Legislature:
Category:
Reset
Active:

Social Workers fi ħdan il-Kunsilli Lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan serju li jkunu allokati social workers/administrators fi ħdan il-kunsilli lokali biex ikunu qrib ir-residenti ħalli jiġu indirizzati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv il-problemi soċjali tal-familji Maltin u Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm żewġ Kunsilli Lokali, dak tal-Belt u ta’ San Pawl il-Baħar, li daħlu fi ftehim mal-Aġenzija Appoġġ biex tipprovdi servizz ta’ community worker biex jaħdem viċin ir-residenti fuq bżonnijiet li jeżistu ġewwa dik il-komunità partikolari. Il-ministeru, permezz tal-Aġenzija Appoġġ, jkun lest jidħol f’iktar arranġamenti ma’ dawk il-kunsilli lokali li juru interess f’dan is-servizz. Bħalissa, l-Aġenzija Appoġġ, bis-sapport tal-Ministeru, qed tipprovdi servizz ta’ social workers u ta’ community workers f’erba’ lokalitajiet – il-Kottonera, il-Belt u l-Furjana, Birkirkara u l-Qawra (San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba, Qawra u Burmarrad).
Leg 11 PQ #30737 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Santa Venera — Triq il-Ferrovija - restawr ta' torri/barumbara

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar il-ħsara li saret lit-torri/barumbara li tinsab fi Triq il-Ferrovija Santa Venera qabel parti minn Birkirkara, u jekk hemmx xi pjan sabiex dan it-torri jiġi restawrat qabel ma jiġġarraf kompletament u jkun tard wisq? Hemm pjan biex dan it-torri jkun skedat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħala binja fi grad wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-MEPA m’għandiex informazzjoni dwar kif saret il-ħsara lill-binja rurali msemmija li tinsab fi Triq il-Ferrovija illum f’Santa Venera. Il-MEPA qatt ma rċeviet applikazzjoni sabiex din il-binja rurali tiġi restawrata u m’għandha l-ebda informazzjoni storika li tiġġustifika il-proposta għall-iskedar. Il-MEPA qed titlob lis-Supretendent tal-Wirt Kulturali għall-informazzjoni storika fuq din il-binja u l-parir tagħhom dwar skedar.
Leg 11 PQ #30738 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birkirkara — Triq l-Imrieħel - Niċċa tal-Infetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn in-Niċċa tal-Infetti li tinsab fi Triq l-Imrieħel Birkirkara u li hija skedata fi grad wieħed tal-konservazzjoni qed titħalla titmermer, u jekk hemmx pjan biex fil-futur qarib jibda jsir ir-restawr fuq din in-niċċa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li din in-niċċa ser tiġi restawrata permezz ta’ proġett li sejjer iwettaq il-Kunsill Lokali bl-għajnuna ta' fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-European Regional Development Fund. Dan il-proġett ġie approvat u nħarġu t-tenders rigward ir-restawr ta' din in-niċċa. Ix-xogħol fuqha mistenni li jibda f'Jannar li ġej.
Leg 11 PQ #30739 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birkirkara — L-Istazzjoni tal-Ferrovija - vandaliżmu ta' vagun

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex minkejja l-mezzi ta' sigurtà li hemm fl-Istazzjon tal-Ferrovija Birkirkara, il-vagun li hemm f'dan il-ġnien pubbliku qed jisfa kontinwament mira ta' vandaliżmu u jekk hemmx pjan ta' restawr fuq dan il-vagun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li għandu applikazzjoni pendenti għall-fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-European Regional Development Fund sabiex jirriabilita il-ġnien imsemmi. Il-proġett, jekk ikun approvat, mistenni li jinkludi wkoll ir-restawr u l-konservazzjoni tal-vagun. Hekk kif isir dan ir-restawr il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għandu l-ħsieb li jqiegħed il-vagun fi struttura biex ma ssirlux ħsara.

Birkirkara — Triq Kanonku Carmelo Pirotta - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xogħol fuq Triq Kanonku Carmelo Pirotta Birkirkara, minħabba li qed jinħoloq inkonvenjent kbir bil-ħofor li fiha din it-triq u l-ilma li qed jinġema' fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni ta’ dik il-parti tat-triq li hi diġà asfaltata taqa’ taħt ir-responsabbilita tal-kunsill lokali. Rigward il-parti l-oħra, din tkun tista' tiġi kkunsidrata biex issir, meta l-persentaġġ ta’ bini jkun qabeż is-70% li hu benchmark minimu biex triq tkun tista' tinbena.

