Legislature:
Category:
Reset
Active:

kamra tan-nar li ngħatat lill-iscouts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetà tal-Kolleġġjata ta' Sant' Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar ħamsin metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi s-sit u strutturi li kienu magħrufa bħala Porzjon 1 “Tal-Qasbi” fil-limiti tal-Iklin u li jinkludu struttura li qabel kienet tintuża bħala kamra tan-nar ingħataw lill-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin b’kirja għal ħmistax-il sena b’effett mit-23 ta’ Lulju 2012. Il-Ftehim tal-Kirja sar wara li fis-seduta tal-Parlament tad-9 ta’ Lulju 2012 kienet approvata unanimament ir-riżoluzzjoni dwar trasferiment ta’ proprjetà lil tlettax-il klabb u assoċjazzjoni li wieħed minnhom kien il-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin.
Leg 11 PQ #36353 Sitting 502 2012-10-01 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati għassa — uniformi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex is-suldati li jagħmlu għassa fuq barra m'għandhomx ilqugħ mix-xemx qawwija tas-Sajf u qed ikunu saħansitra ordnati jilbsu flokk u ġakketta f'dik ix-xemx tiżreġ? Jista' jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dawk is-suldati kollha li jagħmlu xi għassa ġewwa xi wieħed mill-Barracks tal-Armata għandhom permess li jagħmlu l-għassa tagħhom bil-PT vest minflok bil-Combat Jacket għal-perjodu sħan tas-Sajf. Dawk li minn naħa l-oħra jagħmlu għassa ma’ xi Ambaxxata jew residenzi ta’ Ambaxxaturi jkunu meħtieġa li jilbsu l-combat jacket imxammra b’T shirt minn taħt. F’dan il-każ kull sentry għandu sentry box bħala lqugħ mill-elementi.

kamra tan-nar li ngħatat lill-iscouts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetàtal-Kolleġġjata ta' Sant' Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar ħamsin metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #36355 Sitting 502 2012-10-01 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

suldati — abbuż ta' droga

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni preċiża għar-rigward ta': (i) kemm intbagħtu gunners, lance bombardiers, bombardiers, surgenti, warrant officers I / II, logutenenti, kaptani u maġġuri, għat-testijiet tal-urina biex jiġi iddentifikat jekk kienx hemm abbuż mid-droga illegali; (ii) kemm kien hemm minn dawn li nstabu pożittivi għad-droga u x'rank kellhom/għandhom; u (iii) x'passi ttieħdu fil-konfront ta' min irriżulta pożittiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Armata tikkunsidra l-abbuż ta’ droga mill-membri tagħha bħala offiża serja li hija inkompatibbli mas-servizz militari u li tiddiskredita l-Forza f’għajnejn il-pubbliku in ġenerali. Perjodikament f’dan ir-rigward tiġi ppublikata Ordni Ġenerali fil-units rispettivi biex tfakkar lill-membri kollha li, kull min jew b’ammissjoni jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ informazzjoni jinstab li jkun involut fl-abbuż tad-droga jiġi imkeċċi mill-Forza fl-interess tas-servizz apparti xi piena oħra li jista jngħata hekk kif stabbilit fl-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta. Kull persuna fil-FAM hija suġġetta għal random drug checks fi kwalunkwe żmien tas-sena filwaqt li dawk li ma jagħtux il-kunses għal dawn iċ- checks jiġu mkeċċija b’effett immedjat mill-FAM. Ninsab infurmat li mill-ewwel ta’ Jannar 2012 sal lum intbagħtu tlieta u tletin (33) Gunner, Lbdr (1), żewġ (2) Bumbardiera, żewġ (2) Surġenti u Logutenent (1) sabiex jgħamlu t-testijiet tal-urina biex jiġi identifikat jekk kienx hemm abbuż mid-droga illegali. Minn dawn tlett Gunners instabu pożittivi għad- droga. It-tlieta kellhom is-servizz tagħhom itterminat in linea mal- policy msemmija.

