Jista l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tad-disinn fuq it-triq il-ġdida li tagħti għal Smart City, meta se jinħarġu t-tenders u meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta lestiet id-disinni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-MEPA fuq din it-triq. It-tenders jinħarġu u x-xogħol ikun jista’ jinbeda ladarba Transport Malta jkollha l-permessi meħtieġa mingħand il-MEPA.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — informazzjoni dwar konsulenti
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat mediku nxtara f'kull ċentru tas-saħħa f'Malta u Għawdex b'mod separat bejn l-2004 u llum sena b'sena? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — Central Sterile Supply Departiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni fis-Central Sterile Supply Departiment tal-Isptar t'Għawdex? Jista' jgħid x'kien l-investiment li sar f'dan id-dipartiment mill-2004 sal-lum, sena b'sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal — nefqa fuq il-proġett
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum? Minn fejn ġew finanzjati? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet humiex on schedule?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa Frar 2012 l-ispiża totali tal-proġetti in kwistjoni kienet ta’ €29,306,655 maqsuma kif ġej:
€1,485,112 għal Bieb il-Belt;
€12,960,721 għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u
€1,445,977 għat-Teatru u l-Pjazza
u spejjeż ġenerali għall-proġetti kollha ta’ €13,414,845.
Dawn l-ispejjeż kienu ffinanzjati mill-Grand Harbour Regeneration Corporation. Il-progress fuq kull proġett huwa kif ippjanat u wasal fl-istadju li se ngħid.
Dwar Bieb il-Belt, dan qiegħed fi stadju ta’ kostruzzjoni;
Dwar il-Parlament, jien infurmat li dik magħrufa bħala s-superstructure kważi tlestiet filwaqt li nbdew ix-xogħlijiet fuq stallazzjonijiet mekkaniċi, elettriku u ilma. Ix-xogħlijiet fuq il-qoxra ta’ barra nbdew ukoll. Il-kuntratt għal xogħol ta’ finishes ingħata wkoll u l-kuntrattur mistenni jibda dalwaqt.
Dwar it-Teatru, ix-xogħlijiet fuq il-backstage mexjin skond il-pjan bl-art mistennija tkun lesta sa nofs Mejju. Ix-xogħlijiet fuq il-pedamenti tat-teatru nnifsu mexjin ukoll u huwa mistenni li l-ewwel xogħol tal-istruttura tal-ħadid jibda fil-bidu ta’ Mejju.
Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal — kuntratturi u konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi/konsulenti li tħallsu fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jippubblika l-prezzijiet tal-aħħar sett ta' mediċini li roħsu f'Malta (stqarrija DOI 812) fl-Italja, Ċipru, Spanja u l-Portugall?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija numru 33749 fejn fiha kienu inagħtaw il-prezzijiet ta’ l-imsemmi mediċini fi Spanja, l-Italja u l-Portugal.
Qed inpoġġi l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ dawn il-medicini f’Ċipru fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min wieħed issemmi li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn il-prezzijiet tal-mediċini fil-pajjiżi msemmija jkun irħas minħabba l-kobor u volum tas-suq. Fattur li Malta minħabba ċokon tagħha ma tkunx tista tipparagwa miegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex l-ispiża tal-proġett tal-Life Science Park tiżdied bi €12-il miljun u xi tħallas s'issa minn dan il-proġett? Jista' jgħid kemm kienet se toħroġ l-Unjoni Ewropea u kemm kin se joħroġ il-gvern Malti meta l-proġett kien se jiġi jiswa €16-il miljun, u x'se jkunu qed joħorġu issa li l-proġett se jiġi jiswa €32 miljun?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti l-prezzijiet taċ-ċilindri tad-daqsijiet differenti tal-gass mis-sena 2008 sal-lum xahar b'xahar li bihom inbiegħu lill-konsumatur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna spiċċat il-ħabs minħabba każijiet in konnessjoni mal-VAT, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid x'kienu r-reati mwettqa? Jista' jgħid bħala medja x'tip ta' sentenzi ingħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2012 ma jirriżultax li kien hemm xi persuni li spiċċaw fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin relatati ma' każijiet in konnessjoni mal-VAT.
It-tabella t'hawn taħt turi n-numru ta' dawk il-persuni li spiċċaw il-ħabs minħabba l-każijiet imsemmija matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011.
