Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi mixtrija l-Korporazzjoni Enemalta u min jagħmel użu minnhom? Jista' jgħid kemm għandha karozzi mikrija l-Korporazzjoni Enemalta u min jagħmel użu minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
In vista tal-fatt li l-Gas Division tal-Korporazzjoni Enemalta ġie privatizzat, jista' l-Ministru jispjega għaliex ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta qed jiġu assenjati għax-xogħol li għandu x'jaqsam ma' dan il-qasam? Jista' jgħid kemm huma l-persuni involuti f'dan ix-xogħol u kemm laħqet l-ispiża tagħhom kemm ilu li dan il-qasam ingħata lill-kumpanija privata? Jista' jgħid min qed iħallas dawn l-ispejjeż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Billi skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bejn Marzu u April 2011, f'xahar wieħed biss, il-gvern impjega miegħu aktar minn 600 ħaddiem, jista’ l-Prim Ministru jagħti lista dettaljata tax-xogħlijiet li kienu impjegati fihom dawn il-persuni? Jista’ tagħti l-pakkett ta’ renumerazzjoni għal kull każ? Jista’ jispeċifika f’kull każ in-nazzjonalità tal-persuni konċernati mingħajr ma jagħti l-identità tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi din iż-żieda fl-impjieg mal-gvern bejn Marzu u April 2011 hija dovuta għall-ħatra ta’ social assistants li ġew appuntati mas-Servizz Pubbliku f’Novembru, 2010 u ngħataw l-itta tal-ħatra tagħhom matul il-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant. Qabel l-għoti tal-ħatra l-ġdida, dawn kienu jservu bħala part-time social assistants.
Is-salarju ta’
social assistant
għas-sena 2011 huwa €9,900 fis-sena.
Dawn l-impjegati huma kollha ta’ nazzjonalità Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni preżenti tal-konċessjoni tal-Malta Freeport u jekk għadhiex f'idejn is-CGM-CMA?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi xejn ma' nbidel fil-koncessjoni tal-Malta Freeport Terminals Ltd minn Frar 2008 meta giet imtawla l-kirja ghal 65 sena. It-tmexxija għadha f'idejn Malta Freeport Terminals Limited li kkontrollata mis-CMA-CGM.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W334, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użax is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru u d-Direttorati li jaqgħu taħtu ma użawx is-servizzi tal-persuna/kumpanija msemmija.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — lista' ta' konsulenzi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W340, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Jekk iva, meta, għal liema raġuni u xi ħlasijiet saru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ngħata servizz lill-persuna/kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru u d-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta jew il-gvern xtarax jew hux se jixtri taxi meters ġodda? Kemm kienet/se tkun l-ispiża u kif se tiġi rkuprata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li la Transport Malta u lanqas il-gvern m’huma se jixtru taximeters ġodda.
Kurrikulu Minimu Nazzjonali — suġġett tal-ġeografija
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li hemm il-ħsieb li s-suġġett tal-ġeografija jitneħħa mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali 2011, li għadu fi proċess ta’ konsultazzjoni, l-istudenti kollha tas-Sekondarja, mill-ewwel sal-ħames sena, se jkomplu jistudjaw aspetti tal-Ġeografija taħt il-qasam tat-tagħlim għall-Edukazzjoni Ċivika. Aspetti oħra tal-Ġeografija se jiġu mgħallma wkoll fl-Istudji Ambjentali kif ukoll fl-Istudji Ewropej li huma suġġetti option ukoll.
Minbarra hekk dawk l-istudenti li jixtiequ jistudjaw il-ġeografija f’aktar dettal jistgħu jagħmlu dan billi jagħżlu dan is-suġġett bħala
option
mit-tielet sena’l quddiem fis-sekondarja.
B’referenza għat-tradizzjoni ta’ pajjiżna tal-insib u għall-ittra tal-Kummissjoni tas-sena l-oħra fejn kienet talbet xi informazzjoni rigward dan l-insib u kienet tat xahrejn ċans lill-Gvern biex jirrispondiha, u fis-16 ta’ Ġunju ta’ din is-sena l-Kummissjoni bagħtet ittra oħra lill-Gvern, l’hekk imsejħa ‘Letter of Formal Notice’, f’liema ittra, apparti li qalet li l-Gvern baqa’ ma rrisponda xejn għall-ittra tas-sena l-oħra, reġgħet talbet mingħand il-Gvern, fejn għal darb’oħra tatu xahrejn biex jirrispondi, aktar informazzjoni rigward id-deroga li l-istess Gvern qiegħed inutilment japplika, fl-opinjoni tiegħi, biex jippermetti dan l-insib, jista’ l-Prim Ministru jgħid min kien/u l-persuna/i risponsabbli li risponda/ew l-ittra tal-Kummissjoni tas-sena l-oħra? Ittieħdu passi dixxiplinari kontra din/dawn l-persuna/i peress li baqgħu ma rrispondewx? Jekk iva, x’kienu l-miżuri dixxiplinari? U jekk le, beħsiebu l-Prim Ministru jieħu passi dixxiplinari u jesponi l-persuna/i li naqsu, b’xi skop ulterjuri jew le, li jagħmlu xogħolhom għad-detriment ta’ eluf ta’ familji Maltin? Kif ukoll, intbagħtet risposta, u fil-ħin, għall-aħħar ittra tal-Kummissjoni?
