Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31297 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sparatura viċin il-Palazz tal-Girgenti — investigazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar sparatura viċin il-Palazz tal-Girgenti li referenza għaliha saret f’press release 2513 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, fit-28 ta’ Diċembru 2011? Jista' jgħid jekk kenux arrestati persuni b’rabta ma' din l-isparatura? Jista' jgħid kienx stabbilit f’liema direzzjoni ġew sparati t-tiri? Jista' jgħid ġiex stabbilit x’tip ta’ arma ntużat f’din l-isparatura? Jista' jgħid ġiex stabbilit kemm tiri kienu sparati? Jista jgħid instabux skrataċ jew bullets relatati ma' din l-isparatura? Jista' jgħid jekk itteħdux xi passi partikolari mill-Forzi Armati fil-ħin li saret l-isparatura b’rabta mas-sigurtà personali tiegħu u tas-Sinjura tiegħu, minħabba li ntqal li dak il-ħin kienu fil-Palazz tal-Girgenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-materja hi suġġett għall-inkjesta maġisterjali u l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant hija marbuta ma’ din l-inkjesta. Nemmen li ma jkunx prudenti li nikkumenta qabel din l-inkjesta tkun magħluqa.

Bormla — Grand Harbour Regeneration Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt li f’Awwissu, l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, il-kap eżekuttiv tal-Grand Harbour Regeneration Project f’intervista fuq il-Public Broadcasting Services kien qal li t-triq ta’ maġenb il-Baċir Nru 1 f’Bormla kienet se titlesta sa tmiem Ottubru, iżda xahrejn wara x-xogħol għadu mhux lest?

Response (GATT, AUSTIN)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Triq Santa Tereża, Bormla. Ninsab infurmat li din it-triq tlestiet.

Alliance of Civilisations Conference — rappreżentat ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min irrappreżenta lil Malta fir-raba' laqgħa tal-Alliance of Civilisations Conference?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Malta ġiet rappreżentata mid-Direttriċi responsabbli mid-Direttorat għall-Mediterran u Relazzjonijiet Esterni . Hi kienet akkumpanjata mill-Focal Point fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin responsabbli għall-"Alliance of Civilisations".

Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu — sentenza maqtugħa

Question

In vista tas-sentenza Carmel D'Amato vs l-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fil-konfront ta' uffiċjal għoli tal-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu li nstab li ħalef falz?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ imsemmi, f’ebda stadju tas-sentenza l-Onor. Imħallef ma intima jew ta' xi ħjiel li kien hemm xhieda falza minn xi uffiċjal tal-MTA.

MEPA — Park tal-Majjistral

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29840 u jgħid jekk hemmx permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jingħalqu t-toroq ta' madwar il-Park tal-Majjistral fil-Mellieħa? Jista' jgħid x'inhu t-titlu li tagħti l-liġi meta xi ħadd ikun ilu jgħaddi minn mogħdija jew triq, jew jagħmel użu minn art għal aktar minn 30 sena? Jista' jgħid għaliex il-partijiet l-oħra tal-park (naħa ta' Għajn Tuffieħa) ma ġewx magħluqa? Jista' jgħid jekk din il-parti tal-park ġietx magħluqa biex dak li ma sarx bil-korsa tal-golf isir bl-iskuża tal-park? Jista' jgħid jekk din il-parti tal-park ġietx magħluqa biex issir azzjoni negattiva ma' dawk il-bdiewa u nies li s'issa għadhom jiffrekwentaw il-post talli pprotestaw kontra l-korsa tal-golf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Park Tal-Majjistral kien stabbilit bl-Avviż Legali Numru 251 tal-2007 u emendat b’Avviz Legali Numru 224 tal-2009. L-iskop prinċipali huwa li dan is-sit ikun konservat filwat li jkun jista’ jidgawda mill-pubbliku mingħajr ma ssirlu ħsara. Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23011. Fid-dawl ta’ dan, l-aċċess tal-vetturi huwa ristrett peress li l-parti l-kbira tal-ħsara li kienet qed issir lill-ekosistema ferm delikata li hemm f’dan is-sit kienet ikkawżata minn vetturi u minn tfiegħ ta’ skart u ddampjar ta’ materjal. Min-naħa l-oħra, vetturi ta’ bdiewa li għandhom għelieqi f’dan is-sit qed jingħataw aċċess li jidħlu bil-vetturi tagħhom għall-għelieqi tagħhom. Ninsab infurmat li dwar n-naħa ta’ Għajn Tuffieħa qed ikun ippreparat pjan sabiex din iż-żona li sofriet degradazzjoni qawwija tkun riabilitata. Sadanittant, għadu qed jitħalla l-aċċess ta’ vetturi għalkemm dan huwa skoraġġit. L-ipoteżi li qed isaqsi dwarha l-O norevoli Interpellant li parti mill-park ġiet magħluqa biex dak li ma sarx bil-korsa tal-golf isir bl-iskuża tal-park hija totalment infondata u spekulattiva meta wieħed iqis li tlett membri fuq il-Bord tat-Tmexxija ġejjin minn għaqdiet non-governattivi li appoġġjaw bis-sħiħ lill-bdiewa fl-oġġezzjoni tagħhom għall-proposta tal-golf course.
Leg 11 PQ #469 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni dwar email mibgħuta mill-kap tas-segretarjat privat