Infurmat ukoll illi r-reati mwettqa kienu jinvolvu nuqqas ta' ħlas tal-VAT u multi u s-sentenzi li ngħataw kienu multi li ġew konvertiti f'pieni ta' priġunerija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twettqu hold-ups bejn l-2005 u llum sena b'sena? Jista' jgħid kemm minnhom kienu solvuti? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet ġraw? Jista' jgħid kemm insterqu flus f'kull hold up fejn dan japplika? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużat il-vjolenza? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużaw armi tan-nar jew armi li jaqtgħu u bil-ponta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Każijiet ta' Legionella u Scabies fl-iskejjel u djar tal-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ta' legionella u scabies instabu fl-iskejjel tal-Istat u fid-Djar tal-Anzjani b'mod separat, mill-Ispetturi tas-Sanità bejn l-2005 u llum, sena b'sena? F'liema skejjel u djar tal-anzjani instabu dawn il-każijiet? Kemm l-istudenti u l-anzjani kienu involuti f'dawn il-każijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma ċ-Ċentri tas-Saħħa f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid x'inhuma l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull ċentru tas-saħħa b'mod separat? Jista' jgħid x'servizzi jingħataw f'kull ċentru tas-saħħa b'mod separat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-enforcement notice li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fil-konfront ta' persuna li żviluppat parti mill-front garden tagħha biex minflok ġiebja, kif kellha l-permess li tagħmel, istallat tank tal-gass/fuel, dam ma ġie implimentat? Kif jispjega l-Ministru l-fatt li wara li ħarġet din l-enforcement notice, il-gvern ħareġ Avviż Legali 494 tal-2010 li de facto irregolarizza s-sitwazzjoni ta' din il-persuna?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni oħra ta' istallazzjonijiet simili residenzjali ġew regolarizzati permezz ta' dan l-Avviż Legali meta dan inħareġ? X' kienet ir-raġuni li l-gvern ħass li kellu joħroġ dan l-avviż legali propriju f'dan il-perjodu meta saħansitra kienu bdew proċeduri legali kontra din il-persuna mill-Pulizija? Iħoss il-Ministru li dan huwa każ fejn avviż legali nħareġ għall-interessi ta' persuna waħda? Iħoss il-Ministru li għandu jagħti ġustifikazzjoni aktar minħabba l-fatt li din il-persuna li bbenefikat minn dan l-avviż legali tiġi minn qarib tal-istess Ministru?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-waqfien fl-użu tat-tank tal-gass imsemmi ġie implimentat immedjatament. Fill-fatt s-sid kien imwissi li l-użu irid jitwaqqaf immedjatament skond kid ordnat fl-Avviż. Barra minnhekk ittieħdu wkoll l-passi neċessarji flimkien mal-Awtorita' Maltija tar-Rizorzi (MRA) fejn dawn assiguraw li t-tank mhux se jitħalla jimtela' bil-gass stante l-Avviż maħruġ mill-MEPA jibqa operattiv. Dan il-fatt assigura li l-użu tat-tank kien twaqqaf. Fil-frattemp is-sid kien tefa appell kontra ECF 58/10 u allura l-eżekuzzjoni tat-Twettiq fl-istess avviż kella tiġi sospiża skond il-Liġi sakemm l-appell jiġi konkluż. Eventwalment l-Avviż Legali 494/10 ġie pubblikat f'Novembru, 2010 u l-każ ECF 58/10 ingħalaq wara li l-Apellant irtira l-appell tiegħu fil-15 ta' Dicembru, 2010.
Jien infurmat ukoll li d-diskussjonijiet mal-Malta Resources Authority (MRA) fuq installazzjonijiet ta' LPG tanks bdew fis-sena 2005. Matul iż-żmien saru diversi laqgħat sabiex iż-żewġ entitajiet setgħu jilħqu ftehim u jitħabbru l-proċeduri l-ġodda. Fil-fatt l-MRA ippubblikat l-Avvizi Legali 249/2008 fis-7 ta' Ottubru 2008 u l-MEPA min-naħa tagħha ħarġet Avviz Legali 494/2010, imsemmi qabel, fit-28 ta' Novembru 2010.
Qabel il-ħruġ tal-Avviż Legali kien jinħtieg full development permit għal dan it-tip ta' żvilupp. Meta daħal fis-seħħ l-Avviz ma kienx hemm bzonn ta' notifika f' areas ġewwa l-limiti ta' żvilupp sakemm numru ta' kriterji jiġu mħarsa. In-Notifika hija meħtieġa f'Urban Conservation Areas, Outside Development Zones u propjeta skedata u f'żoni mħarsa.
Infurmat ukoll, li l-MEPA m'għandhiex informazzjoni kemm applikazzjonijiet ġew regolarizzati
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kariga ta' assistent direttur fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja kinetx okkupata sa minn April 2011 mingħajr ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni? Saru interviews neċessarji sabiex jintgħażel Direttur ġidid? Kemm daħlu applikazzjonijiet? Intlaħqu l-kriterji neċessarji minn dawk li qagħdu għall-interviews?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar specifiku fid-domanda tiegħu billi jindika d-dipartiment konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Marsa Sport Village?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bħalissa qed tiġi abbozzata sejħa ġdida wara li l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), wara sejħa pubblika, ltaqa’ ma’ investituri potenzjalment interessati fl-iżvilupp tal-kunċett ta’ Villaġġ Sportiv fil-Marsa, biex jisma’ s-suġġerimenti dwar kif jista’ jsir titjib fuq is-sejħa oriġinali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti ta' bullying fuq l-għalliema matul l-2008, l-2009, l-2010 u 2011? F'liema skola kienu dawn u x'passi ttieħdu biex dawn il-każijiet ma jkomplux?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għall-iżvilupp ta' Crafts Village f'Ta Qali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Malta Industrial Parks għaddejja f’dikussjonijiet mal-MEPA u mal-operaturi li jinsabu fuq il-post dwar il-pjanijiet ġodda għal dan il-proġett. Sadanittant inbeda x-xogħol ta’ tisbieħ fil-‘landscaping’ tas-sit u tal-ambjent madwar u ġewwa l-Crafts Village.