Birkirkara — Triq Dun Karm Psaila - pjan ta' xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jsir xogħol infrastrutturali fuq ir-roundabout li tinsab fi Triq Dun Karm Psaila Birkirkara biswit Triq Ganu li kontinwament qed tkun kawża ta' ħafna inċidenti stradali u jekk hux qed isir xi studju biex dan il-periklu serju jittaffa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tipprepara l-pjanti u beda l-istudju neċessarju.

Ħal Balzan — Triq il-Wied - problema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet fi Triq il-Wied Ħal Balzan għar-rigward tal-ammont kbir ta' ilma li jgħaddi u jinġabar f'din it-triq, u għar-rigward tat-tappieri tad-drenaġġ li wara kull ħalba xita jinqalgħu minn posthom b'periklu kbir għas-sewwieqa u persuni oħra li jkunu għaddejjin minn din it-triq? Tista' tissolva l-problema tad-drenaġġ li jfur kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri konċernati.

esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika x’kien l-iskop pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza dwar l-Akwist ta’Artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kap 88) wara l-esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta’ madwar 9,295 metru kwadru, li tmiss mil-Lbiċ u mill-Grigal ma' triq pubblika mill-Majjistral ma' proprjetà tal-Kapitolu tal-Katidral tal-Imdina jew irjieħ veruli , kif dikjarata mill-President ta’ Malta fit-8 ta’ Gunju 1990, li ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,809? Kemm swiet l-ispiża globali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Birkirkara — ċimiterju tal-Kolleġġjata ta’ Santa Liena

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni għaċ-ċimiterju tal-Kolleġġjata ta’ Santa Liena Birkirkara? X’qed iżomm milli jinħareġ dan il-permess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-bini ta ċimiterji huwa irregolat mill-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u kull applikazzjoni tiġi proċessata skont ir-rekwiżiti tal-imsemmija liġi. L-Applikazzjoni ndikata fil-Mistoqsija ma kienitx konformi mal-artiklu 136 tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u l-awtorita` ikkonċernata kienet ġiet informata.
Leg 11 PQ #30303 Sitting 411 2011-11-22 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promozzjonijiet tas-Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-promozzjonijiet tas-suldati ta' din is-sena għadhom ma ħarġux, meta dawn suppost kellhom joħorġu tliet xhur ilu? Jista' jgħid meta dawn se joħorġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li bħalissa l-Armata għaddejja bil-proċess annwali tal-assessjar tas-suldati tagħha sabiex ikunu jistgħu jimtlew il-vakanzi eżistenti. Fi tmiem il-proċess il-promozzjonijiet li joħorġu jkunu effettivi b’seħħ mill-ewwel t’Ottubru kif inhuma nfurmati s-suldati permezz tas-Soldiers Career Handbook.
Leg 11 PQ #30312 Sitting 411 2011-11-22 Oral · Interim From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — fizzjali bir-rank ta' Logotenent Kurunell 'il fuq

