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barraini jgħid liema huma dawk id-direttivi u arranġamenti mal-Unjoni Ewropea li waslu biex jiskadu mill-2012 ‘l quddiem?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jaċċenna għall-dawk l-arranġamenti speċjali li qiegħda tibbennifika minnhom Malta bħalissa u meta jiskadu – l-iktar dawk li kienu parti tan-negozjati ghas-shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Is-segwenti hija lista ta’ arranġamenti li qiegħda tibbenifika Malta minnhom permezz tan-negozjati ghas-shubija li saru mill-gvern Malti u li huma ta’ natura permanenti:
- Malta kisbet arranġament legali ċar li jiggarantixxi l-pożizzjoni tagħha dwar l-abort bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. B’hekk ġie anness Protokoll dwar l-abort mat-Trattat ta 'Adeżjoni ta' Malta. It-test tal-Protokoll jassigura li xejn fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew fit-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej, jew fit-Trattati jew l-Atti li jemendaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni fit-territorju ta' Malta tal-leġislazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-abort;
- Id-dikjarazzjoni ta’ Malta fuq in-newtralità annessa mat-Trattat fuq l-Adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tikkonferma n-newtralità ta’ Malta liema newtralità ġiet rikonoxxuta mill-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Din kienet l-ewwel dikjarazzjoni dwar in-newtralità li ġiet annessa ma’ Trattat fuq l-Adeżjoni ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea;
- Malta kisbet arranġament ta’ natura permanenti fejn tista’ fuq bażi mhux diskriminatorja żżomm fis-seħħ ir-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji minn ċittadini ta' xi Stat Membru li ma jkunux ilhom residenti f'Malta skont il-liġi għal mill-anqas ħames snin, kif stabbilit fl-Att dwar l-Akkwist ta' Proprjetà Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kapitolu 246);
- Malta nnegozzjat rata ta’ 0% ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-provvista ta’ oġġetti ta’ l-ikel u farmaċewtiċi sal-1 ta’ Jannar 2010. B’riżultat tan-negozjati taghha fit-tfassil tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u l-emendi taghha dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, Malta tista’ tkompli teżenta l-provvista ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem u l-farmaċewtiċi minn din it-taxxa. Permezz ta’ dawn in-negozjati, Malta tista’ tkompli tibbenifika minn eżenzjonijiet fir-rigward ta’:
(a) provvista tal-ilma minn korp irregolat bid-dritt pubbliku (eżenti bla kreditu);
(b) provvista ta’ bini u art għall-bini (eżenti bla kreditu);
(c) trasport intern tal-passiġġieri, trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u t-trasport domestiku ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-gżejjer (eżenti bil-kreditu).
- Intrapriżi żgħar jibqgħu eliġibbli għal-skemi speċjali tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
- Malta kisbet arranġament ta' natura permanenti fejn għal skopijiet statistiċi Għawdex hija kklassifikat bħala reġjun separat fil-livell NUTS
(1)
3; filwaqt li l-gżejjer Maltin huma kklassifikati flimkien f'livell NUTS 1 u 2. Dan l-arranġament irid jinqara fil-kuntest tad-Dijjarazzjoni fuq Għawdex li l-għan primarju huwa li jiġi żgurat li l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex u l-kindizzjonijiet li joħorġu mil-insularita doppja tiegħu tibqa' prijorita fi ħdan id-dimensjoni ta numru ta 'policies' Komunitarji, primarjament (għalkemm mhux esklusivament) il-politika reġjonali u 'policies' tal-Komunita assoċjati magħha, bħall-politika tal-mompetizzjoni;
-
Żona ta’ 25 mil madwar Malta ghall- konservazzjoni tas-sajd;
- ‘Lampuka’ inkluża fil-lista ta’ ħut għall-organizzazzjoni tas-suq komuni;
- Malta tista’ tkompli tipproteġi ċertu ikel tradizzjonali;
- Malta tista’ tuża laboratorji fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea għat-testijiet ta’ residwi u sustanzi f’annimali ħajjin u prodotti minn annimali;
- Status ta’ żona protetta għal-Malta fir-rigward ta' ċerti organiżmi ta’ ħsara għas-saħħa tal-pjanti;
- Tadam użat għall-Kunserva eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea;
- Fir-rigward tal-pagament tal-intitolamenti li mhumiex marbuta man-numru ta’ ettari eliġibbli taħt l-Iskema ta’ Pagament Waħdieni (Single Payment Scheme), raħħala li jkunu ngħataw tali intitolamenti mhumiex marbuta li jżommu minimu ta’ 50% tal-attività li kellhom (unitajiet ta’ bhejjem) qabel it-tranżizzjoni għall-Iskema ta’ Pagament Waħdieni. Fil-każ ta’ trasferiment lil raħħal ieħor m’hemmx obbligu għal transferiment tal-intitolamenti kollha biex l-operatur il-ġdid ikun jista’ jibbenifika;
- Malta tibbenefika minn deroga għal perjodu indefinit fir-rigward id-Direttiva 2009/72/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku.