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid jekk japprovax dak li għamel il-kap tas-segretarjat privat tiegħu Edgar Galea Curmi meta kif stqarr huwa stess fil-qorti, għadda email privata mibgħuta lilu minn terza persuna, il-gurnalist u preżentatur Lou Bondi? Jista' jgħid jekk dan kollu jikkostitwixxix ksur tal- artiklu 113 tal-kodiċi kriminali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-benefiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant, tajjeb infakkar fuqhiex qed nitkellmu. “L-email privata” li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Membru hija dan l-estratt minn email li ntbagħtet lili mit-terza persuna, li hemm referenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari nhar it-23 ta’ Diċembru 2007, wara li dan kien iltaqa’ miegħi: “I must so heartily thank you for your time and patience afforded to me last Friday morning. You are an exceptional man, the Lawrence I had met years ago at your dear uncle’s residence during some of his socials at his residence in St Paul’s Bay. I cannot remember of many politicians who remained so humble, especially when reaching the status of Prime Minister.” Ninsab infurmat li dan il-każ ġie investigat mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li mhux biss ma sab xejn ħazin iżda stqarr li l-azzjonijiet tal-Kap tas-Segretarjat kienu ġġustifikati. Fil-fatt, f’paġna 4 tad-deċiżjoni tiegħu datata 25 ta’ Lulju 2008, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jirrimarka li “l-iżvelar min-naħa tas-Sur Edgar Galea Curmi sar ġustament biex jiddefendi r-reputazzjoni tal-Prim Ministru billi jiżdetta dak li skorettement kien qed itenni pubblikament” dan it-terza persuna. Nixtieq nesprimi l-preokkupazzjoni serja tiegħi dwar is-sentimenti wara t-tieni parti tal-mistoqsija. F’soċjetà demokratika, mhux il-kompitu tal-Prim Ministru u lanqas tal-Membri ta’ din il-Kamra li jiddeċiedu jekk persuna kisritx il-liġi; dan huwa esklussivament xogħol il-Qrati tal-Ġustizzja fi proċess li jrid jimxi skont il-provvedimenti tal-Kodiċi Kriminali dwar l-estorsjoni (art 113 tal-Kodiċi Kriminali) f’dan il-każ.

Mizzi House — informazzjoni dwar il-kirja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kirja ta' Mizzi House u min daħal għal din il-kirja? Għal kemm-il sena inkriet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28393.
Leg 11 PQ #471 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

informazzjoni dwar ħaddiema fis-settur pubbliku

Question

Peress li b'referenza għat-twegiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29955, wieħed jinnota li d-definizzjoni ta' Gvern Ġenerali, kif mitluba f'din il-mistoqsija hi fuq l-istess bażi u konformi mad-definizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f'Punt 2 fil-Methodoligical Notes ippubblikata fin-News Release 202/2011 tal-21 ta' Ottubru 2011, li kienet titratta dwar il-Quarterly Accounts for General Government: Q2 2011, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Prim Ministru li permezz tal-istatistika li tiġi ppubblikata kull xahar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li rrefera għaliha fit-tweġiba tiegħu, wieħed ma jistax jasal għaċ-ċifra ta' impjiegi full-time u part-time li jaqgħu taħt din id-definizzjoni ta' Gvern Ġenerali li hi konformi ma' dik tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika imsemmija hawn fuq, għalhekk jista' l-Prim Ministru jagħti l-istatistika, fuq quarterly frequency basis tal-impjiegi, maqsumin full-time u part-time, li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' Gvern Ġenerali, konformi ma d-definizzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kif imsemmi hawn fuq u li tkopri l-perjodu 1998 Quarter 1 sa 2011 Quarter 2?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li jeħtieġ ammont konsiderevoli ta' ħin u riżorsi sabiex tiġi estratta l-informazzjoni, hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fl-assenza ta' raġuni valida għalfejn l-Onorevoli Interpellant jixtieq jingħata din l-informazzjoni, nemmen li jkun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv għal ġid ta' pajjiżna.

