Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intuzaw fondi fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni separata tul din is-sena? Il-Gvern ikejjel l-effett ta’ dan ir-reklamar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l--Awtorita’ Maltija tat-Turizmu (MTA) tirreklama u tippromwovi l-Gzejjer Maltin fl-intier taghhom f’dak kollu li taghmel, pero’ attenzjoni specjali tinghata lill-gzira Ghawdxija u din qeghda tigi reklamata wkoll bhala destinazzjoni unika.
Il-promozzjoni u reklamar ta’ Ghawdex ssir f’diversi modi. Isir reklamar dirett mill-MTA permezz ta’ l-ufficini u rappresentanti taghha barra l-pajjiz kif ukoll reklamar dirett mill-ufficcju dedikat ghal Ghawdex fil-Head Office.
Minbarra dan ir-reklamar dirett li jsir sabiex jindirizza kemm il-konsumatur kif ukoll agenti ta’ ivjaggar barranin, jinghataw ukoll incentivi finanzjarji lill-operaturi turistici sabiex jirreklamaw u jbieghu btajjel fil-gzira Ghawdxija. Dawn l-incentivi li jinghataw lill-operaturi turistici jirrekjedu li dawn l-operaturi jinvestu l-istess ammont ta’ flus li tkun qeghda tpoggi l-MTA. Ghaldaqstant in-nefqa fil-promozzjoni u reklamar ta’ Ghawdex ikun izjed minn dak li tonfoq l-MTA.
Apparti r-reklamar u l-promozzjoni li ssemmiet hawn fuq, l-MTA torganizza wkoll zjarat ta’ gurnalisti, agenti ta’ ivjaggar kif ukoll krews tat-televizjoni specifikament ghal promozzjoni ta’ Ghawdex. Ir-ritorn f’valur ta’ exposure minn dawn l-attivitajiet huwa hafna izjed minn dak li jintefaq fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-mawriet.
Ghawdex jigi reklamat u promwovut ukoll fil-fieri kollha li tattendi l-MTA, madwar 70 fiera fis-sena, kif ukoll ikun hemm spazju specifiku ghal Ghawdex fil-fieri principali bhal ma huma WT M fl-Londra u ITB f’Berlin.
Ghaldaqstant sabiex nwiegeb l-mistoqsija ta’ L-Onorevoli Interpellant nista ninforma illi madwar €600,000 intefqu specifikament fil-promozzjoni u reklamar ta’ Ghawdex. Maghhom m’inhix ninkludi n-nefqa fil-fieri kif ukoll attivitajiet ohra li kienu jinkludi lil Ghawdex li pero’ ma kienux unici ghal-gzira Ghawdxija.
L-effett ta’ reklamar mhuwiex facli li wiehed ikejlu. Din minhabba li l-effett qed isehh fi zmien qasir
(short term)
kif ukoll f’medda ta’ zmien itwal. L-ufficcju dedikat ghal Ghawdex kif ukoll l-ufficini ta’ l-MTA barra l-pajjiz huma f’kuntatt kontinwu ma’ l-operaturi turistici sabiex jinvestigaw r-rizultati miksuba. Fl-istess hin l-MTA ghandha s-surveys taghha li fost affarijiet ohra jipprovdu
feedback
fuq l-attivita’ ta’
marketing
li ssir fil-pajjizi barranin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm child care centres f’Għawdex? F’kemm minnhom għandu sehem dirett il-Gvern u x’inhu l-prezz medju għall-użu tas-servizzi f’dawn iċ-ċentri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi hemm child care centre illi responsabbli minnu hija l-Knisja f'Għawdex u għaddejja ħidma biex jinfetħu oħrajn mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Malta Enterprise.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Creativity Trust imħabbar mill-Gvern fil-budget li għadda?
