Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – feedback dwar is-servizz tal-pulizija

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 1) kien li ser jisma’ u jieħu feedback mill-pubbliku dwar is-servizz tal-pulizija, jista’ l-Ministru jgħid kif ħa feedback mingħand il-pubbliku u jekk implimentax xi forma ta’ pjattaforma fejn il-pubbliku jista’ jibgħat dan il-feedback?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu il-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu. Dwar l-għan numru wieħed tal-istrateġija, il-Korp tal-Pulizija huwa kommess li jiġbor rendikont mingħand il-pubbliku ta’ kif dan qed jiġi kontinwament moqdi. Dan isir b’diversi modi. Fosthom billi jagħmel użu kontinwu tal-pjattaformi diġitali kollha sabiex jikseb dan ir-rendikont. Permezz tal-media soċjali, fosthom bis-saħħa tal-Facebook Page tiegħu, il-Korp jistà jsegwi l-kummenti u reazzjonijiet tal-pubbliku fuq il-materjal li jiġi pubblikat. Ukoll, isir użu mis-servizz tal-messenger, li ġie estiż u jkopri erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Hawn wieħed jistà jieħu dak ir-rispons instantanju rikjest. Il-korp juża ukoll il-website tiegħu, fejn wieħed jista’ jħalli kumment, messaġġ jew ilment. Dawn il-messaġġi jiġu proċessati kuljum mid-dipartiment tal-Komunikazzjoni. Il-pubbliku għandu ukoll il-faċiltà li jissottometti id-domandi, apprezzament jew ilmenti tiegħu anke permezz tal-imejl ġeneriku pulizija@gov.mt fejn ukoll jiġu proċessati kontinwament mill-istess dipartiment. Sal-aħħar ta’ din is-sena, ser tkun qiegħda tiġi implimentata sistema fejn wara li l-pubbliku jiġi moqdi mill-Korp tal-Pulizija, jkun jistà permezz ta’ QR code, iħalli rispons tiegħu fuq stħarriġ qasir, bl-għan li s-servizz tal-Korp lejn il-komunità ikompli jitjieb. Apparti dan, minn żmien għal żmien il-Korp tal-Pulizija jikkummissjona stħarriġ pubbliku sabiex jifhem aħjar il-perċezzjoni tal-poplu dwar l-operat tiegħu, bil-għan li s-servizz offrut ikun dak mistenni mill-poplu Malti u Għawdxi.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – Quality Service Charter Document

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 1) kien li ser jibda proċess biex isir Quality Service Charter Document bil-għan li s-servizz tal-pulizija jkun iktar immirat biex jaqdi ċ-ċittadin, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan id-dokument tlestiex? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Medja tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu il-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu. Dwar l-għan numru 1 tal-istrateġija, waħda mill-inizzjattivi b’referenza għall-mistoqsija ta’ l-Interpellant tgħid hekk “Seek a Quality Award for the Service Provided”. Il-Korp tal-Pulizija ilu għal dawn l-aħħar xhur f’diskussjonijiet mal-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Prinċipali, fejn ġie identifikat proċess ta’ servizz partikolari u sensittiv, offrut mill-Korp, u speċifikament dak tal-Gender Based Domestic Violence Unit (GBDV), li ġie mwaqqaf f’Settembru 2020 u qed jagħti servizz speċjalizzat u professjonali lil dawk il-vittmi vulnerabbli u l-familji tagħhom. Min-naħa tal-Korp ġie sottomess l-interess formali biex jinbeda dan il-proċess tal-Quality Award. Il-proċess tal-Quality Service Charter huwa parti minn dan il-proċess li jibda jitfassal meta l-proġett ikun fi stadju aktar avvanzat. Minbarra dan il-proġett, il-Korp huwa kommess li jibqa' jtejjeb f’kull livell, is-servizzi kollha offruti kif mistenni mill-komunitajiet kollha li nservu, kif diġà ntqal fir-risposta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 3963.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – performance targets