Fl-aħħar nett, beħsiebu l-Prim Ministru immedjatament u peress li ż-żmien daħal ġmielu u n-nassaba jenħtieġ ikunu jafu x’se jiġri, jiftaħ l-istaġun din il-ħarifa, jew se nergħu niġu fil-punt fejn il-gvern jirredikola s-socjo kultura nazzjonali tal-insib mill-gżejjer Maltin peress li ninsab infurmat li, għal kuntrarju li jagħmel kull sena, din is-sena l-Prim Ministru għadu ma ddikjarax staġun miftuħ tal-insib għall-speċi ta’ għasafar li huma ukoll kaċċabbli, voldieri kaċċatur liċenzjat jista’ jispara għalihom u joqtolhom legalment f’din il-ħarifa, u l-Kumitat Ornis kien irrakkomandalu jiftaħ dan l-istaġun tal-insib fil-15 ta’ Ġunju li għadda, però f’lejliet li kellu jiftaħ l-istaġun bħal ma dejjem fetaħ, il-Gvern ġab skuża u qal li waqfitu l-Kummissjoni Ewropea, u allura eluf ta’ nassaba li ħalsu l-liċenżja tal-insib sa minn Frar ta’ din is-sena, qegħdin jitħallew fuq ix-xwiek jistgħux jerġgħu jonsbu?
Minħabba l-urġenza tal-materja, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b’mod immedjat peress li hawn eluf ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin li qed isofru intortament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel paragrafu ta' din il-Mistoqsija Parlamentari jikxef il-fatt li l-Opposizzjoni għada ma hijiex qegħda tifhem kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Nixtieq inserraħ moħħ l-Onor Interpellant li r-risposta taż-żewg ittri ġiet mibgħuta fiż-żmien opportun fl-għarfien sħiħ tal-bżonn li, l-ewwelnett pajjiżna josserva il-liġi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-Direttiva dwar l-Għasafar, it-tieni li nħarsu sakemm possibli it-tradizzjonijiet ġenwini tal-kaċċa u l-insib, u t-tielet li jinżamm bilanċ bejn l-interessi ta' kull persuna f'pajjiżna li tista' tintlaqat bil-possibilta' ta' deroga għall-insib fil-ħarifa.
Inheġġeġ l-Onor Interpellant jagħraf li, bil-maqlub tal-kaċċa, id-Direttiva dwar l-Ghasafar hija bażata fuq il-prinċipju li l-insib huwa projbit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea; tidher kemm tidher illoġika, u ma tidhirx illoġika għan- nassaba biss, din hija l-liġi tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li kull forma ta' nsib huwa possibli biss permezz ta' deroga taħt Artiklyu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Għall-kuntrarju ta' dak li qal l-Onor Interpellant, il-Kummissjoni qatt ma qalet illi d-deroga hija ‘inutli’. Anzi, il-Kummissjoni dejjem insistiet fuq il-bżonn ta’ deroga taħt id-Direttiva. Il-korrispondenza tal-Kummissjoni li l-Onor Interpellant qed jjirreferi hija konferma li l-Kummissjoni Ewropea hija kontra l-posizzjoni tiegħu.