L-argumenti mressqa kienu li minħabba li Malta hija ‘sistema iżolata żgħira’ u minħabba d-daqs u struttura tas-suq tal-elettriku f’Malta, huwa impossibbli jew mhux prattiku biex jintlaħaq l-għan ta' suq kompettitiv fl-elettriku. Din id-deroga teżenta lil Malta mill-obbligi li jkollha
distribution system operator
(DSO) indipendenti u separat mit-
transmission system operator
(TSO), li tiftaħ is-suq għal provista tal-elettriku u milli tiftaħ aċċess lil terzi persuni għas-sistema. Din id-deroga mhijiex kundizzjonali.
Is-segwenti hija lista ta’ arranġamenti oħra li qiegħda tibbenifika minnhom Malta u meta jiskadu:
- Għajnuna finanzjarja, sal-31 ta’ Diċembru 2013, relatata mal-wiċċ ta’ l-art użat għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ imħawla qabel il-31 ta’ Diċembru 2001;
- Għajnuna fir-rigward ta’ setturi ta’ produzzjoni agrikola, sal-31 ta’ Diċembru 2013, fejn l-ammont ta’ produzzjoni huwa żgħir ħafna, il-Gruppi tal-Produtturi huma eleġibbli għal ammont minimu ta’ għajnuna, taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013, għal attivatjiet ta’ informazzjoni u promozzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt skemi ta’ ikel ta’ kwalità;
- It-territorju kollu ta’ Malta (massimu ta’ 10% tat-territorju fil-każ ta’ Stati Membri oħra) eliġibbli għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea, taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013, ta’ €2.2 miljun kull sena, sal-31 ta’ Diċembru 2013, bħala Żona Inqas Vantaġġjata. Din l-għajnuna titħallas abbażi ta’ rata għal kull ettaru;
- Is-settur tal-frott u ħaxix jibbenefika minn €28.39 miljun f’għajnuna finanzjarja sal-1 ta’ Mejju 2015. L-għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’ produzzjoni ta’ 19,400 tunellata frott frisk u 38,200 tunellata ħaxix frisk;
- Bdiewa li jkabbru l-patata jibbenefikaw minn €27.08 miljun f’għajnuna finanzjarja diretta sal-l ta’ Mejju tal-2015;
- Għajnuna finanzjarja ta’ €31.16 miljun, sal-l ta’ Mejju tal-2015, għall-bdiewa li jkabbru t-tadam għall-ipproċessar. Għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’ produzzjoni ta’ 27,000 tunnellata;
- Għajnuna finanzjarja ta’ €18.29 miljun, sal-l ta’ Mejju tal-2015, għall-ghassara tal-inbid u bdiewa. L-għajnuna tinkludi appoġġ għal taħwil ġdid u għajnuna addizzjonali għal kull ettaru. Għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’
area
ta’ elf ettaru dwieli;
- Kundizzjonijiet speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2011 għas-saħħa ta’ l-annimali fir-rigward tal- klieb, qtates u nemes li jidħlu Malta minn pajjizi Terzi u l-iStati Membri;
- Fir-rigward tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (tfassil mill-ġdid), l-impjanti ta' kombustjoni li, fis-6 ta’ Jannar 2011, ikunu parti minn ‘sistema iżolata żgħira’ jistgħu jiġu eżentati, sal-31 ta' Diċembru 2019, mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2) u r-rati tat-tneħħija tal-kubrit imsemmijin fl-Artikolu 31 tad-Direttiva. Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-valuri limitu tal-emissjonijiet imniżżlin fil-permessi ta' dawn l-impjanti ta' kombustjoni, skont b'mod partikolari r-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/80/KE u 2008/1/KE, għandhom tal-inqas jinżammu;
- Fir-rigward tad-Direttiva 2009/29/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-iStati Membri jistgħu jagħtu allokazzjoni gratis tranżitorja lill-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku bħala deroga mill-Artikolu 10(1) sa (5) ta’ din id-Direttiva. Il-kwoti gratis tranżitorji għandhom jitnaqqsu mill-kwantità tal-allokazzjonijiet tal-iStati Membri rispettivi. Fl-2013, l-allokazzjoni tranżitorja totali ta’ kwoti gratis m’għandhiex taqbeż is-70% tal-ammont medju globali tal-emissjonijiet verifikati fl-2005-2007 u għandhom jonqsu gradwalment wara dan, sabiex ma jkunx hemm kwoti gratis fl-2020. Din id-deroga tiskadi gradwalment sakemm fl-2020 ma jkunx hemm aktar kwoti gratis.
