Legislature:
Category:
Reset
Active:

investigazzjonijiet dwar abbużi fl-ingaġġ ta' infermiera Pakistani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru wara r-rapporti rigward abbużi fl-ingaġġ ta' infermiera Pakistani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-investigazzjonijiet pertinenti qed isiru mid-Dipartiment tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-korp tal-pulizija u li bħal dejjem, il-Ministru jgħaddi l-informazzjoni kollha mwassla lilu lill-Pulizija sabiex jiġi mgħejjun dan l-istharriġ.
Leg 11 PQ #28333 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kumitati amministrattivi — realtajiet u tradizzjonijiet tal-lokalitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jikkunsidra li jbiddel il-konfini tal-Kumitati Amministrattivi biex jirriflettu aħjar ir-realtajiet u tradizzjonijiet tal-lokalitajiet? Jekk iva, sa meta se jkun lest dan l-eżerċizzju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li kull Kumitat Amministrattivi ntalab jissottmetti rapport bit-tibidl propost. Ingħataw żmien sal-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2010. Kienu sitta (6) il-Kumitati Amministrattivi li ssottomettew talba f’dan ir-rigward. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati. Ir-rapport dwarhom qiegħed ikun finalizzat.
Leg 11 PQ #28334 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jikkunsidra jagħmel l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi relevanti flimkien mal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f'Marzu li ġej? Jaħseb il-Prim Ministru li din tkun sistema aħjar minflok li sa sitt xhur wara dawn l-istess elezzjonijiet, l-istess eletturi jiġu mitluba biex jerġgħu jivvutaw fuq materja pjuttost simili? Jaħseb li dan iwassal għal iffrankar ta' spejjeż u parteċipazzjoni akbar, filwaqt li ma jħallix vojt fil-Kumitat Amministrattiv għal għadd ta' xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-terminu tal-Kumitati Amministrattivi huwa ta’ erba’ (4) snin. L-elezzjonijiet ta’ tali Kumitati Amministrattivi huma regolati skont Artiklu 4 tal-Avviż Legali 54 tal-2010, kif emendat bl-Avviżi Legali 82 u 227 tal-2010 (Leġislazzjoni Sussidjarja 363.149). Kif jaf ben sewwa l-Onor. Interpellant il-Kumitati Amministrattivi għadhom fl-infanzja tagħhom. Fil-fatt l-elezzjonijiet tagħhom seħħew ftit aktar minn sena ilu. Sodisfatt ħafna bihom u naħseb li nkun qed nesprimi l-opinjoni ta’ bosta jekk ngħid li kienu esperiment li rnexxa sewwa. F’dan id-dawl, issa li l-Kumitati Amministrattivi sabu saqajhom u qed jaħdmu għal-ġid tar-residenti tal-inħawi li jieħdu ħsieb, il-Gvern jista’ jikkunsidra s-suġġerimenti tal-Onor. Interpellant.

Awtorità tad-Djar — units li minn għall-bejgħ issa qegħdin għall-kiri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm units tal-Awtorità tad-Djar mill-2008 s'issa li minn għal bejgħ inbidlet l-iskema tagħhom u ngħataw b'kiri? Liema kienu l-lokalitajiet? Kemm hemm units li huma ppjanati li tinbidlilhom l-iskema minn għal bejgħ u jsiru għal kiri? Kemm hemm units tal-Awtorità tad-Djar li se jkunu għall-bejgħ sal-2013? Liema lokalitajiet? Kemm hemm units tal-Awtorità tad-Djar ippjanati li jkunu għal kiri sal-2013? Liema lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar mill-2008 sal-lum allokat 12-il appartament bil-kera li oriġinarjament kienu intiżi li jinbiegħu fil-lokalitajiet tal-Qawra, Żurrieq, Mrieħel, Kirkop, Pembroke, B’Kara, Marsaxlokk. Huwa ppjanat li 25 fond li kienu se jinbiegħu jiġu issa mikrija lill-persuni fuq il- waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali. L-Awtorita’ tad-Djar bħalissa għandha 97 fond li eventwalment joħorġu għall-bejgħ fix-xhur li ġejjin. Dawn jinsab fil-lokalità ta’ Buġibba, Kirkop, Mellieħa, Mtarfa, Raħal il-Ġdid, Pembroke, Qawra, Tarxien, Żejtun u Żurrieq. L-Awtorita’ tad-Djar qegħda tippjana li fil-futur jkollha 73 appartament ġodda li ser jiġu mogħtija bil-kera fil-lokalitajiet ta’ Mġarr, Valletta, Floriana u San Gwann. Oltre dan se jkunu hemm numru ieħor ta’ appartamenti li matul iż-żmien jiġu ritornati lill-Awtorità tad-Djar u dawn jerġgħu jinkrew mill-ġdid.
Leg 11 PQ #28336 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta — budget għal reklamar u promozzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'budget kellha l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għal reklamar u promozzjoni f'kull mezz ta' media f'pajjiżna? Jista' jelenka xahar b'xahar mill-bidu ta' din is-sena kif intefqu l-flus fir-reklamar u l-promozzjoni f'kull mezz ta' media f'pajjiżna? Jista' jagħti d-dettalji dwar kif jintagħżlu l-mezzi tax-xandir li fuqhom isir ir-reklamar u l-promozzjoni mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Gvernatur tal-Bank Ċentrali — Pakkett finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u tal-perkaċċi li se jingħataw lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu salarju ta’ €85,000, użu ta’ karozza uffiċjali, servizz ta’ smart phone u polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