ħabsin taħt l-effett tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu ħabsin taħt l-effett tad-droga mis-sena 1998 sas-sena 2011, sena b’sena b’mod separat? Kemm minnhom tressqu l-qorti? F’liema diviżjoni jew sezzjoni nstabet id-droga f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għall-perijodu ta' bejn l-2000 u l-2003 ma kienetx tinżamm statistika, għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tingħata għall-perijodu ta' bejn l-2004 u l-2011 fit-tabella t'hawn taħt:- Sena Priġunieri li nstabu Posittivi Pri[unieri li rrifjutaw jaghmlu t-test tal-urina 2004 50 11 2005 101 34 2006 52 44 2007 65 64 2008 110 78 2009 17 24 2010 2 1 2011 3 1 Infurmat ukoll illi meta priġunier jinqabad taħt l-effett tad-droga jew jirrifjuta li jsirlu t-test tal-urina jittieħdu passi dixxiplinari kontra tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Ħabs u mhux jitressaq il-Qorti.

droga li nstabet fil-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ droga li nstabet fil-ħabs mis-sena 1998 sas-sena 2011, sena b’sena b’mod separat ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx taħt forma ta' statistika.

kampjuni tal-urina għall-finijiet ta' teħid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il test sar fuq kampjuni tal-urina tal-priġunieri biex tiġi ttestjata għall-finijiet ta' teħid ta' droga, mis-sena 1998 sas-sena 2011, sena b’sena b’mod separat? Kemm instabu pożittivi u kemm instabu negattivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għall-perijodu ta' bejn l-2000 u l-2003 ma kienetx tinżamm statistika, għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tingħata għall-perijodu ta' bejn l-2004 u l-2011 fit-tabella t'hawn taħt:- Sena Total ta' Testijiet Posittivi Negattivi Rifjutati 2004 426 50 365 11 2005 250 101 115 34 2006 391 52 295 44 2007 495 65 366 64 2008 599 110 411 78 2009 372 17 331 24 2010 266 2 263 1 2011 240 3 236 1

persuni li nqabdu jippruvaw idaħħlu xi ħaġa projbita fil-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jippruvaw idaħħlu xi ħaġa projbita ġol-ħabs mis-sena 1998 sas-sena 2011, sena b’sena, b’mod separat u x'kienu l-affarijiet li ppruvaw idaħħlu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija s-segwenti:- Sena Droga Flus Mobile Phones Oggetti ohra 1998 Nil 1999 1 2000 1 2001 1 2002 2 2003 1 2004 3 2005 13 1 Karta ta' €20 1 Bicca Elastic plastic 2006 9 2007 11 1 2008 6 1 {Sim Card) 2009 14 3 Pen drive, Air pistol, pakkett 2010 16 2011 14 2

priġunieri li ddaħlu l-isptar minħabba overdose ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu prigunieri fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Mater Dei b'overdose ta' droga mis-sena 1998 sas-sena 2011 sena b’sena b’mod separat? X'passi ttieħdu? F’liema diviżjoni jew sezzjoni kienu qed jinżammu l-priġunieri f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm priġunieri li daħlu fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Mater Dei b'overdose ta' droga fil-perijodu indikat mill-Onorevoli Interpellant.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — priġunieri li mietu b'overdose ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b'overdose ta' droga mis-sena 1998 sas-sena 2011 sena b’sena b’mod separat? F’liema diviżjoni jew sezzjoni kienu qed jinżammu l-priġunieri f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li xi priġunier miet fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin b'overdose ta' droga fis-snin indikati mill-Onorevoli Interpellant.

