Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W78 datata 23 ta' Lulju 2010 u cioè ladarba l-Gvern qed jinnegozja x-xiri tal-isptar St Philips, għaliex ma saritx sejħa pubblika għall-interess jew sejħa għall-offerti għal dawk interessati li jipprovdu servizz simili, jew anke bejgħ ta' faċilitajiet simili, ta' dak l-isptar St Philips
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern ma rċieva 1-ebda talba sabiex l-isptar St. Philips joħroġ b'sejħa għall-offerti għall-pubbliku jew għal min jipprovdi servizz simili.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx li l-bus lanes ikunu disponibbli għal mezzi kollha tat-trasport pubbliku kif kien isir qabel, u mhux jillimitahom għal ċertu kategoriji biss? Ma jaħsibx il-Ministru li din hija diskriminazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-karreġġjata ta’ priorità isservi biex fejn ikun hemm it-traffiku, persuni li jivjaġġaw fi grupp (u allura jużaw vetturi t’aktar minn tmien passiġġieri) jingħataw priorità fuq it-triq. Jitħallew jużawha wkoll taxis li huma liċenzjati biex jiġbru passiġġieri minn fuq il-bankini u allura jkun ta' periklu għall-passiġġieri li kellhom jirkbu taxi wara li jaqsmu karreġġjata fuq it-triq. Vetturi oħra li jġorru inqas minn tmien passiġġieri, kemm jekk misjuqa minn sidhom, kemm jekk mikrija jew misjuqa minn xufier, ma jistgħux jingħataw l-istess priorità għax jekk kullħadd ikollu l-istess priorità tonqos jew tispiċċa l-effettività tal-miżura.
Fir-rigward tal-iżvilupp tal-Manoel Island Yacht Yard wara l-privatizzazzjoni tagħha, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mappa fejn jimmarka eżattament l-medda tal-baħar li fiha se ssir il-yacht marina u l-medda ta' baħar li se tkun dedikata għalhekk? Fuq liema bażi legali se tingħata din il-medda? Saru konsultazzjonijiet ma' sidien tal-bċejjeċ tal-baħar tal-madwar fl-implimentazzjoni tal-proġett u biex jitħalla passaġġ adegwat għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33979, 33168 u 31051 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwiepeb mistoqsija parlamentari 33950 u jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ helicopter tal-Forzi Armati mill-Prim Ministru? Jista' jgħid kemm kienu d-drabi bejn Marzu 2008 u April 2012 li l-Prim Ministru għamel użu minn helicopter tal-Forzi Armati u x’kienu l-okkazjonijiet li għalihom sar dan l-użu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 33950.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33946 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni interna tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl estensiv tat-18 ta' Novembru, 2009? Jista' l-Ministru jagħmel stqarrija ċara u kategorika jekk abbażi ta’ dawn l-investigazzjonijiet il-qtugh tad-dawl kienx dovut għal każ ta’ sabutaġġ jew le?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-memo 7/2012 Struttra ta' Riżorsi Umani mal-Kumitati Reġjonali maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema reġjuni din ġiet fis-seħħ? F'każ li hemm reġjuni li mhux qegħdin isegwu l-memo inkwistjoni, x'inhi r-raġuni għal dan u x'passi ttieħdu jew qed jittieħdu fil-konfront tagħhom mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitati Reġjonali għaddejjin b’diskussjonijiet kemm mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif ukoll mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabiex tiġi applikata Memo 7/2012, tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u skont il-proċeduri stabbiliti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
Jista' l-Ministru jekk hemmx pjanijiet biex ikun hemm żona li fiha se jkun projbit li jsir sajd anki minn sajjieda żgħar? Jista' jgħid jekk din iż-żona hiex bejn il-Qbajjar u l-Munxar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kulturali hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandhom ikollhom il-commercial premises f'dan il-każ snack bars u bars sew mill-2001 meta ġew taħt l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta u qabel 2001 meta kienu taħt il-pulizija? Jista' jgħid x'wieħed irid jippreżenta sabiex tinħareġ il-liċenzja tal-awtorità?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-bars u snack bars ilhom jiġu liċenzjati mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu sa mis-sena 2001 u 2002 rispettivament bis-saħħa ta’ KAP 409 dwar Servizzi ta’ l-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta. Dan jgħodd kemm għal kull liċenza li toħroġ l-Awtorita kif ukoll għal kull liċenza li kienet ħarġet mill-Puluzija qabel il-permessi għaddew taħt ir-responsabbilita’ ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.