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 2) kien li jibdew isiru “performance targets” fuq kull sezzjoni tal-pulizija u li l-għan ta’ dawn it-targets huwa li l-pulizija jkunu iktar responsabbli u “accountable”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-“performance targets” sarux fid-diversi sezzjonijiet tal-pulizija? Jista’ jgħid dawn kif jinħadmu? Hemm xi dokument li jispjega dan? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu il-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu. Kif jindika t-titlu, l-istrateġija tat-trasformazzjoni, hi intenzjonata li tiġi attwata fuq firxa ta’ żmien li twassal sas-sena 2025. Kif ġie indikat fi tweġibiet oħra, diġà sar ħafna xogħol fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Fejn jirrigwarda l-għan strateġiku 2, speċifikalment li jiġu żviluppati key perfomance indicators (KPIs) għad-dipartimenti varji tal-Korp, il-proċess qiegħed fil-fażi li jiġi konkluż u dan b’assistenza mir-Renju Unit.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – rapporti u statistiċi dwar il-performance tal-pulizija

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 2) kien li ser jibda jippubblika numru ta’ rapporti u statistika dwar il-performance tal-pulizija f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ir-rapporti ġewx ippubblikati fuq il-website tal-pulizija Maltija? Jekk iva, f’liema sena ġew ippubblikati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi mplimentata fuq ħames snin. Sallum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u mplimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu il-Korp digà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu. Kif jindika t-titlu tal-istrateġija tat-trasformazzjoni, din intenzjonata li tiġi attwata fuq firxa ta’ żmien li twassal sas-sena 2025. Kif irapportat fi tweġibiet oħra, diġà sar ħafna xogħol fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Rigward l-għan strateġiku 2, speċifikalment li jiġi żviluppati key perfomance indicators (KPIs) għad-dipartimenti varji tal-Korp u li dawn jiġu ppublikati, kif intqal iktar kmieni, dan il-proċess għadu fil-fażi li jiġi konkluż. Madanakollu l-Korp tal-Pulizija xorta jfittex li jagħmel aċċessibli għall-pubbliku ix-xogħol kollu li jsir. F’dan ir-rigward fuq bażi regolari, il-Korp jippubblika diġitalment, dawk ir-riżultati li jkunu nkisbu mid-dipartimenti varji u ċioè l-arresti, persuni imressqa il-qorti, kif ukoll ir-rondi li jsiru.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – miżuri ta’ quality control

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 2) kien li ser jimplimenta miżuri ta’ “quality control” madwar il-Korp tal-Pulizija, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-proċeduri u miżuri ta’ quality control ġewx implimentati fis-sezzjonijiet kollha tal-Korp? Jekk iva, kif qed jiġu implimentati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi mplimentata fuq ħames snin. Sallum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u mplimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu il-Korp digà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu. Dwar l-għan numru tnejn tal-istrateġija, il-Korp tal-Pulizija ħa ħsieb jirrimudella l-Internal Affairs department tiegħu għal-wieħed ta’ Professional Standards. Dan id-dipartiment flimkien mad-dipartiment tal-Internal Audit huwa inkarigat li jara li jinżamm l-ogħla livell ta’ kwalita fil-Korp kollu. Minn barra dawn tnedew numru sostanzjali ta’ Policies u Standard Operating Procedures li joħolqu livell ta’ operat, li sfortunatament ma kienux jeżistu qabel. Dawn il-Policies u l- SOPs, jirregolaw diversi oqsma fl-operat tal-korp, minn dak operattiv, bħal- Policies fuq l-Użu tal-Forza u dawk li jikkontrollaw il-mod kif jintużaw l-armi u l-apparat ieħor tal-korp; u dawk amministrattivi, bħal Policies dwar il-Procurement. F’Novembru tas-sena 2020, wara tmintax (18) il-sena mill-aħħar verżjoni tiegħu, ġie mniedi Kodiċi tal-Etika aġġornat li jkopri dawk il-valuri u objettivi mistennija minn kull uffiċjal tal-Korp tal-pulizija. Kif diġa intqal tnediet ukoll Policy ta’ Kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni minn Membri tal-Korp, u għal-ewwel darba ħolqot il-Kariga ta’ Uffiċjal tal-Integrita’, responsabbli mill-Integrita tal-Membri tal-Korp u li għandu is-seta’ jieħu rapporti kunfidenzjali u anonimi. Din il-proċedura waslet saħansitra għal-emendi fil-Liġi u cioe’ il-Kap 164, l-Att Dwar il-Pulizija, li daħlu fis-seħħ b’Avviż Legali 292 tat-2020. Kif indikat fi-tweġiba ohra, il-Korp nieda Policy (POL-DRG) li tirregola l-iscreening tal-uffiċjali tal-Pulizija għal-użu tad-droga, kif ukoll għal-stat ta’ sokor, waqt il-ħin tax-xogħol. Dawn kollha, kienu miżuri, ferm effettivi, maħruġa b’viżjoni waħda, li tittejjeb il-kwalità tas-servizz lejn iċ-ċittadin, għall-waħda iktar professjonali milli qatt kienet. Fl-istess ħin kull uffiċjal li jħaddan grad ta’ supervisor għandu l-obbligu li jara li l-policies u l-SOPs tal-Korp jiġu segwiti, fuq livell ta’ organizzazzjoni u permezz tal-Professional Standards, il-Korp kontinwament jara li dawn jiġu tassew prattikati. Mill-banda l-oħra, l-Internal Audit Office jagħti sehmu sabiex jelenka żoni fejn tkun tista’ tittejjeb il-kwalità tas-servizz jew tal-proċessi addottati u sussegwentement jassisti wkoll fl-iżvilupp ta’ dawn il-proċeduri.

Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri – kuntratt tal-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kopja tal-kuntratt mitlub minn l-Onorevoli Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – Kap Eżekuttiv – kuntratt tal-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kopja tal-kuntratt mitlub minn l-Onorevoli Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u l-Manwal tal-Proċeduri tal-Kabinett

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u l-Manwal ta’ Proċeduri tal-Kabinett ippubblikati f’Awwissu 2014 inbidlux jew ġewx emendati? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tal-aktar kodiċi u manwal reċenti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u l-Manwal tal-Proċeduri tal-Kabinett

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li skont il-Manwal ta' Proċeduri tal-Kabinett, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu d-dritt li jappunta 8 konsulenti? Jekk jikkonferma dan, jista' jgħid kif l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jimpjega 10 konsulenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor . Interpellant li l-konsulenti li jagħmel referenza għalihom huma impjegati skont il-manwal relevanti. Nistiednu jara 7.7.4 u 7.6.1 tal-manwal li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru 184.

Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis — indirizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed topera bħalissa l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis (ARUP) u jagħti l-indirizz? Jista’ jgħid jekk il-post inkeriex, minn meta u jekk inħarġitx sejħa għall-offerti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis (ARUC) topera mill-Marsa u l-indrizz hu, 4th Floor, Onda Buildings, Triq Aldo Moro, Marsa. Peress li fl-istess binja kien hemm diġà sular li kien mikri lill-istess Ministeru li kienet taqa’ taħtu l-ARUC (bażikament il-Human Right Directorate), kien għaqli li jinkera sular ieħor peress li s-servizzi kollha tal-IT, apparti affarijiet oħra, kienu diġà lesti f’posthom. Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta’ Qali – dawl fit-toroq

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid għaliex huma biss it-toroq ta’ biswit l-istadium ġewwa Ta’ Qali li huma mdawla? Peress li ż-żona minn fejn il-mini aircraft fieldsal-bidu ta’ Ta’ Qali, li hija żona frekwentata minn persuni li jmorru jimxu jew jiġġoggjaw, hija kompletament mudlama, tista’ l-Ministru tgħid meta ser tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li biex l-Enemalta tistalla dwal ġodda fit-toroq irid ikollha talba speċifika minn min ikun responsabbli mit-triq inkwistjoni. F’dan il-każ l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba. Dawn it-toroq ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ xi entità jew dipartiment li jagħmlu parti mill-Ministeru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża.

Breathalyser tests

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test huwiex kapaċi jiddetermina jekk il-persuna li tkun wettqet dak it-test hijiex taħt l-influwenza tad-droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test, jiddetermina jekk il-persuna li wettqet dak it-test tkunx taħt l-influwenza tal-alkoħol u mhux droga.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – sejħa għal Assistance and Rescue Officers

Question

Wara li f’Jannar 2022 kienet ħarġet sejħa biex jiġu maħtura Assistance and Rescue Officers fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw nies u f’liema stasdju waslet din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm 547 applikazzjoni u li għaddej il-proċess dwar l-eliġibbiltà tal-applikanti.