Kull min jaf sewwa l-affarijiet, jaf li jeħtieg li d-derogi jkunu ġustifikati. Ir-raġuni li għad m'hemmx deċizjoni din is-sena dwar l-insib f'din is-sena hija li l-ORNIS, li jinkludi l-FKNK, sal ħin li qe tinkiteb din it-tweġiba ghadu ma ressaqx ġustifikazzjonijiet adegwati skont id-Direttiva dwar l-Għasafar lill-Gvern. Hawn nixtieq nirreferi lill-Onor Interpellant għall-istqarrija tal-Gvern Numru 1544 tas-16 ta’ Awissu 2011 fejn ingħad li “Il-Kumitat ORNIS irrakkomanda wkoll l-applikazzjoni ta’ deroga għall-insib tal-gamiem, summien, pluviera u malvizz. Skont il-provvedimenti tad-Direttiva dwar l-Għasafar u tal-liġi Maltija (Avviz Legali 79 tal-2006) din ir-rakkomandazzjoni teħtieġ aktar informazzjoni u assessments. Il-Gvern indika lill-Kumitat ORNIS dan il-bżonn sabiex l-applikazzjoni ta’ din id-deroga tkun tista’ tiġi kkunsidrata għall-ħarifa li ġejja.” Minkejja li l-Gvern rċieva aktar informazzjoni mingħand il-Kumitat ORNIS, s’issa għadu mu rċeviex rakkomandazzjoni għal deroga għall-insib fil-ħarifa ta’ din is-sena skont ir-rekwiziti kollha tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
L-Onor Interpellant rrefera ghall-ftuħ tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa matul is-snin li għaddew. Għandi nifhem li l-Onor Interpellant għaraf li l-ittri tal-Kummissjoni Ewropea, li huwa rrefera għalihom, għamluha ċara li l-ġustifikazzjonijiet li kienu mressqa matul is-snin li għaddew ma kienux aċċettabli għall-Kummissjoni.
Nieħu din l-opportunita' sabiex inħeġġeġ lil kull min ighid li ser josserva b'mod sħiħ il-liġi tal-Unjoni Ewropea, biex ma joqgħodx igħid fil-magħluq igħid lill-kaċċaturi u n-nassaba li l-insib f'Malta jista' jibqa' jsir barra l-parametri tal-Unjoni Ewropea.
Sistema tat-Trasport Pubbliku — karozzi tal-linja - tfal tal-iskola
Question
In vista tal-fatt li l-Ministru nsista li l-karozzi tal-linja fis-sistema tat-trasport pubbliku jkunu €5, għaliex l-istess standard ma ntużax għall-ġarr tat-tfal tal-iskola?
Response (GATT, AUSTIN)
Qiegħed nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istandard ‘Euro V’, li huwa l-istandard tal-makni tal-karozzi tal-linja li jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.
F’dan il-kuntest, ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm Transport Malta tirregola t-tip ta’ vetturi li għandhom jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku skont l-obbligi li joħorġu mill-kuntratt li hi għandha mal-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku, dan m’huwiex il-każ fejn jirrigwarda vetturi li jintużaw għall-ġarr tat-tfal tal-iskola, liema servizz ma jiġix ikkuntrattat minnha. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Skejjel Primarji u sekondarji tal-gvern — għalliema kwalifikati għas-servizz ta' nurse
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema kwalifikati fl-ewwel għajnuna (first aid) fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern? Tista' tgħid jekk jeżistix servizz ta' nurse f'dawn l-iskejjel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ għalliema peripatetic tal-Health and Safety kwalifikati fl-Ewwel Għajnuna (First Aid) fl-iskejjel primarji tal-gvern huwa dak ta’ 14. L-għalliema tal-Health and Safety fl-iskejjel sekondarji tal-gvern kwalifikati fl-Ewwel Għajnuna huma 39.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jixtri s-Servizz tan-Nurse għall-istudenti li jattendu skejjel tal-Istat.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — lista ta' konsulenzi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W333, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/ kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'hemm l-ebda tibdil mir-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari numru W333.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W432, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ngħata xogħol jew ġie użat xi servizz mill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru u d-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W429, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ntuża s-servizz ta’ waħda biss mill-kumpaniji msemmija li ntuża barba biss għal traduzzjoni ta’ dokument mill-Ġermaniż bi ħlas ta’ €604.16 (VAT inkluż.)
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W427, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalma rrispondejt fil-Mistoqsija Parlamentaru numri W427, ma ngħata l-ebda xogħol lill-Kumpanniji msemmija, mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Local Enforcement System — rwol tal-Authorising Officer
Question
Jista’ l-Prim Ministru jispjega r-rwol tal-Authorising Officer fil-qafas tal-Local Enforcement System? Jista’ jgħid jekk l-Authorising Officer jieħux xi tip ta’ kummissjoni/ħlas ibbażat fuq in-numru ta’ ċitazzjonijiet li joħorġu, li jiġu awtorizzati jew li jitħallsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat l-irwol tal-Uffiċċjali Awtorizzati ta’ dawk li kienu l-Kumitati Konġunti kien wieħed amministrattiv. Ir-responsabbilitajiet kienu jinkludu l-kordinament bejn il-Kunsilli Lokali membri tal-Kumitat Konġunt rispettiv, it-Tribunali Lokali, il-finanzi tal-Kumitat Konġunt (flimkien mal-Chairman tal-Kumitat) u l-kontroll tas-servizzi kollha provduti mill-kuntratturi lill-Kumitat Konġunt fosthom il-gwardjani lokali.
