Bastiment P71 — Spiża għax xiri tad-diesel għal-generator
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża għax-xiri tad-diesel tal-generator li qed jintuża għall-bastiment P71 għas-sena 2023?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Forzi Armati ta' Malta għaddejja bil-proċess biex tkun installata shore to ship permezz ta’ substation, u li din għandha titlesta fi ftit ġimgħat oħra. Infurmat li fejn irri¿ulta dewmien mill-kuntrattur, il-FAM weħlitu l-penali. L-ispiża ta’ diesel li ntefqet matul is-sena 2023 kienet ta’ Euro 262,909.34. Dan l-ammont huwa simili għal dak li ser ikun jintefaq bl-introduzzjoni tas-shore to ship. Shore to ship ser jkun aktar sostenibli b'inqas tniġġiż.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fis-sena 2023 li fihom weġġgħu n-nies? Kemm minn dawn l-inċidenti kellhom konsegwenzi fatali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew fis-sena 2023 u li fihom weġġgħu n-nies kienu ta’ elf, tlett mija u disa’ u tmenin (1,389). Dan l-ammont jinkludi kemm ġrieħi ħfief, u anke ġrieħi serji. Min dawn kien hemm tlettax (13) -il inċident fatali, li fihom kien hemm erbatax (14) -il vittma.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lill-LESA u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għall-mistoqsija 13370 u ġaladarba f’din il-mistoqsija qiegħed jintalab li jiġu mogħtija r-raġunijiet, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa mill-kariga tiegħu u safa trasferit għall-Ministeru ieħor?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lill-Awtorità għat-Trasport u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa mill-kariga tiegħu u safa trasferit għall-Ministeru ieħor?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Bastiment P-71 – Xogħol ta’ salvataġġ ġewwa l-Libya
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ntużax il-bastiment P-71 sabiex twassal membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) biex jagħmlu xogħol ta’ salvataġġ ġewwa l-Libya u minflok intuża l-bastiment P-61?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-missjoni ta' salvataġġ bla preċedent ġewwa Derna fil-Libja kienet waħda konġunta bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta' Malta, fejn dawn il-ħaddiema miż-żewġ korpi dixxiplinanati kienu preparati fi ftit siegħat sabiex jassistu poplu ġar tagħna f'mumenti l-aktar diffiċli, fejn Malta rrispondiet b’assistenza umanitarja mmedjata. It-tim Malti kien jinkludi 31 ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili fosthom infermiera, 12-il membru tal-Forzi Armati ta’ Malta li jinkludu tabib, infermiera u 30 suldat ieħor li jiffurmaw l-ekwipaġġ tal-offshore patrol boat. Infurmat illi l-ekwipaġġ tal-lanċa P71 fil-preżent għaddej b'taħriġ estensiv fuq l-istess lanċa.
Bastiment P-71 – Tender biex jiġi fornut id-diesel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħariġx tender biex jiġi fornut id-diesel għall-generator li qed jintuża għall-bastiment P-71 u jekk dan id-diesel li jinxtara huwiex issussidjat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li nħareġ tender u li l-ebda sussidju ma japplika f’dan it-tender.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ tali servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tirċievi assistenza legali mill-Avukat tal-Istat u wkoll għandha kuntratt għal servizz legali ma’ Mifsud Advocates. Għal dan is-servizz l-Aġenzija tħallas €30.00 fis-siegħa sa massimu ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u x’inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ tali servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jagħmel użu mill-għajnuna legali provduta mill-Avukat tal-Istat.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed joffri servizzi legali lil-LESA u x-inhuma l-kundizzjonijiet/remunerazzjoni li tingħata għall-għoti ta’ dawn is-servizzi legali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12615 fl-intier tagħha u jgħid hux qed jintefqu madwar 1,300/1,400 diesel kuljum?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-konsum ta’ diesel meta l-lanċa tkun imqabbda mal-generator ikun ta’ madwar 1,150 kuljum, li bejn wieħed u ieħor huwa ekwivalenti għall-ammont ta’ elettriku kkunsmat meta l-lanċa tkun imqabbda mas-sistema tas-shore supply.