Biex wieħed tinħariġlu liċenza ta’
bar
jew ta’
snack bar
mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu jeħtieġ li l-applikant jipprovdi dawn id-dokumenti:
1. Kondotta tal-Pulizija tal-applikant;
2. Kopja tal-Karta tal-Identita’;
3. Pjanta tal-istabbiliment kif ikun propost;
4. Ritratti tal-faċċata;
5. Permess mid-Dipartiment tal-Artijiet (f’każ li l-post ikun mikri mingħand il-Gvern);
6. Kopja tal-Memorandum and Articles of Association (jekk l-applikant ikun qed japplika f’isem kumpanija kummerċjali);
7. Kopja tal-valur tal-kera minn Perit jew il-kuntratt tal-kera;
8. Permess ta’ class 6 maħruġ mill-MEPA;
9. Approvazzjoni mill-
Food Safety Unit
fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa u l-menu kif approvat mill-istess
Food Safety Unit;
10. Approvazzjoni mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma li jiċċertifikaw li l-istabbiliment għandu mezz sabiex isaffi l-ilma tal-kċina
(Grease Trap);
11. CV jew dettalji tal-operatur;
12. Dokument li jiċċertifika li l-istabbiliment hu sigur kontra r-riskju tan-nar
Jista' l-Ministru jikkonferma kemm kienu l-impjegati li applikaw biex jidħlu l-BOV dan l-aħħar bħala skrivani? Kemm minnhom ġew short listed? Kemm ġew intervistati? Kemm minnhom mistennija jiġu ngaġġati u meta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank of Valletta hija entità kummerċjali privata bis-sehem tal-Gvern. Il-Gvern ma jindaħalx fl-operat tal-Bank u għaldaqstant it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant la tinġabar u lanqas m’hu magħruf.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi kkontrollata t-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid hux vera li hemm il-ħsieb li jiġu rtirati l-permessi preżenti kollha tat-trobbija tan-nagħaġ? Jista' jgħid jekk se jsir hekk, hux se jkun hemm xi kwota u kemm se tkun din il-kwota?
Użu ta' Helicopter tal-AFM u Missjoni Militari Taljana
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tan-numru ta' drabi li għamel użu mis-servizz tal-helicopter tal-Forzi Armati ta' Malta u/jew Missjoni Militari Taljana biex imur u/jew jiġi minn Għawdex? Jista' jagħti r-raġuni speċifika ta' kull żjara? Jista' jagħti l-ispiża relatata ma' kull vjaġġ u min iħallas għalih? F'każ li l-Forzi Armati ta' Malta u/jew Missjoni Militari Taljani ma jiċċarġjawx ta' kull vjaġġ, kemm huma l-ispejjeż għalihom, inkluż fuel u personnel?
Jista' l-Prim Ministru jekk iħossx li huwa anakroniżmu li persuni li jridu japplikaw biex jidħlu membri tal-Korp tal-Pulizija qed jinżammu milli jagħmlu hekk jekk ikollhom tpenġija fuq ġisimhom, anki f'partijiet mhux visibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34717.