Birkirkara — drenaġġ li jfur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-gvern biex jirranġa l-problema tad-drenaġġ li dejjem ifur għand in-nies meta tagħmel ix-xita fi Triq il-Kbira, Triq il-Vitorja u biswit il-Kappella ta' Sant'Antnin fl-istess inħawi, ġewwa Birkirkara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Birkirkara — drenaġġ li jfur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-gvern biex jirranġa l-problema tad-drenaġġ li jfur fit-toroq u saħansitra fid-djar tal-nies u l-ħwienet meta tagħmel ix-xita fi Triq il-Wied u Triq in-Naxxar, ġewwa Birkirkara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Tneħħija ta' kurċifiss mill-Kamra tar-Rappreżentanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta sar l-attentat u minn min biex jitneħħa l-kurċifiss mill-Kamra tar-Rappreżentanti kif ġie rrapurtat f'ġurnal lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li ma kien hemm ebda intenzjoni jew inizjattiva f'dan is-sens
Leg 11 PQ #36023 Sitting 496 2012-07-02 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Website tal-Forzi Armata ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex is-sit uffiċjali tal-Forzi Armata ta' Malta (http://www.afm.gov.mt) hija biss bil-lingwa ingliża u mhux aċċessibli bil-lingwa Maltija, minkejja li l-lingwa Maltija mhux biss hija lingwa uffiċjali ta' pajjiżna kif rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni ta' Malta iżda hija saħansitra rikonoxxuta ukoll bħala lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab persważ li l-Onorevoli Interpellant japprezza li l-bini ta’ website professjonali jirrikjedi sforz kollettiv minn dawk kollha involuti sabiex iwassal il-messaġġ tal-organizzazzjoni kkonċernata mal-akbar udjenza possibbli. Kien għal dan il-għan li l-Armata ħadet id-deċiżjoni li l-ewwel fażi tal-website tkun bl-Ingliż sabiex is-sit ikun aċċessibbli internazzjonalment u ma jkunx limitat biss għal dawk li jitkellmu bil-Malti. It-tnedija tal-website tal-FAM hija ħolqa f’katina li l-għan aħħari tagħha huwa li jipproġetta x-xogħol tal-armata. Hu ppjanat li l-quddiem is-sit ikollha l-verżjoni Maltija.
Leg 11 PQ #35905 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru tal-Intern

liċenzja tan-nar li għadha ma ħarġitx

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-riżultati tal-eżami tal-Liċenzja B tan-Nar tal-Art/Ajru biex persuni jkunu jistgħu jitilgħu fil-kmamar tan-nar biex jaħdmu n-nar fl-assistenza ta' persuni kwalifikati b'liċenzja A għadhom ma ħarġux meta dawn suppost ilhom li ngħataw lil dawk li poġġew għall-istess eżami?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-karti tal-eżami imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadhom qed ikunu ipproċessati mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. Infurmat ukoll, madankollu, li ħafna minn dawk li applikaw huma fil-preżent diġà detenturi tal-Liċenzja D, u għalhekk diġà qegħdin f’pożizzjoni li jgħinu fil-kmamar tan-nar.

Kalaxlokk — ħaddiema li m'għandhomx nofs ta' nhari

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-ex ħaddiema tal-Kalaxlokk u li llum ġew assensjati u għandhom impjieg f'dipartiment tal-gvern ma jgawdux u mhumiex intitolati għall-istess drittijiet u benefiċċji bħall-ħaddiema tal-gvern oħra u fil-fatt ma jgawdux minn nofs ta' nhari fil-ġranet tas-sajf kif inhuma intitolati ħaddiema oħra fl-istess postijiet tax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema ta’ Kalaxlokk li ġew ingaġġati mal-Malta Industrial Parks, jaħdmu mis-06:00hrs sas-13:00hrs kif irregolat mil-ftehim kollettiv bejn il-General Workers’ Union u Kalaxlokk.
Leg 11 PQ #35385 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru tal-Intern