Detention Services Agency — Rata ta’ paga għad-detention services
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Detention Services Officers fi ħdan id-Detention Services Agency li matul is-sena 2022, il-paga tagħhom bl-allowances u l-overtime, telgħet għal aktar minn €3,000 fix-xahar? Jista’ jgħid ukoll f’liema shift ħadmu u l-lokalitajiet fejn jgħixu dawn l-istess ħaddiema?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illli tul l-2022 kien hemm tnax-il persuna fil-grad ta’ Detention Services Officer li kellu minn tal-anqas paga waħda li meta żżid l-allowances u l-overtime laħqet it-3,000Eur. Il-lokalitajiet li jgħixu fihom dawn il-persuni huma: Is-Siġġiewi, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Marsascala, l-Imqabba, St Venera, Birkirkara, Gżira, l-Birgu u Ħal Kirkop.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex ma jitkomplewx jintbagħtu suldati Maltin sabiex isegwu korsijiet ġewwa Curragh fl-Irlanda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta għandha relazzjoni kollaborattiva mal-Forza tad-Difiża Irlandiża. Preżentament, il-programm ta’ taħriġ tal-uffiċjali kadetti Maltin ma ġiex imġedded minħabba reviżjonijiet interni u limitazzjonijiet fil-Forza tad-Difiża Irlandiża. Madanakollu, l-FAM għadha tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ barra l-pajjiż għall-kadetti ma’ msieħba oħra barranin. Barra minn hekk, il-FAM għandha appoġġ kontinwu mill-Forza tad-Difiża Irlandiża f’forma ta’ taħriġ u korsijiet alternattivi. Ukoll, il-FAM għandha 25 Membru li bħalissa qed jattendu taħriġ barra ‘l pajjiż, fosthom fl-Italja, fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti tal-Amerika. Matul din is-sena 134 suldat ħadu taħriġ b’mod prinċipali fl-imsemmija pajjiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati Maltin li qed isegwu korsijiet barra minn Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-postijiet fejn dawn is-suldati qed jintbagħtu biex isegwu dawn il-korsijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat l-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa għandha 25 membru li qed jattendu taħriġ barra minn Malta fosthom l-Italja, l-Irlanda, l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerika. Mill-bidu tas-sena sallum, in-numru addizzjonali ta’ membri tal-FAM li ħadu taħriġ jew ipparteċipaw f'eżerċizzji barra l-pajjiż jammonta għal 134. Dawn saru f’bosta pajjiżi bil-parti l-kbira minnhom isiru l-Italja, l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerika.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12616 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid kemm ġiet tiswa l-yacht mixtrija minn Yachting Malta li ngħatat l-isem ta’ “Viva Malta”? Jista’ jgħid ukoll għaliex din tħalliet mitluqa ġewwa boat yard fil-Marsa, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u ma ntużat qatt?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- Yacht "Viva Malta" ġie mixtri €344,292 (US $ 390,000) u kien qiegħed f'yard fil-Marsa fejn sarulu xi xogħolijiet biex jiġi preparat għat-tlielaq. Bħalissa għaddejjin preparamenti sabiex jibda it-taħriġ tal-ekwipaġġi li ser itellqu dan il-Yacht. Sadanittant ninforma li il-Yacht m’għadux fil-boatyard msemmija iżda jinstab sorġut fil-Marina Creek f'Ta Xbiex. Huwa ppjanat li l-Yacht jibda jieħu sehem fit-tlielaq fl-2024.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12195 fl-intier tagħha u jgħid x’inhuma r-reati li jinsabu akkużati bihom is-suldati li jinsabu sospiżi mill-qadi ta’ dmirijiethom minħabba li għandhom proċeduri pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi hemm proċeduri kriminali ta’ delitt pendenti quddiem il-Qrati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12196 fl-intier tagħha u jgħid x’inhuma r-reati li jinsabu akkużati bihom il-pulizija li jinsabu sospiżi mill-qadi ta’ dmirijiethom minħabba li għandhom proċeduri pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-akkużi huma relatati ma’ vjolenza domestika, abbuż/pussess/traffikar ta' droga, frodi għad-detriment tal-Gvern, użu ħażin tal-komputer, serq, misapproprijazzjoni, mewt involontarju, offiżi fuq persuni aggravat jew motivat fuq bażi ta' razza jew kulur, vjolenza razzjali, feriti gravi u falsifikazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12197 fl-intier tagħha u jgħid x’inhuma r-reati li jinsabu akkużati bihom il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li jinsabu sospiżi mill-qadi ta’ dmirijiethom minħabba li għandhom proċeduri pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li huma proċeduri marbuta ma’ vjolenza domestika.