- Malta hija eżentata mill-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/58/KE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħha;
- Malta hija eżentata mill-obbligu li jitħejja Pjan ta' Ġestjoni tas-Sallura (Eel management plan).
- Ir-Regolament (KE) 994/10 dwar is-sigurta’ tal-provvista tal-gas ma japplikax għal Malta sakemm ma jkunx hemm provvista ta’ gas fuq it-territorju Malti
____________________
(1)
L-għan ta' NUTS huwa li jiġi stabbilit qafas komuni ta' klassifikazzjoni ta' statistika abbażi ta' unitajiet territorjali, biex jippermettu l-ġbir, kumpilazzjoni u tixrid ta' statistika reġjonali armoniżżata fil-Komunita.
Delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi — rwolijiet ta' persuna
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament kienx parti mid-delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi? Jekk iva, x'kien ir-rwol ta' din il-persuna? Jekk le, jista' jgħid jekk din il-persuna ħaditx sehem f'laqgħat li għaliha kienu preżenti uffiċjali Maltin, u x'kien ir-rwol tagħha?
Response (BORG, TONIO)
L-individwu msemmi ma kienx parti mid-delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi u lanqas ma attenda laqgħat uffiċjali.
Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa — Referendum dwar id-Divorzju
Question
In vista tar-rapporti fil-gazzetta Malta Today li dakinhar tar-referendum dwar id-divorzju kien hemm mill-anqas persuna waħda, identifikata bħala supervisor, li bdiet tistaqsi lill-anzjani residenti fid-Dar tal-Mellieħa dwar il-fehma tagħhom dwar id-divorzju qabel jittieħdu jivvotaw, u in vista tal-fatt li l-Kummissarju Elettorali ġie rapportat li ra abbużi u li intervjena, jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk ġewx identifikati l-persuna/persuni involuti;
b) x'passi ttieħdu fil-konfront tagħhom; u
ċ) jekk hux se ssir investigazzjoni dwar dawn ir-rapporti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, kif is-soltu jsir f’ tali ċirkustanzi, is-sitwazzjoni ġiet mgħoddija għall-konjizzjoni tal-Kummisarju tal-Pulizija mill-Kummissjoni Eletorali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26401 u jgħid jekk Tecom Investment humiex qegħdin jonoraw fil-ħin il-pagamenti relatati mal-proġett ta' Smart City?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
nies li jipprovdu tagħlim jew taħriġ barra mill-ħin tal-iskola
Question
Tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-iskop tal-eżerċizzju li qed isir li permezz tiegħu studenti li qegħdin fil-Forms 1, 2 u 3 fl-iskejjel statali, tal-knisja kif ukoll dawk privati, ngħataw formula biex timtela' minn min qiegħed jipprovdilhom tagħlim jew taħriġ barra mill-ħin tal-iskola? Tista' tispjega għaliex il-persuna responsabbli minn dan it-tagħlim qed tiġi mitluba tirreġistra mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ? Tista' tgħid jekk f’każ li jkun hemm tutors li jagħżlu li ma jirreġistrawx mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, hux se jkun hemm tfal li jitilfu xi punti meta jiġu għall-iSchool-Leaving Certificate?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-isem uffiċjali taċ-ċertifikat huwa Secondary School Certificate and Profile.
