Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta – Lista ta’ Proġetti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15771, jista’ l-Ministru jwieġeb is-segwenti mistoqsijiet għall-proġetti li qegħdin isiru bħalissa minn Infrastructure Malta u li huma msemmija fit-tweġiba; i. meta beda l-proġett; ii. meta kien proġettat li kellu jispiċċa; iii. kemm kien hemm flus budgeted għalih u; iv. kemm fil-fatt ġie jiswa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Toroq – Kostruzzjoni u manteniment – tnaqqis fuq in-nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kien hemm tnaqqis ta’ €20 miljun fuq in-nefqa għall-kostruzzjoni u manteniment tat-toroq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-budget allokkat għall-manutenzjoni tat-toroq għall-2024 jirrifletti r-rieda ta’ dan il-gvern biex ikompli jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż, infrastruttura essenzjali biex tilqa’ għal żvilupp ekonomiku b’saħħtu bla preċedent. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fl-2023 kellna numru rekord ta’ proġetti kapitali kofinanzjati minn fondi Ewropej li mmaturaw u ġew fi tmiemhom. L-allokazzjoni finanzjarja għall-2024 tirrifletti dan.

Proġett EcoHive – Art li ser tintuża

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ser ikun qed jokkupa spazju l-Proġett tal-EcoHive u kemm mill-art li ser tkun qed tintuża għal dan il-proġett, hija art agrikola?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13686 tat-XIII-il Leġiżlatura.

Direttorat għad-Disinn ta’ Proġetti u l-Inġinerija – Taqsima tad-Disinn Strutturali – Ħaddiema

Question

Fid-dawl li t-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15758 kienet tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 15757, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu ġewwa t-Taqsima tad-Disinn Strutturali fi ħdan id-Direttorat għad-Disinn ta' Proġetti u l-Inġinerija u x’inhuma l-gradi li tali ħaddiema għandhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ħames persuni jaħdmu fit-Taqsima tad-Disinn Strutturali fi ħdan id-Direttorat għad-Disinn ta’ Proġetti u l-Inġinerija. Il-gradi li tali ħaddiema għandhom huma: · Chief Architect & Civil Engineer · Architect & Civil Engineer · Graduate Architect & Civil Engineer

Liċenzji għal armi tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kellhom liċenzja ta’ arma tan-nar fis-segwenti kategoriji sal-31 ta’ Diċembru 2023: i. Target Shooter A; ii. Target Shooter A-Special; iii. Collector A; iv. Collector A-Special; v. Target Shooter B Shot Gun; vi. Target Shooter B Airgun; u vii. Liċenzja RCO? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm armi tan-nar liċenzjati Malta u dan sal-31 ta’ Diċembru 2023 fil-kategoriji fuq msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ armi tan-nar liċenzjati Malta sal-31 ta’ Diċembru 2023, fil-kategoriji ndikati fil-mistoqsjia kienu kif jidher fil-lista ma’ din it-tweġiba. Infurmat li liċenzji maħruġa lill-Range Conducting Officers (RCO), mhumiex marbuta ma’ armi u min hu liċenzjat hekk, jista’ ma jkollux armi. i. Target ‘A’ 41621 ii. Target ‘A’ Special 46998 iii. Collector ‘A’ 14416 iv. Collector ‘A’ Special 10336 v. Target ‘B’ shotgun 55100 vi. Target ‘B’ airguns 55066 vii. Range Conducting Officer (RCO) Nil

Persuni liċenzjati bħala kaċċaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma liċenzjati bħala kaċċaturi u dan sal-31 ta’ Diċembru 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ persuni li kienu liċenzjati bħala kaċċaturi sal-31 ta’ Diċembru 2023, kien kif indikat hawn taħt. Infurmat illi persuna jista’ jkollha aktar minn liċenzja tal-kaċċa waħda: Tip ta’ liċenzja Numru ta’ persuni liċenzjati Kaċċa fuq l-art 9597 Kaċċa fuq il-bahar 284 Kaċċa tal-fenek 3162

Persuni li siefru b’armi tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li fis-snin 2021, 2022 u 2023 applikaw biex isiefru u jieħdu magħhom arma tan-nar u jaqsam dawn il-figuri sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni applikaw sabiex isiefru permezz tal-ajru u kemm minnhom talbu awtorizzazzjoni biex isiefru bil-baħar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2021, 2022 u 2023, in-numru ta’ persuni li applikaw mal-pulizija biex isiefru u jieħdu magħhom arma tan-nar, kienu kif indikat fit-tabella riprodotta hawn taħt. Ma tinżammx data ta’ kemm minn dawn il-persuni siefru permezz tal-ajru jew bil-baħar. Id-destinazzjoni ta’ dawn il-persuni kienet kollha barra mill-Unjoni Ewropeja. Persuni li jsiefru bl-armi fi Stati tal-Unjoni Ewropeja, jagħmlu dan bl-użu tal-EU Firearms Pass. Sena Numru ta’ Permessi 2021 62 2022 237 2023 500

Proġett EcoHive – Applikazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16326, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilha u tgħid f’liema stadju qiegħda l-applikazzjoni għall-permess tal-proġett EcoHive?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett EcoHive huwa magħmul minn numru ta’ impjanti differernti li flimkien se jwasslu biex f’pajjiżna tabilħaqq ikollna qabża ta’ kwalità fil-qasam tal-ekonomija ċirkulari. Dawn jinkludu l-Waste-to-Energy Plant u l-iSkip Management Facility, li diġà huma koperti b’permess ta’ żvilupp; l-Organic Processing Plant, li qiegħed fi stadju ta’ applikazzjoni; u t-Thermal Treatment Facility fejn s’issa ġie sottomess Project Description Statement lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Proġett EcoHive – Fondi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16327, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet referuta lilha u tgħid kemm ser jiswa l-proġett EcoHive u kemm minn dan l-ammont ser ikun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont totali tal-proġett Ecohive huwa stmat li se jammonta għal nefqa kapitali ta' €500 miljun. Mill-impjanti kollha, l-Impjant tal-Ipproċessar Organiku huwa ppjanat li jkun kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea u dan huwa stmat li se jiswa €75 miljun.