informazzjoni dwar priġunieri fil-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri ilum fil-ħabs wara li ġew mogħtija pieni mill-qorti? Kemm minn dawn kienu hemm għal aktar minn darba u kemm-il darba kienu diġà hemm ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sas-19 ta' Diċembru 2011, in-numru ta' priġunieri li qed jiskontaw sentenza ta' piena ta' priġunerija huwa ta' 392 kif spjegat fit-tabella t'hawm taħt:- Numru ta’ drabi fil-Faċilita' Numru ta’ priġunieri 1 219 2 68 3 18 4 20 5 15 6 19 7 8 8 5 9 5 10 1 11 6 12 2 13 2 15 1 17 2 19 1

proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa — spiża tal-pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-pjanti li saru b’rabta mal-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa mill-1998 sal-lum, u kemm kienet l-ispiża fuq kull waħda minn dawn il-pjanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif jista’ jifhem l-Onor. Interpellant, fuq proġett bħal dan ikun hemm numru ta’ pjanti konsiderevoli u jien infurmat li Transport Malta m’għandhiex informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ kull pjanta li saret mill-1998 sal-lum. L-informazzjoni li għandha Transport Malta hija dwar l-ispiża tad-disinn tal-proġett, liema disinn kien maqsum fi tliet fazijiet: Id-disinn sa qabel l-2003, li kien jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ estensjoni u ameljorment tal- breakwater , bini ta’ mollijiet u reklamazzjoni, u li sewa €385,118; Id-disinn sa qabel l-2008, li kien jikkonsisti f’xogħlijiet tal-bini tat-terminal u gangway tal-passiġġieri, toroq, parkeġġ, bini anċillari u moll nru 3, u li sewa €505,062; Id-disinn mill-2008 sal-2011, li kien jikkonsisti fid-disinn ġdid u dak attwali tal-bini tat-terminal u gangway tal-passiġġieri, toroq, parkeġġ, bini anċillari, moll nru 3 u faċilitajiet temporanji, li b’dan id-disinn se jiġu ffrankati madwar €4 miljun fuq id-disinn preċedenti. Dan sewa €356,672.

proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar fuq il-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa fl-2009, 2010 u 2011 u kemm kienet in-nefqa fuq dan il-progett s’issa? Meta huwa mistenni li jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm huwa stmat li se jiswa x-xogħol li jonqos isir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar fuq il-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa kien dan: · 2009 - Applikazzjoni tal-MEPA, investigazzjonijiet tekniċi, disinji, xogħol fuq tenders; · 2010 - Applikazzjoni għall-fondi tal-UE, xogħol fuq tenders, aktar investigazzjonijiet tekniċi, xogħljiet temporanji; · 2011 - Bdew jintużaw il-faċilitajiet temporanji, bdew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni, mekkanika u elettriku, u ġew mogħtija t-tenders għat-trasportazzjoni vertikali, enerġija renovabbli, finishes , u preparazzjoni tat-tender għal -linkspans . In-nefqa fuq din l-aħħar fażi tal-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa kienet ta' €3,132,392. Il-proġett mistenni li jitlesta fl-aħħar ta' din is-sena kif ippjanat. Ix-xogħol li jonqos isir huwa stmat li ser ikun ta' madwar €8.9miljun.
Leg 11 PQ #481 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar fuq il-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa fl-2009, 2010 u 2011 u kemm kienet in-nefqa fuq dan il-progett s’issa? Meta huwa mistenni li jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm huwa stmat li se jiġi jiswa x-xogħol li jonqos isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ta l-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni fil-Mistoqsija Parlamentari numru W480.

Awtoritajiet tal-ħabs — policy fuq test tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hix il-policy tal-awtoritajiet tal-ħabs li dawk il-priġunieri li jirrifjutaw li joqogħdu għat-test tad-droga, jitilfu l-eliġibilità tagħhom għall-privileġġi li jikkwalifikaw għalihom il-priġunieri kollha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, skont ir-Regolament Dwar il-Ħabs, min jonqos milli jagħti kampjun huwa kkunsidrat li huwa posittiv u jittieħdu passi dixxiplinari kontra tiegħu. Infurmat ukoll illi l-privileġġi li jgawdu priġunieri fil-Faċilita' huma marbutin ma' mġieba tajba u li persuna tkun drug free, għaldaqstant, fiċ-ċirkustanza li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, il-persuna kkonċernata titlef ċertu privileġġi.

Priġunieri li rrifjutaw li joqogħdu għat-test tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri li bejn is-sena 2000 u l-2011, sena b'sena, irrifjutaw li joqogħdu għat-test tad-droga?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għall-perijodu ta' bejn l-2000 u l-2003 ma kienetx tinżamm statistika, għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tingħata għall-perijodu ta' bejn l-2004 u l-2011 fit-tabella t'hawn taħt:- Sena Numru ta' Priġunieri 2004 11 2005 34 2006 44 2007 64 2008 78 2009 24 2010 1 2011 1