Santa Venera — Ġnien Romeo Romano - siġar li qed jinqerdu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex is-siġar tal-larinġ li jinsabu fil-Ġnien Romeo Romano ta' Sta. Venera, li hu r-responsabilità tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera qegħdin jitħallew jinqerdu ftit ftit u dan għax il-ħaxix ħażin li ħonoq lil dawn is-siġar issa nixef u għalhekk f dawn il-ġranet sħan jista' jkun ta' periklu minħabba nirien li jistgħu jeqerdu l-istess siġar u l-madwar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li fil-parti pubblika tal-Ġnien Romeo Romano m’hemmx siġar taċ-ċitru. F’Marzu 2012, beda x-xogħol ta’ tirqim tal-burduri (trimming tal-hedges) ta’ Lantana camara u Pittosporum tobira li jinsabu fil-passaġġi ta’ Ġnien Romeo Romano. Fil-Ġnien Romeo Romano sar xogħol ta’ ħrit u tħawwlu diversi xtieli tal-fjuri. Inqata’ wkoll il-ħaxix selvaġġ tal-ġnub tal-madwar u nżabru l- hibiscus u l- bougainvillea li jinsabu fil-passaġġ ta’ kif tidħol mit-Torretta. Għall-aħħar t’April, 2012, beda jinqata’ l-ħaxix selvaġġ li kien hemm fil-ġonna tan-naħa tas-Sienja, ir-Razzett, il-Mużew u n-naħa ta’ fejn hemm il-ġarar tan-naħal ( bee-hives ), fejn ix-xogħol għadu għaddej fuq dawn il-ġarar. Qed isir ukoll tisqija regolari tas-siġar kollha f’dan il-Ġnien u l-ġonna l oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill b’sistema ta’ irrigazzjoni. Wieħed irid jiftakar ukoll illi matul din is-sena x-xita kienet abbundanti u għalhekk tela’ ħafna ħaxix selvaġġ f’perjodu relattivament qasir. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed ikompli jneħħi l-ħaxix selvaġġ li fadal.

Riżultati tal-eżamijiet għal-liċenzja tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu r-riżultati tal-eżamijiet għal-liċenzja tan-nar u jekk dan id-dewmien hux minħabba li hemm xi karti tal-eżamijiet li għadhom ma ġewx ikkoreġuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħruġ tal-liċenzji msemmija hija responsabbiltà tal-Pulizija. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li huwa responsabbli mill-Intern.

Valletta — Spiżerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema data fl-2010, 2011 u 2012 ingħatat liċenzja lil Chemimart Ltd biex topera spiżerija mill-fond 20/21 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Awtorità dwar il-Liċenzjar ma ħarġet l-ebda liċenzja lil Chemimart Ltd fuq il-fond 20-21 Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta.

Ħal Balzan — Triq il-Wied - tappieri li jinqalgħu minn posthom fix-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet fi Triq il-Wied, Ħal Balzan għar-rigward tal-ammont kbir ta' ilma li jgħaddi u jinġabar f'din it-triq u għar-rigward it-tappieri tad-drenaġġ li wara kull ħalba xita jinqalgħu minn posthom b'periklu kbir għas-sewwieqa u persuni oħra li jkunu għaddejjin mit-triq? Tista' tissolva din il-problema tad-drenaġġ li jfur kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-problema ta’ tappieri li jinqalgħu minn posthom meta tagħmel ix-xita, ġejja minn proprjetajiet li għandhom is-sistema tax-xita tal-bjut li hija mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ b’mod irregolari. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tikkontrolla din il-problema se tibdel parti minn main tas-sistema tad-drenaġġ.

rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex possibbli li tinħoloq rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta u lura li titlaq minn dik li kienet qabel il-venda tal-karozza tal-linja 71 u cioè li tgħaddi minn Birkirkara l-parti ta’ Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Blata l-Bajda u tibqa' sejra l-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.31079.

Ħal Balzan — Triq il-Wied - tappieri li jinqalgħu minn posthom fix-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet fi Triq il-Wied, Ħal Balzan għar-rigward tal-ammont kbir ta' ilma li jgħaddi u jinġabar f'din it-triq u għar-rigward it-tappieri tad-drenaġġ li wara kull ħalba xita jinqalgħu minn posthom b'periklu kbir għas-sewwieqa u persuni oħra li jkunu għaddejjin mit-triq? Tista' tissolva din il-problema tad-drenaġġ li jfur kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