Marsaxlokk – Housing Estate – Provvista ta’ dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Infrastructure Malta tagħmel xi proġett fil-Housing Estate ta’ Marsaxlokk relatat mal-mod ta’ provvista ta’ dawl f’dan il-Housing Estate?

Response (BONETT, CHRIS)

Infrastructure Malta hija kommessa biex tkompli ttejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin billi tkompli tinvesti fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Madanakollu nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari 16330 lill-Ministeru kkonċernat.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’dawk it-toroq kollha li sarilhom xi xogħol fis-sena 2023 imma kellhom jerġgħu jinqalgħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lill-Onor. Interpellant li huwa kumpless biex wieħed jestrapola din l-informazzjoni peress li d-‘data’ tal-permessi tinkorpora bosta interventi li jvarjaw minn kostruzzjoni ta’ triq totalment ġdida jiġifieri li kienet għalqa u saret triq, jew triq li reġgħet ġiet asfaltata sa trinka privata għal servizz ġdid tad-drenaġġ jew servizz tal-ilma. Għalhekk, jekk l-Onor. Interpellant ikun speċifiku għal triq jew toroq partikolari, Transport Malta tkun tista’ tagħti tali informazzjoni li għandha.

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fi ħdan id-Direttorat imsejjaħ Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u x’inhuma l-gradi li tali ħaddiema jokkupaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tmienja u erbgħin persuna jaħdmu fit-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Il-gradi li tali ħaddiema għandhom huma: · Head · Chief Architect and Civil Engineer · Architect and Civil Engineer · Junior Architect and Civil Engineer · Graduate Architect and Civil Engineer · Operations Manager · ICT & Business Analyst · Manager 1 · Principal Technical Officer · Senior Technical Officer · Technical Officer · Assistant Technical Officer · Senior Foreman · Foreman · Supervisor · Senior Tradesman · Tradesman · Labourer · Principal · Assistant Principal · Senior Clerk · Project Manager (RSSL)

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita – Funzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-funzjoni tat-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lil-funzjonijiet tat-Taqsima Kostali u tal-Ilma tax-Xita fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huma: · Id-disinn u l-implementazzjoni ta’ proġetti għall-protezzjoni tal-kosta; · Il-manutenzjoni ta’ infrastruttura għall-protezzjoni tal-kosta; · Ix-xogħlijiet ta’ tiswija ta’ skalli, mollijiet u passaġġi madwar il-kosta; · Il-konsolidazzjoni ta’ blat f’diversi bajjiet f’periklu ta’ kollass minnħabba erożjoni kostali; · Il-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-Proġett Nazzjonali għat-Taffija tal-Għargħar (National Flood Relief Project) li tikkonsisti f’sistema ta’ 11-il kilometru ta’ mini fl-inħawi ta’ Ħal Lija, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida u Ta’ Xbiex; mina oħra ta’ 1.8 kilometri taħt Ħaż-Żebbuġ; mina ta’ 3.2 kilometri taħt Ħaż-Żabbar u parti minn Marsaskala; u kanali tal-ilma fil-Wied ta’ Ħal Qormi u l-Marsa, tul ta’ 3.3 kilometri; · Id-disinn u l-implementazzjoni ta’ proġetti ta’ mitigazzjoni tal-għargħar li jikkonsistu f’netwerks ta’ kanali u ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita; · It-tindif ta’ ġibjuni u strutturi oħra għall-ħażna tal-ilma tax-xita; · Id-disinn u l-implementazzjoni ta’ proġetti ta’ Green Infrastructure u Sustainable Urban Drainage Systems (SuDS).

Infrastructure Malta — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fi ħdan Infrastructure Malta u x’inhuma l-gradi rispettivi li tali ħaddiema jokkupaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan Infrastructure Malta hemm 104 ħaddiema: 1 CEO 2 Exec Dir 7 Unit Heads 7 Senior Managers 16 Architects 3 Trainee Architects 7 Asst Man 6 Clerks 2 Draughtspersons 1 Senior Draughtperson 1 Driver 1 Messenger 1 PA to CEO 7 Field Officers 2 ICT Support Officers 20 Managers 10 QS

Proġett EcoHive — Applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju qiegħda l-applikazzjoni għall-permess tal-proġett EcoHive li huwa propost li jsir fil-landfill tal-Magħtab ħdejn l-inċineratur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett EcoHive – Art li ser tintuża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kbir il-proġett tal-Ecohive u kemm se jkun qed jokkupa spazju? Jista’ jgħid ukoll kemm-il tomna art, li ser tintuża għal dan il-proġett, hija art agrikola?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.