Parti essenzjali mir-riforma fl-Edukazzjoni hija l-għotja taċ-ċertifikat fl-aħħar tal-ħames sena tal-iskola sekondarja. Dan se jibda jingħata lil kull student li joħroġ mill-ħames sena tal-iskola sekondarja f’Ġunju 2013. Iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut mill-Kunsill Malti tal-Kwalfiki u jikkompara mal-ewwel livell fil-gradwatorja mibnija mill-imsemmi kunsill. Il-marki mogħtija lil dawn l-istudenti jiġu kkomputati fl-aħħar tal-ħames sena tal-iskola sekondarja u jingħataw ċertifikat li jista’ jkun PASS, MERIT jew DISTINCTION. Student li ma jilħaqx ammont speċifiku ta’ marki jingħata ĊERTIFIKAT. It-tagħlim li jsir barra mill-iskola (Tagħlim Informali) jġorr 20% tat-total tal-marki għaċ-ċertifikat fuq imsemmi.
Għall-fini ta’ serjetà u organizzazzjoni, kull soċjetà, organizzazzjoni, grupp, individwu, eċċ. irid ikun reġistrat mal-MQC li, wara li tistudja s-CV tiegħu/tagħha/tagħhom, taċċetta jew le li tirreġistra lill-applikant/i. Dan/Dawn jingħata/aw numru ta’ reġistrazzjoni li, flimkien mal-firma ta’ min hu nkarigat mill-attività, irid jidher fuq il-formula li l-istudent jieħu l-iskola.
Studenti li ma jkollhomx in-numru ta’ registrazzjoni għat-tagħlim informali li jagħmlu, ma jingħatawx il-punti allokati għat-tagħlim informali. Dan għar-raġuni spjegata hawn fuq. S’issa in-numru ta’ soċjetà, organizzazzjoni, grupp, individwu, eċċ. li rreġistraw qabeż is-600.
Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-persuni fuq il-bord li aġġudika t-tender għas-sit elettroniku tal-MCAST u x'kompetenzi fl-informatika għandha kull persuna f’dan il-bord ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kull membru fil-kumitat, maħtur mill-MCAST biex jevalwa s-sottomissjonijiet għall-websajt, għandu l-esperjenzi meħtieġa biex issir għażla informata u bl-aħjar prezz possibbli.
Minħabba l-karigi tagħhom fl-MCAST, kull membru tal-bord jaf x’inhuma l-prijoritajiet tal-Kulleġġ, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-preferenzi li għandhom l-istudenti u dawk li jagħmlu użu mill-websajt.
L-għan tal-Kulleġġ huwa li jkollu websajt attrajenti u li tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawk li jużawha għalhekk il-kumitat tal-evalwazzjoni tal-websajt tal-MCAST kien magħżula hekk:
1. L-MCAST Communications and PR Manager – għall-kwalifiki u l-esperjenza fil-komunikazzjoni
2. Ir-Registrar tal-MCAST – għar-rwol tiegħu f’din il-kariga biex jiġu milħuqa l-bżonnijiet akkademiċi tal-istudenti
3. L-ex-Direttur tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn fi ħdan l-MCAST (2001-2008) – għall-kwalifiki u l-esperjenza fl-aspett tad-disinn
Il-kriterji li fuqhom ittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għażla – jiġifieri l-
expected deliverables
kienu ċari u tanġibbli, u kienu ppublikati fit-
tender document
.
Tista' l-Ministru tgħid kif tista' l-MCAST taċċerta li l-istudenti li japplikaw online ma jkollhomx trattament differenti minn dawk li japplikaw on campus?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta tintuża s-sistema online din iżżomm rekord sħiħ ta’ kull applikazzjoni li ssir u l-applikanti jingħataw l-opportunità biex jipprintjaw l-applikazzjoni tagħhom kif sottomessa. L-applikazzjonijiet kollha, kemm dawk li jsiru online kif ukoll dawk li jsiru on campus jiġu mdaħħla f’sistema waħda u ttrattati bl-istess mod.