art meħuda minħabba estenzjoni ta' fabbrika

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif parti mill-art li ġiet esproprijata b'xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta' madwar 9,295 metru kwadru, li tmiss mil-Lbiċ u mill-Grigal ma' triq pubblika, mill-Majjistral ma' propjetà tal-Kapitolu tal-Katidral tal-Imdina jew irjieħ verjuri li ġiet esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President tat-8 ta' Gunju, 1990, se tinbena fuqha estenzjoni tal-fabbrika tal-Foster Clark, meta din hija żona barra mill-izvilupp u parti mill-area riservata bħala żona ta' rikreazzjoni għall-poplu Karkariż fuq il-ftit art rurali li fadal f'Birkirkara/San Ġwann?Jista' jispjega kif ġie permess dan l-iżvilupp f'żona rurali u li se jeqred diversi siġar tal-ħarrub u ħitan tas-sejjieħ li jeħduna lura għexieren ta' snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern mexa fuq talba tal-Malta Development Corporation (illum Malta Enterprise) tal-10 ta’ Ottubru 1988 sabiex l-art in kwistjoni tiġi esproprijata. Bħalma diġà intqal f’mistoqsija parlamentari 30498, f’Settembru 2011 reġgħet ħarġet Dikjarazzjoni tal-President għall-akkwist tal-istess art wara talba li saret mill-Malta Industrial Parks. Id-Dipartiment tal-Artijiet imexxi kull każ ta’akkwist li jintalab minn dipartimenti jew awtoritajiet tal-gvern li jkollhom l-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli mid-dipartiment jew awtorità li tkun għamlet it-talba tal-akkwist, iżda ma jidħolx fil-mertu tal-permessi li jinħarġu għal kull żvilupp propost. Għaldaqstant, dwar l-aħħar parti tad-domanda, nitlob lill-Onor. Membru li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex possibbli li tinħoloq rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta u lura li titlaq minn dik li kienet qabel il-venda tal-karozza tal-linja 71 u cioè li tgħaddi minn Birkirkara l-parti ta’ Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Blata l-Bajda u tibqa' sejra l-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #30312 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — fizzjali bir-rank ta' Logotenent Kurunell 'il fuq