AWAS — ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadhiex taħdem fl-AWAS? Kemm ilha taħdem hemm, x’inhu r-rwol tagħha u xi kwalifiki għandha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-persuna riferuta minnek hija impjegata tal-Engineering Resources Limited wara li ssieħbet f’entità oħra statali li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tagħha ġew trasferuti lil ERL, fl-2016. Wara ġiet assenjata mal-AWAS, bl-istess mod li ġew assenjati ħaddiema oħra mill-ERL ma’ diversi entitajiet statali. Għaldaqstant ma tgawdix mill-ftehim kollettiv tal-AWAS.

Inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-aħħar ta’ Awwissu 2022? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2534.

Ħruġ ta’ Schengen C Visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu Schengen C Visas kull xahar matul is-sena 2020 u matul is-sena 2021? Minn liema pajjiżi kienu l-applikanti? Kemm kien hemm applikazzjonijiet li ġew rifjutati? Kemm kien in-numru ta' persuni li waslu f’Malta mingħajr visa u ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura mill-port u mill-ajruport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qed jiskontaw piena ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ persuni li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija qed jiskontaw piena ta’ ħabs ġewwa l-Facilità Korrettiva ta’ Kordin? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jagħti lista tan-nazzjonalitajiet ta’ dawk il-barranin li qed jiskontaw piena ta’ ħabs?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ persuni li qed jiskontaw sentenza ġewwa l-Faċilità Korrettiva huwa ta’ 339 li minnhom, 219 huma Maltin filwaqt li 120 l-oħra huma ta’ nazzjonalità barranija. Din hija l-lista tan-nazzjonalitajiet li qed jiskontaw piena ta’ ħabs: Malta, Bangladesh, Belġju, Brażil, Burkina Faso, Chad, Eġittu, Eritrea, Etiopja, Gambja, Georgia, Ghana, Guinea, Olanda, Ungerija, Irlanda, Iran, Italja, Libja, Latvja, Mali, Marokk, Niger, Niġerja, Pakistan, Palestina, Panama, Perù, Polonja, Rumanija, Somalja, Spanja, Serbja, Sudan ta’ isfel, Sirja, Togo, Tuneżija, Renju Unit, Stati Uniti, Veneżwela u Zimbabwe.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qegħdin fuq arrest preventiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ persuni li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija qegħdin fuq arrest preventiv fi ħdan il-Facilità Korretiva ta’ Kordin? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jagħti lista tan-nazzjonalitajiet ta’ dawk il-barranin li qegħdin fuq arrest preventiv?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ persuni li qegħdin fuq arrest preventiv huwa ta’ 221 persuna, 79 ta’ nazzjonalità Maltija u 142 ta’ nazzjonalità barranija. In-nazzjonalitajiet ta’ dawk barranin li qegħdin fuq arrest preventiv huwa: Malta, Afganistan, Albanija, Arġentina, Ażerbajġan, Bangladesh, Brażil, Bulgarija, Chad, Kolumbja, Kroazja, Repubblika Ċeka, Danimarka, Eġittu, Eritrea, Etjopja, Franza, Gorġja, Ghana, Greċja, Olanda, Ungerija, Indja, Italja, Kosta tal-Ivorju, Libja, Litwanja, Mali, Maċedonja, Moldova, Montenegro, Niger, Niġerja, Pakistan, Palestina, Filippini, Polonja, Repubblika Domenikana, Rumanija, Senegal, Somalja, Spanja, Serbja, Sri Lanka, Sudan, Suriname, Seychelles, Sirja, Ukrajna, Venezeula u Vietnam.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, inkluż nies pajżana, u jagħti dettalji dwar il-varji karigi ta’ dawn il-persuni li jaħdmu fi ħdan il-Faċilità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ nies jaħdmu mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jlaħħaq l-457 persuna li jinkludu 13-il impjegat tal-FSWS assenjati mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Il-kariga huma maqsuma hekk: Amministrativi, Finanzjarji, Project Management, Edukazzjoni u reintegrazzjoni, qasam mediku (li jinkludi psikjatrija u psikoloġija), social workers, uffiċjali korrettivi, ħaddiema legali, ħaddiema fil-qasam tal-parole, komunikazzjoni u HR.