Taxxa fuq l-income — dħul minn kirijiet ta' fondi residenzjali u kummerċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali ta' taxxa fuq l-income li l-gvern irċieva matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, u 2010 fuq dħul dikjarat minn kirjiet, maqsum fi dħul minn kirjiet ta' fondi residenzjali u fondi kummerċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli li wieħed jgħid kemm kienet it-taxxa dovuta speċifikament fuq l-income mill-kirjiet minħabba li t-taxxa dovuta fuq income minn dan is-sors tkun imħallta mat-taxxa dovuta minn sorsi oħra ta’ income. Barra dan, id-dħul mill-kirjiet kif dikjarat fuq il-formola tat-taxxa ma jiddistingwix bejn kirjiet ta' fondi residenzjali u oħrajn kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Project Board dwar id-dħul tas-sistema tal-accrual accounting fis-Servizz Pubbliku, ix-xogħol ta’ liema bord kemm-il darba rrefera għalih meta wieġeb mistoqsijiet dwar meta se tidħol din is-sistema? Jista’ jagħti d-dati tal-laqgħat tal-bord minn meta ġie ffurmat s’issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25929 u 24759 li kienet oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u li ġiet riferuta lilu u jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta nbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena, mill-2004 'l hawn kemm intnefqu b’mod globali flus relatati ma’ spejjeż fuq għamara, pitturi, ornamenti, sufani, purtieri, linef, tapiti, fjuri u pjanti, xogħol ta’ tibjid, xogħol ta’ tikħil, xogħol ta’ tqegħid ta’ madum u rħam, xogħol relatat mal-provvista tad-dawl u tal-ilma u xogħol ta’ restawr fuq il-bini minn barra tal-Palazz tal-Girgenti? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż fuq kull item indikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi sabiex din l-informazzjoni tinġabar trid issir b’ mod manwali u għaldaqstant tirrikjedi ħafna xogħol. Madankollu jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’ infomazzjoni partikolari jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha u tingħatalu l-informazzjoni li hemm bżonn.
Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena, mill-2004 'l hawn kemm intnefqu b’mod globali flus relatati ma’ spejjeż fuq għamara, pitturi, ornamenti, sufani, purtieri, linef, tapiti, fjuri u pjanti, xogħol ta’ tibjid, xogħol ta’ tikħil, xogħol ta’ tqegħid ta’ madum u rħam, xogħol relatat mal-provvista tad-dawl u tal-ilma u xogħol ta’ restawr fuq il-bini minn barra ta’ Villa Francia? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż fuq kull item indikat ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi sabiex din l-informazzjoni tinġabar trid issir b’ mod manwali u għaldaqstant tirrikjedi ħafna xogħol. Madankollu jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’ infomazzjoni partikolari jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha u tingħatalu l-informazzjoni li hemm bżonn.
San Pawl il-Baħar — Klawsura tal-Kortin - estensjoni ta' art
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni preżenti tas-sidien ta` appartamenti u proprjetajiet oħra li huma mibnija fis-sit magħruf bħala 'Klawsura tal-Kortin', San Pawl il-Baħar fejn estensjoni ta` art ta` oltre ħamest elef metru kwadru ġiet reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet f'isem il-Gvern ta` Malta b'titolu liberu u frank fl-2008, b'riżultat li din l-art li fuqha huma mibnija bosta units residenzjali effettivament illum tappartjeni lill-Gvern? Jista' jgħid jekk ġewx infurmati s-sidien ta` dawn l-proprjetajiet dwar din is-sitwazzjoni u dwar l-effetti tagħha fuq il-proprjetà tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-gvern qiegħed fil-proċess finali illi jivvaluta l-options illi jista’ jieħu fl-ambitu ta’ l-Att Dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kapitolu 268 tal-Liġijiet ta’ Malta), sabiex isolvi sitwazzjoni fejn il-Klawsura tal-Qortin, f’San Pawl il-Baħar ġiet mgħoddija lill-Gvern ta’ Malta mill-Enti Ekklezjastika kkonċernata bħala libera u franka, iżda fil-fatt instabet illi, kif intqal sew fil-mistoqsija parlamentari, hija kollha mibnija.
Għat-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa is-sidien għadhom ma ġewx avviċinati individwalment peress li soluzjoni vijabli u li ma’ tippreġudikax il-pozizzjoni tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għada, sal-lum, ma ġietx formulata.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25915 u jagħti lista ta’ konsulenti jew kumpanniji ta’ konsulenti, lokali jew barranin, li l-uffiċċju tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2010? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f’kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għandhu bżonn jiġbor din l-informazzjoni mingħand id-Dipartiment u l-Entitajiet kollha li jaqgħu taħt dan id-dekasteru u għalhekk l-informazzjoni se tiġi ppreżentata hekk kif dan il-proċess jkun konkluż.