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: a. Kemm hemm fizzjali bir- rank ta' Logotenent Kurunell 'il fuq fil-Forzi Armati ta' Malta? b. Kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta f'pagi dawn il-fizzjali msemmija hawn fuq mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ċ. Kemm-il karozza hemm allokata għal dawn il-fizzjali? d. Kemm inxtraw karozzi għal dawn il-fizzjali matul dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew jiswew dawn il-karozzi? e. Kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin ittieħdu karozzi mid-Dipartiment tad-Dwana u dipartimenti oħrajn biex jintużaw minn dawn il-fizzjali, ta' liema ditta u x'tip kienu dawn il-karozzi u kemm kienu stmati fi flus meta ttieħdu? f. Kemm intnefqu flus fuq il-manutenzjoni ta' dawn il-karozzi bejn 1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ġ. Kemm inħela fuel mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011 fuq dawn il-vetturi ta' dawn il-fizzjali karozza b'karozza u kemm ġie jiswa dan il- fuel kollu? g. Kemm hemm xufiera allokati ma' dawn il-fizzjali? h. Kemm swew f'pagi dawn ix-xufiera kollha mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ħ. Kemm intnefqu flejjes fuq safar u allowances minn dawn il-fizzjali mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 t'Ottubru, 2011? i. Kemm intnefqu flejjes fuq ikliet, parties jew festini minn dawn il-fizzjali bejn l-1 ta Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #30295 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kanuni ta' tip Bofors — manutenzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilhom ma jiġui maintained il-kanuni tat-tip Bofors speċjalment dawk li hemm stazzjonati għal lest madwar l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u li qegħdin hemm għal skop ta' sikurezza? Jista' jgħid kemm hemm suldati fl-Armata mħarrġin biex jisparaw dawn il-kanuni u kemm qiegħed isir taħriġ fuqhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kanuni tat-tip Bofors li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma kanuni ta’ wara t-tieni gwerra dinjija li l-biċċa l-kbira minnhom tħallew Malta mill-Militar Ingliż filwaqt li ammont ieħor ingħataw bħala donazzjoni mill-Gvern Taljan wara li dawn tneħħew mis-servizz Taljan fil-bidu tas-snin elfejn. It-teknoloġija użata biex tħaddem dan it-tip ta’ kanun, li tgħamel użu mill-valvi sabiex tħaddem l-apparat elettroniku tiegħu, illum saret skaduta allura ma baqax jagħmel sens li jibqa jsir it-taħriġ u investiment fuq l-istess sistema ta’ arma. Huwa l-ħsieb tal-armata li l-quddiem il-kanuni li hemm matul r-runway jiġu rtirati. Fl-armata kollha għad fadal sbatax-il suldat li xi darba kienu mħarrġa fuq l-użu ta’ dan il-kanun. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-suldati qed jiġu mħarrġa f’oqsma oħra tal-armata.
Leg 11 PQ #30296 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — kanuni tat-tip Bofors

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-Forzi Armati ta' Malta għandha kanuni tat-tip Bofors? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn il-kanuni tajbin li jistgħu jintużaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-Forzi Armati ta’ Malta għandha 52 kanun tat-tip Bofors. Minħabba li t-tagħmir elettroniku anċillari tagħhom illum sar skadut kif spjegat f’mistoqsija Parlamentari nru 30295 l-użu tagħhom huwa limitat.
Leg 11 PQ #30297 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promozzjonijiet għal-Logotenent Kurunelli

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif l-ismijiet ta' dawk il-maġġuri li ftit ilu ġew promossi għal-Logotenent Kurunelli kienu diġà magħrufa anke pubblikament u dan qabel ma sar il-proċess tal-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-vakanzi, flimkien mal-kriterji sabiex maġġuri jiġu kkonsidrati jimlew post ta’ Tenent Kurunell fil-FAM kienu mħabbra nhar il-25 ta’ Marzu ta’ din is-sena. L-istess proċess tal-għażla kien ibbażat fuq ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolamenti dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam ma' promozzjonijiet ta’ Uffiċjali jiġifieri li l-vakanzi għandhom jimtlew skont rakkomandazzjoni bażata fuq effiċjenza, anzjanità u għażla biex timtela vakanza. Però ta’ min isemmi li għal post partikolari kien hemm applikazzjoni waħda li minnha nnifisha kien ifisser li kemm il-darba l-kandidat kien ser jinstab idoneu allura kienet ser tkun ħaġa naturali li kien se jimla l-post vakant. L-ismijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru kienu bbażati fuq għajdut. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu provi sabiex jissostanzja dawn l-għajdut, nitolbu jgħaddihomli sabiex nitlob li ssir investigazzjoni kif dejjem għamilt.
Leg 11 PQ #30299 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — proċess ta' għażla trasparenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega xi proċess ta' għażla trasparenti qiegħed jintuża mill-Forzi Armati ta' Malta biex jintgħażlu fizzjali biex jagħmlu xogħol militari barra minn Malta, liema xogħol illum qiegħed jiġi meqjus bħala esperjenza neċessarja u meħtieġa għall-promozzjoni ta' Logotenent Kurunell?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proċess li jintużu biex jntagħżlu fizzjali sabiex jagħmlu xogħol barra minn Malta hu bbażat fuq tlett fatturi prinċipali kif ġej; l-ewwel irid ikun hemm l-istedina uffiċjali sabiex Malta tipparteċipa skont termini stabbiliti in linea mal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna; it-tieni individwu jrid ikun fuq il-lista ta’ voluntieri sabiex iservi barra minn Malta; it-tielet tittieħed deċizjoni bbażata fuq l-esiġenzi tas-Servizz pero li tieħu in konsiderazzjoni fost l-oħrajn il-ħtiġijiet rikjesti, l-anzjanità u d-disponibbiltà tal-fizzjal f’dak il-mument. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-opportunitajiet sabiex fizzjali jservu barra minn xtutna huma relattivament ġodda u għaldaqstant s’issa għad ma kienx possibbli li kull fizzjal voluntier jngħata l-opportunità li jagħmel dan. Il-FAM hi komessa li filwaqt li tibqa tonora l-obbligi internazzjonali tagħha tagħti l-opportunita lill kull fizzjal fuq il-lista ta’ voluntiera sabiex jakkwista din l-esperjenza.
Leg 11 PQ #30300 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — website