Barra minn dan l-Uffiċċjal Awtorizzat kien jirrappreżenta lill-Kumitat Konġunt f’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-Sistema tal-Infurzar Lokali u kien ukoll
de facto
s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kumitat Konġunt. L-Uffiċjal Awtorizzat kien
accountable
lejn il-Kumitat Konġunt tiegħu.
Bid-dħul fis-seħħ ta-Kumitati Reġjoanli u bid-delega tas-sistema tal-Infurzar Lokali lir-Reġjuni, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2011, ħafna mill-funzjonijiet tal-Uffiċċjali Awtorizzati, inkluż il-finanzi tal-Kumitati Reġjonali, għaddew taħt ir-responsabiltà tal-Presidenti u s-Segretarji Ezekuttivi tal-Kumitati Reġjonali rispettivi. Bis-sistema l-ġdida tal-Kumitati Reġjonali, li ħadu post il-Kumitati Konġunti, l-irwol prinċipali tal-Uffiċċjali Awtorizzati huwa li jara li s-sistema titħaddem b’mod effettiv.
Intant l-Uffiċċjal Awtorizzat ma jirċievi l-ebda tip ta’ kummissjoni bbażata fuq in-numru ta’ kontravenzjonijiet li jinħarġu, li jiġu awtorizzati jew li jitħallsu.
Ftehim ta' estradizzjoni bejn Malta u pajjiżi oħrajn
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' dawk il-pajjiżi kollha li magħhom Malta għandha ftehim ta' estradizzjoni u f'kull każ, kemm ilu in vigore tali ftehim?
Response (BORG, TONIO)
Dawn it-tip ta' ftehim jaqa taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex sodisfatt li l-kumpanija Palumbo qed tesegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha fit-Tarzna? Jista’ jikkonferma jekk il-kumpanija investietx €5.45 miljun fl-ewwel sena ta’ operazzjoni, kif kienet marbuta li tagħmel fil-kuntratt approvat minn din il-Kamra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista u costings tal-istess investimenti li saru mill-kumpanija matul l-ewwel sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li ġie ffirmat mill-kumpanija jagħti lill-gvern id-dritt li jagħmel eżerċizzji ta’ verifika skont il-provvedimenti u l-kundizzjonijiet tal-istess kuntratt. L-ewwel sena mill-iffirmar tal-kuntratt għalqet f’Ġunju li għadda u bħalissa qed isiru l-preparazzjonijiet kollha meħtieġa biex l-ewwel eżerċizzju ta’ verifika jseħħ. Huwa maħsub li x-xogħol jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Manikata għadha mingħajr servizz adegwat ta' trasport pubbliku? Huwa konxju tal-fatt li biex jaslu sal-Belt Valletta, persuni minn dan il-lokal iridu jaqbdu tliet karozzi: mill-Manikata għal Għajn Tuffieħa, minn Għajn Tuffieħa għall-Mosta u mill-Mosta għall-Belt? Huwa konxju li jekk persuna taqbad il-karozza tas-6:00am, tasal il-Belt fid-8:45am, l-aktar kmieni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-residenti tal-Manikata għandhom żewġ alternattivi ta’ trasport pubbliku.
L-ewwel alternattiva hi li wieħed jaqbad ir-Rotta 102 bi frekwenza ta’ kull siegħa u jieqaf l-Imġarr fejn wieħed jista’ jaqbad ir-Rotta 23 lejn il-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.
It-tieni alternattiva hija li bir-Rotta 102 l-passiġġieri jieqfu l-Mellieħa minflok l-Imġarr u minn hemm jaqbdu karozza għall-Belt Valletta. Ir-rotot li jistgħu jirkbu huma r-rotta 11 u r-rotta 41 li t-tnejn għandhom frekwenza ta’ kull 30 minuta u r-rotta X6 bi frekwenza ta’ kull 45 minuta. Mill-Mellieħa lejn l-isptar Mater Dei u l-Università, l-passiġġieri jistgħu jirkbu r-rotta X1 bi frekwenza ta’ kull siegħa.
care workers u ħaddiema oħra — inkjesta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ta' care workers u ħaddiema oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-inkjesta li saret mid-Dipartiment koncernat (Dipartiment ghar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg) ghar-rigward i-kundizzjonijiet tax-xoghol ta’ care workers u haddiema ohra, giet konkluza u l-Ministeru se jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet relattivi.