Kemm kien hemm kontribuzzjonijiet mis-settur pubbliku u dak privat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ħidma fuq it-tfassil tal-Creativity Trust Fund ġiet finalizzata. It-tħabbir ta’ kif se jaħdem dan il-Fond fil-kuntest iwsa’ tal-inizjattivi l-oħra kollha mħabbra u mmexxija mill-Gvern favur is-settur kulturali u kreattiv se jkun qed jiġi integrat mal-istrateġija għall-ekonomija kreattiva li qed tiġi ffinalizzata bħalissa mill-Grupp ta’ Ħidma għall-Ekonomija Kreattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu ċ-charging points għall-vetturi elettriċi f’Malta u f’Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li illum għad m’għandniex charging points pubblici għall-vetturi elettrici. Kien għalhekk, kif diġa ħabbart, fil-gimgħat li gejjin, qed jingħata bidu għal proġett taħt il-programm ta’ fondi Ewropej LIFE+ li permezz tiegħu ser jiġu nstallati madwar 100 charging point pubbliku madwar Malta u Ghawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid xahar b’xahar għal matul din is-sena;
a) kemm saru operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei;
b) x’tip t’operazzjonijiet saru matul il-perjodu msemmi;
ċ) kemm minn dawn l-operazzjonijiet saru (i) bejn is-sitta ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar; (ii) bejn is-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u l-għaxra ta’ bil-lejl; u (iii) bejn l-għaxra ta’ bil-lejl u s-sitta ta’ filgħodu; u
d) kemm-il operazzjoni saret fi sptarijiet privati li għalihom se jħallas il-Gvern u x’tip t’operazzjonijiet kienu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont fiex wasal ix-xogħol fuq il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara li twaqqaf il-Grupp ta’ Ħidma biex ifassal il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, saret ħidma intensiva u l-Politika tressqet quddiem il-Kabinett, qabel ma joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu mill-€400,000 vvutati biex tfal u żgħażagħ li ma jistgħux jibennefikaw minn servizzi residenzjali jew fostering eżistenti jkunu jistgħu jingħataw alternattiva ġdida f’ambjent ta’ familja? Tista’ tgħid x’tip ta’ servizzi alternattivi ngħataw dawn it-tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-servizz li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant huwa l-Out of Home Care Programme. L-ippjanar preliminarju għal dan is-servizz ilu jsir permezz ta’ diskussjonijiet ma’ l-Aġenzija Appoġġ mill-ewwel kwart tas-sena. F’Mejju beda l-proċess biex jinħatar jew tinħatar manager għal dan is-servizz, li bdiet taħdem f’Lulju. Flimkien magħha ġew magħżula tlett ħaddiema soċjali u għandu jkun hemm avukat li l-għażla tiegħu/tagħha għadha fil-proċess.
Dan il-programm li se jinkludi tlett tipi ta’ servizzi. Dawn huma:
1. Specialised home-based care li jixbah il-fostering imma hu mmirat lejn dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn jinħarġu minn mal-familja naturali tagħhom imma jippreżentaw sfidi partikolari, jew fl-imġieba, jew f’xi kundizzjoni fiżika jew mentali, jew fi stil ta’ ħajja, jew f’ċirkostanzi tal-ħajja. Dawn it-tfal u żgħażagħ huma dawk li, s’issa, ma kienx hemm placement addatat għalihom u, allura, kellhom jitħallew mal-familja naturali tagħhom jew inkella jitpoġġew f’placement li mhux qed jilħaq il-bżonnijiet tagħhom, jew oħrajn li nstabitilhom familja alternattiva imma li għandhom bżonn jingħataw taħriġ, support u servizzi aktar intensivi u speċjalizzati. Se jsir kull sforz biex jinstabu familji li, b’għajnuna xierqa, kemm finanzjarja u kemm ta’ servizzi, ikunu lesti jilqgħu lil dawn it-tfal jew żgħażagħ fi ħdan il-familji tagħhom.
2. Freeing children for adoption huwa servizz li se jaħdem biex jagħti l-opportunita’ ta’ adozzjoni lil dawk it-tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familja naturali tagħhom u li m’hemmx cans li jingħaqdu magħha fil-futur, fejn il-ġenituri ma jkunux qed jagħtu l-kunsens tagħhom għall-adozzjoni.
3. Co-management of residential facilities huwa servizz fejn l-Aġenzija Appoġġ se tidħol bi sħab ma’ organizazzjonijiet li qed jipprovdu servizzi residenzjali għat-tfal u żgħażagħ imma li qed isibu diffikultajiet biex jagħtu servizz lil dawk kollha li għandhom bżonn is-servizzi tagħhom. Permezz ta’ dan l-arranġament huwa ttamat li dawn il-faċilitajiet ikunu f’pożizzjoni aħjar biex iwessgħu s-servizzi tagħhom biex jilħqu l-bżonnijiet ta’ dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonnhom.