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif ingħata kuntratt biex titranġa jew tinbena l-website tal-Forzi Armati ta' Malta meta ġewwa l-istess Forzi Armati hemm nies kwalifikati biex jagħmlu dan f'sezzjoni speċjalizzata fuq dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li lura fl-2008 l-Ufiċċju tal Prim Ministru, li taħtu jaqgħu il-Forzi Armati ta’ Malta, imbarka fuq proġett bil-għan li jaġġorna l-websites kollha tal-Ministeru f’dak li għandu x’jaqsam ma dehra u kontenut fil-waqt li jindirizza kwistjonijiet ta’ duplikazzjoni ta’ riżorsi u informazzjoni inkompleta jew mhux uniformi fil-webistes tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi l-Information Managment Unit fi ħdan il-Ministeru beda jimplementa sistema fuq teknoloġija imsejħa Content Managment System , li fost funzjonjiet oħra tipprovdi għal shared modular resources . Minkejja li fil-Forzi Armati ta’ Malta jeżistu nies imħarrġa f’oqsma varji tal-Infomazzjoni Teknoloġika l-istess Forzi Armati m’għandhomx ir-riżorsi kollha neċessarji sabiex jibnu website fuq l-istandards imsemmija.
Leg 11 PQ #30301 Sitting 410 2011-11-21 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — irranġar ta' website

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid lil min ingħata l-kuntratt biex titranġa jew terġa' tinbena mill-ġdid il-website tal-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għal dan ix-xogħol? Jekk le, għaliex ma ħarġitx tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt biex tinbena mill-ġdid il-website tal-Forzi Armati ingħata lill-kumpanija Alert Communications li hija l-istess kumpanija li kienet inkarigata mill-bini tal-websites l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prim Minsitru kif spjegat f’mistoqsija Parlamentari numru 30300. F’dan il-każ ma ħarġitx tender għaliex il-prezz kwotat kien fil-parametri li seta’ jmur għal direct order skont kif stabbilit fil- Public Procurment Regulations tal 2010. Ta’ min jgħid li l-prezz kwotat seta’ jinżamm baxx minħabba li ħafna modules tas-sistema kienu diġa inkitbu biex jintużaw f’ websites oħra tal-Ministeru.

Assistenti Ġudizzjarji — kuntratt ta' impjieg

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjiegi tal-assistenti ġudizzjarji kollha li jaħdmu abbażi ta' full-time?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Assistenti Ġudizzjarji impjegati full-time fid-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja, kemm f'Malta u kemm f'Għawdex ingħataw il-ħatra ta' Officer, 6 fi skala 7 u 2 fi skala 8 mis-7 ta' Diċembru 2007. Għaldaqstant dawn l-uffiċċjali għandhom grad sostanzjali mas-Servizz Pubbliku u ma humiex impjegati b'kuntratt.
Leg 11 PQ #17394 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tenders posposti jew imwaqqfa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il tender ġie mwaqqaf jew pospost is-sena li għaddiet? Jista' jgħid għaliex ġew imwaqqfa jew posposti dawn it- tenders?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #17398 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Detention services

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inxtara materjal mid-detention service minn meta d-detention service ġie mwaqqaf? Kif inxtara, b'tender jew b'direct order? Lil min ingħata t-tender jew direct order? Fejn qiegħed dan il-materjal li sewa mijiet ta' eluf ta' liri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi kemm ilu mwaqqaf d-Detention Service inxtara materjal kemm b’tender kif ukoll b’direct order. Il-materjal imsemmi huwa elenkat sena b’sena kif deskritt fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.