Residenza San Vincenz de Paule — Servizz ta' ATM

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux konxju tal-problema li qed isibu anzjani residenti fir-Residenza San Vincenz De Paule kaġun tal-fatt li fl-inħawi ta’ dan l-isptar m'hemmx servizzi bankarji ? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti rendikont tal-miżuri li ħa l-gvern biex din il-problema tkun indirizzata ? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru negozjati ma’ xi bank lokali biex tkun istallata ATM fl-inħawi tal-isptar ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li għalkemm fil-viċinanzi tar-Residenza San Vinċenz de Paule ma hemmx banek kummerċjali u l-eqreb banek qegħdin f’Ħal-Qormi u Ħal-Luqa, ir-residenti li juru x-xewqa jew jindikaw il-bżonn tas-servizz minn xi banek jitwasslu sal-banek bit-trasport tar-Residenza. Hemm ukoll faċilità fejn l-amministrazzjoni issarraf ċekkijiet tar-residenti li jkollhom bżonn dan is-servizz. Għal dawn l-aħħar snin, kemm l-amministrazzjoni kif ukoll l-għaqdiet mhux governattivi fir-Residenza San Vincenz fosthom l-GHASI u l-Friends of St. Vincent għamlu diversi kuntatti mal-banek lokali, iżda r-risposta kienet dejjem fin-negattiv minħabba li ATM machines fir-residenza m’ humiex meqjusa kummerċjalment vijabbli.

bidu tas-servizz tal-Arriva — inawgurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġiet tiswa l-attività li saret biex tikkommemora l-inawgurazzjoni tal-bidu tas-servizz tal-Arriva fit-2 ta’ Lulju, 2011? Jista' jagħti breakdown tal-ispejjeż kollha u min kienu s-suppliers?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

inawgurazzjoni tal-bidu tas-servizz tal-Arriva — ikla

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm ikla wara r-reception li saret fl-attività biex tikkomemora l-inawgurazzjoni tal-bidu tas-servizz tal-Arriva fit-2 ta’ Lulju, 2011? Jekk fl-affermattiv, fejn saret, kemm kienu l-mistiedna, min kien responsabbli għall-għażla tal-mistednin u kemm kienet l-ispiża fuq din l-ikla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li la l-Ministeru u l-anqas Transport Malta m'organizzaw attività li tixbaħ dak li qed jiddeskrivi l-Onor. Interpellant.

cheque tas-sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx fadal ċittadini li għadhom ma rċevewx iċ-cheque tas-sussidju li l-gvern kien tas-sena l-oħra lill-familji kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċekkijiet kollha ġew maħruġa u mibgħuta skont l-informazzjoni mogħtija lilna, mill-konsumaturi stess. Madankollu, meta ARMS Ltd. tirċievi ilment minn konsumatur, wara li dan ikun validat, jinħareġ ċekk lill-klijent rispettiv.
Leg 11 PQ #235 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjazza ta’ Bugibba — twaħħil tal-funtana

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li matul dan is-sajf reġgħet twaħħlet il-funtana fil-pjazza ta’ Buġibba? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kienet l-ispiża biex saret?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika għal-liema funtana qed jirreferi.

Kors ta’ Food Preperation and Culinary Arts — ħlasijiet

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li dawk li matul l-aħħar xhur għamlu kors ta’ Food Preperation and Culinary Arts (Level 1) part-time fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li kien sussidjat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, ġew informati li għat-tieni sena ta' dan il-kors se jkun hemm ħlas xi jsir ? Jekk fl-affermattiv, għaliex intalab dan il-ħlas u kemm huwa dan l-istess ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Food Preparation and Production Level 1 part-time mhuwiex kors ta’ sentejn iżda modulu ta’ sena. F’Ottubru li għadda l-istudenti bbenefikaw minn fondi Ewropej għal dan il-modulu kif ukoll għal moduli oħra. Il-modulu spiċċa f’Ġunju 2011. Għal dawk li jixtiequ japplikaw għal moduli ġodda fl-2011, hemm ħlas ta:- Food Preparation and Culinary Arts – Level 2 · Kitchen and Larder Intermediate – Theory and Practice - €400 · Pastry and Baking – Theory and Practice - €350 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qegħda fil-proċess ta’ tender biex tingaġġa training provider biex joffri programme ta’ taħriġ fil-qasam tal-ospitalità li jinkludi Food Preparation and Culinary Arts li se jkunu provduti b’xejn.