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: a. Kemm hemm fizzjali bir- rank ta' Logotenent Kurunell 'il fuq fil-Forzi Armati ta' Malta? b. Kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta f'pagi dawn il-fizzjali msemmija hawn fuq mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ċ. Kemm-il karozza hemm allokata għal dawn il-fizzjali? d. Kemm inxtraw karozzi għal dawn il-fizzjali matul dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew jiswew dawn il-karozzi? e. Kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin ittieħdu karozzi mid-Dipartiment tad-Dwana u dipartimenti oħrajn biex jintużaw minn dawn il-fizzjali, ta' liema ditta u x'tip kienu dawn il-karozzi u kemm kienu stmati fi flus meta ttieħdu? f. Kemm intnefqu flus fuq il-manutenzjoni ta' dawn il-karozzi bejn 1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ġ. Kemm inħela fuel mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011 fuq dawn il-vetturi ta' dawn il-fizzjali karozza b'karozza u kemm ġie jiswa dan il- fuel kollu? g. Kemm hemm xufiera allokati ma' dawn il-fizzjali? h. Kemm swew f'pagi dawn ix-xufiera kollha mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011? ħ. Kemm intnefqu flejjes fuq safar u allowances minn dawn il-fizzjali mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 t'Ottubru, 2011? i. Kemm intnefqu flejjes fuq ikliet, parties jew festini minn dawn il-fizzjali bejn l-1 ta Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazjoni mitluba hija kif ġej; A. Fil-Forzi Armati ta’ Malta, li huma komposti minn 1632 ruh, hemm; Brigadier li jokkupa l-kariga ta’ Kmandant Ħames Kurunelli li jokkupaw il-kariga ta’ Deputy Commander kif ukoll ta’ Colonel International Relations; Colonel Administration and Personnel; Colonel Plans Ops and Intelligence; Colonel Procurement and Logs; u Colonel Capabilities and Training Sbatax –il Logotenent Kurunell li jokkupaw il-kariga ta’; Commanding Officer 1 Regiment; Commanding Officer 3 Regiment; Commanding Officer 4 Regiment; Commanding Officer Maritime Squadron; Commanding Officer Air Wing; Commander Detention Services; Staff Officer I Personnel; Staff Officer I Legad; Staff Officer I Land Ops and Intelligence; Staff Officer I Air & Maritime Plans & Ops; Staff Officer I Procuremet; Staff Officer I Estate & Land Logs; Staff Officer I Training; Staff Officer I CSDP; Staff Officer Comms and Info Sys; Staff Officer I Financial Mangement; CFSP/CSDP Attache/Military Representative għall-EUMC fir-Rapreżentanza Maltija lill-Unjoni Ewropea . Aġent Logotenent Kirurgu li jokkupa l-kariga ta’ Principal Medical Officer B. Il-pagi mħallsa lill-għola management tal-Armata, li jikkonsistu f’24 fizzjal, fuq it-tlett snin kienu kif ġej; Sena Ammont 2009 € 650070 sal-31 ta’ Diċembru 2009 2010 € 651465 sal-31 ta’ Diċembru 2010 2011 € 566834 sal-31 ta’Ottubru 2011 C. Fil-preżent dawn l-24 fizzjal jgħamlu użu minn 25 vettura militari liema vetturi jintużaw għal xogħol militari. Ta min jghid li dawn il vetturi ma jintużawx esklussiv minn dawn il-fizzjali, jew fuq ‘details’ relatati ma dawn il fizzjali biss. D. Matul dawn l-aħħar ħames snin l-armata xtrat disa’ vetturi militari ġodda li swew total ta’ € 144000. E. Matul dawn l-aħħar ħames snin l-armata ħadet sitt karozzi użati minn dipartimenti oħra. Id-ditta u t-tip ta’ dawn il-karozzi u kemm kien stmat il-valur tagħhom fis-suq huwa kif ġej; VW Passat €7,600 Panda €1,000 BMW Series 5 €23,000 Fiat Brava €7,919 Renault Megane €7,000 Fiat Uno €1,500 Fiat Punto €3,000 F. Il-manutenzjoni ta' dawn il-vetturi miltari kollha bejn l-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011 kienet ta’ €18280. Ġ. Il-fuel li ntuża mill-1 ta' Jannar, 2009 sal-31 ta' Ottubru, 2011 fuq dawn il-vetturi militari kien kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Ta’ min ifakkar li dawn il-karozzi ma jintużawx esklussivament min dawn il-fizzjali jew fuq ‘details’ relatati biss ma dawn il-fizzjali. G. Kull vettura militari għandha xufier militari u n–numru ta’ xufiera militari li jsuqu dawn il-vetturi kien ta’ 21 fl-2009, 23 fl-2010 u 25 fl-2011. Dawn is-suldati xufiera m’humiex allokati esklussivament ma’ dawn il-fizzjali u jintużaw fejn meħtieġ għal xogħol militari li jkun hemm bżonn. H. Il-pagi mħallsa lix-xufiera militari tul it-tlett snin imsemmija kien jammonta għal €882.390. Ħ. L-ispejjeż minfuqa inkonnessjoni mas-safar uffiċjali militari ta’ dawn il-fizzjali bejn l-1 ta' Jannar, 2009 u l-31 t'Ottubru, 2011 kien jammonta għal €141113. I. Bejn l-1 ta Jannar, 2009 u l-31 ta' Ottubru, 2011 l-armata għamlet użu minn €17557 biex tospita mhux anqas minn 60 delegazzjoni militari barranija.

esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika x’kien l-iskop pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’Artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kap 88) wara l-esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta’ madwar 9,295 metru kwadru, li tmiss mil-Lbiċ u mill-Grigal ma' triq pubblika mill-Majjistral ma' proprjetà tal-Kapitolu tal-Katidral tal-Imdina jew irjieħ veruri li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif dikjarata mill-President ta’ Malta fit-8 ta’ Gunju 1990, li ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,809? Kemm swiet l-ispiża globali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art f’Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta’ madwar 9,295 metru kwadru li ġiet esproprijata permezz ta’ Dikjarazzjoni tal-President tat-8 ta’ Ġunju, 1990, reċentement ġiet akkwistata mill-gvern fuq talba tal-Malta Industrial Parks permezz tad-Dikjarazzjoni tal-President tat-22 ta’ Settembru, 2011, biex tkun tista’ ssir l-estenzjoni tal-fabbrika tal-Foster Clarks. L-ammont ta’ kumpens li se jiġi offrut lis-sidien, ibbażat fuq stima ta’ l-art li għamel id-dipartiment, huwa ta’ €1.2 miljun. Madankollu s-sidien ikollhom id-dritt li jikkontestaw din l-offerta quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.