Madankollu ġa tlabt sabiex din il-klawsola tiġi evalwata anke fid-dawl ta’ applikazzjonijiet simili f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
International Institute on Ageing — persuni li ngħataw taħriġ
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm persuni ngħataw taħriġ mill-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) f'dawn is-snin: 2010 u 2011? Kemm minnhom huma ta' Nazzjonalità Maltija u barranija?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
International Institute on Ageing (United Nations — Malta) - pubblikazzjoni ġurnal
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min hu l-editur tal-ħarġa li jmiss tal-ġurnal tal-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) BOLD? X'salarju j/tgawdi di il-persuna?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-editur tal-ħarġa li jmiss tal-ġurnal tal-International Institute on Ageing (United Nations-Malta ) BOLD huwa Mr. Lawrence Grech b'salarju ta' Euro 1,200 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hix għaddejja korrispondenza bejn Malta Enterprise/Malta Industrial Parks u l-Malta International Airport fir-rigward tal-kuntratt dwar trasferiment tal-art li kien għadda minn dan il-Parlament in konnessjoni mal-proġett tal-bini ta’ hangar ġdid tal-SR Technik, li issa qed jingħad li mhux se jsir? Jista’ jikkonferma jekk Malta Enterprise/Malta Industrial Parks hux qed issostni li l-kuntratt dwar art ġie kkanċellat? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadu ma nfurmax lil Parlament? Jekk le, x’tgħid din il-korrispondenza? Jista’ jippubblika din il-korrispondenza?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniku kuntratt viġenti bejn il-Malta International Airport u l-Malta Industrial Parks li jirrigwarda l-proġett ta’ l-SRT m’għaddhiex mill-Parlament minħabba li dan huwa ta’ natura kummerċjali. Għalhekk mhux prudenti illi tiġi ppublikata korrispondenza bejn l-Malta International Airport u l-Malta Industrial Parks.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha tower ladders il-Korporazzjoni Enemalta fl-2010, 2011 u 2012? Jista' jagħti lista, ġimgħa b'ġimgħa għas-sena 2010, 2011 u sa Mejju 2012 kemm kien hemm tower ladders tal-korporazzjoni weqfin għat-tiswija?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta kellha fuq il-kotba tagħha 34 tower ladder fl-2010, 42 fl-2011 u 39 fl-2012.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tinkludi lista ta’ dati, ġurnata b’ġurnata, għal kull tower ladder individwali meta kien wieqaf matul l-2010, l-2011 u l-2012 (sal 25 ta’ Mejju 2012).
Din il-lista tinkludi biss dawk li kienu weqfin minħabba ħsarat mhux mistennija u ma tinkludix dawk għal weqfin relatat ma’ services li jsiru, testijiet ta’ VRT u testijiet skont ir-regolamenti tal-Health & Safety relatati mal-hydraulic platforms tat-tower ladders.
Kull Tower Ladder għamel medja ta’ 8.1 ġranet wieqaf fl-2010, 8.4 ġranet wieqaf fl-2011 u 4.4 ġranet fl-2012 (sal-25 ta’ Mejju 2012).
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm bċejjeċ tal-baħar reġistrati bħala MFA li jaħdmu ma' fish farms tat-tonn? Jista' jgħid jekk dan huwiex legali? Qatt daħlu rapporti? Kemm minn dawn ġew investigati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolament tal-Kunsill (KE) 302/2009 Artikolu 14, u kif stipulat mir-Rakkmandazzjoni ICCAT 10-04 Artikolu 55, jeżiġu li kull bastiment il jaħdem in konnessjoni mal-irziezet tat-tonn irrid jkun irreġġistrat mal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT) biex ikun legali.
Ninsab infurmat li matul 2012 hemm 21 bċejjeċ tal-baħar reġistrati bħala MFA li jaħdmu ma' fish farms tat-tonn biex jaħdmu bħala bastimenti ta' rmonk jew sapport matul is-sena kkonċernata. Dawn il-bastimenti ġew-notifikati lill-ICCAT u r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet rikonoxxuta u ppubblikata mill-ICCAT. Ninsab infurmat ukoll li sa llum qatt ma daħlu raporti fir-rigward ta’ bastimenti li operaw illegalment in konnessjoni mal-irżieżet tat-tonn mingħajr awtorizzazzjoni kif meħtieġ mir-regolamenti msemmija aktar qabel.
International Institute on Ageing — fondi mill-gvern
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu l-fondi tal-gvern għall-International Institute on Ageing (United Nations - Malta) f'dawn is-snin: 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?
Response (BORG, TONIO)
L-fondi tal-Gvern għall-International Institute on Ageing (United Nations-Malta) kienu :
2007 Lm 79,900
2008 € 186,000
2009 € 186,000
2010 € 186,000
2011 € 186,000