Xogħol mill-Uffiċjali ta' Transport Malta fil-vened u l-interchanges

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk uffiċjali ta’ Transport Malta għamlux xogħol fl-aħħar ġimgħat wara l-bidu tas-servizz tal-Arriva, fil-vened u l-interchanges? Jekk fil-pożittiv, kemm kienu dawn l-uffiċjali, x'kien ix-xogħol li għamlu, kemm-il siegħa għamlu f’xogħol u kemm kien l-ammont li tħallas f'overtime b’rabta ma' dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li uffiċċjali tà Transport Malta għamlu xogħol fl-aħħar ġimgħat fil-vened u l-interchanges biex jassistu u jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar ir-rotot il-ġodda tat-trasport. Kien hemm 53 impjegat li pparteċipaw u inħadmu 1,437 siegħa. L-ammont tà overtime li tħallas kien ta' €7776.

scholarship tal-iSTEPS u tal-MGSS — degree

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li min japplika għal scholarship tal-iSTEPS u tal-MGSS irid ikollu degree bl-unuri? Jekk fl-affermattiv, tifhem il-Ministru li dan qed jagħmilha diffiċli għall-istudenti Maltin li jkunu jixtiequ jmorru jistudjaw barra minn pajjiżna u li saħansitra jkunu ġew aċċettati minn Universitajiet barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-każ ta’ STEPS u fil-każ ta’ MGSS, mhux bil-fors applikant irid ikollu degree bl-unuri biex tapplika. Persuna li għandha degree ġenerali flimkien ma’ Diploma Post Graduate tista’ tapplika. Fil-każ tal-MGSS, persuna li għandha degree ġenerali f’xi qasam fejn id- degree bl-unuri mhix offruta u din il-persuna tkun ġabet l-Ewwel Klassi, din il-persuna tista’ tapplika wkoll.

impjegati tal-Air Malta — spetturi tal-avjazzjoni ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk impjegati tal-Air Malta humiex ingaġġati bħala spetturi tal-avjazzjoni ċivili ma’ Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u kemm huwa d-dħul ta’ dawn l-impjegati?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li m’hemmx impjegati tal-Airmalta li huma ingaġġati bħala spetturi tal-avjazzjoni ċivili ma' Transport Malta.
Leg 11 PQ #242 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kuntratti li kull kunsill lokali għandu bħalissa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ kuntratti li kull kunsill lokali għandu bħalissa (bħal tindif eċċ)? Min huma l-kuntratturi involuti u x'inhuma r-rati li bihom jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

djun long-term u short-term

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma d-djun long-term u short-term f’kull entità li fiha l-gvern għandu sehem? Jista' jgħid ukoll kemm huwa l-valur tal-garanziji li qiegħed jagħti l-gvern biex jiggarantixxi ma’ banek lokali u barranin, djun ta’ kumpaniji li fihom għandu sehem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta Techno Park — fabbriki - metru kwadri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru għall-fabbriki ġie żviluppat fil-Mosta Techno Park fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żona industrijali tal-Mosta tokkupa spazju totali ta’ 60,300km kwadru. Il-Mosta Techno Park, li jinsab fi ħdan din iż-żona industrijali, ġie żviluppat u komplut bejn l-1992 u l-1993 u jokkupa spazju ta’ madwar 40,000km kwadru.

Mosta Techno Park — fabbriki ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' fabbriki ġodda żviluppati fil-Mosta Techno Park fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant illi l-Mosta TechnoPark fih 25 fabbrika. Kif diġà kien mistqarr fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 257, il-proġett kien ġie komplut fl-1993 fejn sar żvilupp ta' 30,000 metru kwadrat.

Ta' Qali — Crafts Village - proġett għall-iżvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għall-iżvilupp ta' Crafts Village f'Ta' Qali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddejjin negozjati mal-operaturi ta' Ta’ Qali sabiex jiġu formalizzati l-kuntratti individwali li fuqhom kull inkwilin ser ikun responsabbli sabiex jiżviluppa l-operat tiegħu. Għaddejjin diskussjonijiet ukoll ma’ operaturi oħrajn li strettament ma jagħmlux xogħol artiġjanali sabiex jiġu rilokati ġo oqsma industrijali oħra. Filwaqt li xi diskussjonijiet ġew konklużi, hemm numru ieħor ta' konvenji li għadhom qed jiġu diskussi. Naturalment peress li n-negozjati jsiru wieħed wieħed, il-proċess jieħu ż-żmien u fl-istadju attwali, l-operaturi jridu jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-iżvilupp tas-sit u tan-negozju.