Dawn it-tlett servizzi għandhom l-għan li, fejn huwa possibli u fl-aħjar interess tat-tfal u żgħażagħ, dawn it-tfal u żgħażagħ jingħataw l-opportunita’ li jgħixu f’familja. Fejn dan mhux possibli, jew mhux fl-interess tagħhom, ikun hemm faċilitajiet addatati li jilqgħu l-bżonnijiet tagħhom għalihom.
Ix-xogħol fuq dawn is-servizzi huwa fl-istadju preliminarju ta’ twettiq fejn qed jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formuli li se jintużaw għal dan is-servizz u qed isiru wkoll diskussjonijiet ma’ organizazzjonijiet u persuni varji li huma involuti fis-settur. Wasal fi stadju fejn imiss il-pass li tinġabar informazzjoni dwar it-tfal u żgħażagħ li huma eleġibbli għas-servizzi varji, kif ukoll dwar dawk il-persuni li lesti joffru dawn is-servizzi. Wara dan ikun irid isir it-taħriġ ta’ dawn il-persuni, biex imbagħad isir assessment biex jiġi stabbilit jekk humiex idonji biex jipprovdu s-servizz.
L-ammont li ntefaq mill-Vot biex tfal u żgħażagħ li ma jistgħux jibbenefikaw minn servizzi residenzjali jew fostering eżistenti jkunu jistgħu jingħataw alternattiva ġdida f’ambjent ta’ familja kien ta’ €11,008.58. Dawn ma jinkludux l-ispejjez li huma ppjanati u li se jintefqu sal-aħħar tas-sena.
Intefaq ukoll l-ammont ta’ €122,251.15 minn Vot 20 li jaqa’ taħt id-Direttur Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-miżura mħabbra fil-Budget 2011 għal familja b’aktar minn persuna waħda li tuża s-siġġu tar-roti tgawdi minn eżenzjonijiet kurrenti daħlitx fis-seħħ? Kemm persuni gawdew minn din il-miżura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din il-miżura daħlet fis-seħħ u sa Lulju 2011 ibbenefikat familja waħda.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni gawdew mill-eżenzjonijiet kurrenti għal familja b’persuna waħda li tuża siġġu tar-roti anke fuq it-tieni wheelchair accessible vehicle?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm persuna waħda li bbenefikat mill-eżenzjoni fuq it-tieni wheelchair accessible vehicle.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk daħlitx fis-seħħ il-miżura li jispiċċa l-ħlas tal-liċenzja fuq wheel chair accessible vehicles anke wara l-ħames sena ta’ reġistrazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-miżura li jispiċċa l-ħlas tal-liċenzja fuq wheel chair accessible vehicles anke wara l-ħames snin ta’ reġistrazzjoni daħħlet fis-seħħ u hemm applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm twaqqfu skemi tal-Awtorità tad-Djar? Kemm minnhom inbidlu u kemm iddaħħlu skemi ġodda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’dawn l-aħħar tnax-il xahar, l-Awtorità tad-Djar ma waqqfet l-ebda skema u ma nbidlu l-ebda skemi. Fil-bidu ta’ Awwissu 2011, ġiet varata skema ta’ xiri lill-kerreja ta’ postijiet tal-gvern ġewwa l-Kottonera.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bunker il-ġdid tal-Isptar Boffa? Jista' jgħid kemm sewa s'issa x-xogħol fuq dan il-bunker?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kumpless tal-bunker il-ġdid, li jinkludi mhux biss il-bunker imma wkoll numru ta’ faċilitajiet oħra ġodda għal-pazjenti li jużaw is-servizz ta’ radjuterapija ġewwa l-Isptar Boffa, huwa lest. Dawn il-faċilitajiet diġa bdew jitħaddmu u kif diġa ġie rrapportat fil-media, pazjenti li jeħtieġu trattament ta’ radjoterapija diġa’ qedin jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet ġodda; u minn linear accelerator ġdid. Il-kumpless tal-bunker ġdid ġie jiswa €1.17 miljun.
Nieħu din l-opportunita’ sabiex infakkar lill-Onor. Interpellant li l-
linear accelerator
flimkien mal-apparat kollu li ġie stallat ġewwa l-kumpless tal-
bunker
il-ġdid - inkluz apparat ta’ inġinerija; u tagħmir elettriku u elettroniku - ser eventwalment jittieħed kollhu ġewwa ċ-ċentru ġdid tal-onkoloġija tal-Isptar Mater Dei meta dan tal-aħħar jitlesta.