Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-taxxi u tariffi viġenti li japplikaw il-prinċipju tal-polluter pays? X'inhu d-dħul tal-gvern minn dawn it-taxxi u tariffi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jelenka kif żvolġiet l-istrateġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sena 2000 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab informat li l-istrateġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sena 2000 ġiet żviluppata wara l-evalwazzjoni tal-impjanti tal-ġenerazzjoni kurrenti tal-Enemalta u ż-żieda tad-domanda tal-elettriku.
It-tfassil ta’din l-istrateġija kkunsidra:
· Il-kundizzjoni tal-impjanti eżistenti u kemm ilhom joperaw;
· L-effiċjenza tal-operat tal-impjanti eżistenti;
· Il-livell tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-bżonn għal riżerva suffiċjenti;
· Il-kwalità tal-ambjent u li tkun konformi mal-obligazzjonijiet tar-regoli ambjentali;
· Iż-żieda fid-domanda taħt diversi xenarji ta’ load għolja, medja u baxxa flimkien mal-impatt ta’ żviluppi ġodda;
· It-tip ta’ fuel li jintuża, jekk hux zejt, faħam jew gas jew xi alternattivi oħra u l-ispejjeż flimkien ma’ xi tibdil fl-infrastruttura li jista’ jkun hemm bżonn;
· Il-possibiltà tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija;
· L-Introduzzjoni ta’ ġenerazzjoni alternattiva.
L-għażla teknika tal-impjant il-ġdid hija mfassla fuq il-bżonn għall-operazzjoni flessibbli u effiċjenza ikbar meta topera fuq load baxx. L-impjant irid ikollu l-kapaċita’ li jopera b’dan il-mod biex ilaħħaq mad-domanda ta’ kuljum u l-varjazzjonijiet fuqha, kif ukoll fuq shifting modes apparti mill-operazzjoni għall-load massima fissa.
Numru ta’ alternattivi tekniċi ġew identifikati u kkunsidrati:
1. Magni tad-diesel, li huma mqassmin fi tlett tipi – high-speed, medium-speed u low-speed units. Il-magni tal-high-speed huma ratati ghal 5MW u mhux ta’ soluzzjoni prattika ghall-użu tal-power stations tal-Enemalta. Il-medium-speed units jintużaw l-iktar fuq vapuri żgħar filwaqt li l-low-speed units jintużaw l-iktar fuq vapuri kbar ta’ tip kummerċjali;
2. It-turbini tal-kombustjoni, kemm li huma heavy-duty jew aero-derivative li huma kemm dawk li joperaw fuq open-cycle jew combined-cycle
3. Li jerġa’ jitħaddem l-impjant eżistenti bl-isteam permezz ta’ steam li jiġi prodott minn heat-recovery boilers u turbini tal-kombustjoni, biex jifforma l-impjant tas-CCGT;
4. Cable tal-elettriku li għalkemm ma jiġġenerax minnu nnifsu, jirrapreenta t-tibdil tal-ġenerazzjoni lokali ma’ ġenerazzjoni barra minn Malta. Biex tinżamm is-sigurtà tal-elettriku, din tal-aħħar ikun bżonn li jkollha wkoll magni biex jipprovdu alternattiva oħra;
5. Tibdil minn żejt għal natural gas.
Il-Gvern segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-Generation Plan u għażel li jibni generating plant ġdida fil-power station ta’ Delimara u interconnecting cable mal-grid Ewropew fi Sqallija.
L-estensjoni tal-power station ta’ Delimara waslet biex titlesta. Il-generators ġew installati, flimkien mas-sistema ta’ desulphurisation, li tassigura emissjonijiet konformi mar-regoli strinġenti tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett kien maħsub li jiġi kummissjonat f’Settembru tal-2011, iżda minħabba oġġezzjonijiet miġjuba mill-Oppożizzjoni, kien hemm dewmien fl-iskeda.
L-interconnector cable jirrappreżenta pass importanti ħafna għal Malta. Għall-ewwel darba, mhux se nibqgħu iżolati mis-sistema Ewropea ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan jassigura l-provvista tal-elettriku mingħajr il-bżonn li tinbena power station oħra, u għandu jwassal biex il-power station tal-Marsa tkun tista’ tingħalaq.
Ta’ min jgħid li r-rata ta’ żieda fil-konsum tal-elettriku qed tinbidel, minħabba kuxjenza ambjentali akbar, u investimenti mill-Gvern f’enerġiji alternattivi, il-Generation Plan qed jiġi rivedut fid-dawl taċ-ċirkostanzi ġodda, u dan għandu jitlesta fl-2012.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix il-prattika li ssir verifika ambjentali (environmental audit) tal-policies li jiġu mnedija mill-Gvern? Jekk teżisti din il-prattika, jista' jindika liema dipartimenti jew unit jagħmel dawn il-verifiki?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta ministeru jkun qed jifformola policy hija l-prattika li qabel ma tkun mnedija mill-gvern din tiġi mqassma mal-ministeri għall-kummenti tagħhom. Meta dan isir, l-abbozz ta’ politika tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ għanijiet ambjentali u liġijiet ambjentali. Issa li l-Gvern għandu abbozz ta’ politika ambjentali, din trid tiġi kkunsidrata meta wieħed ikun qed jifformola policy dwar xi materja oħra. Barra minn hekk meta tkun qed issir il-konsultazzjoni dan ukoll irid iseħħ.
Għandna l-prattika ukoll, anzi l-obbligu, li pjanijiet u l-progammi tal-Gvern li jaqgħu taħt il-provedimenti ta’ l-avviż legali 497 ta’ l-2010 għandhom jiġu sottomessi għal verifika ambjentali strateġika
(strategic environmental assessment).
Dan huwa l-obbligu ta’ min qed ifassal il-pjan jew il-programm.
Qed issir ukoll ħidma biex jitwaqqaf fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru,
Strategic Policy Unit
. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-
unit
ser ikun li jiġi aċċertat li l-
policies
u pjanti maġġuri tal-Gvern isegwu l-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli b’mod koordinat u allura jkunu konformi wkoll mal-politika ambjentali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk Malta għandhiex sistema li tirregolarizza u tippromwovi l-użu ta' eco labels?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li Regolament EC/66/2010 li jitratta l-iskema tal UE dwar l-eku-tikketta jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità Maltija dwar il Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur. Regolarment isiru workshops dwar din it-tikketta. B’mod regolari wkoll jiġi mqassam materjal biex jipromovi din l-istess skema. Sallum f’Malta għandna entità waħda li ġiet mgħotija liċenzja tal-eku-tikketta. L-MCCAA ser tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha biex tippromovi l-użu ta’ din il-label.
Prijoritajiet ambjentali riflessi fl-ippjanar u treġija ta' amministrazzjoni pubblika
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'metodi qed ikunu applikati sabiex prijoritajiet ambjentali ikunu riflessi fl-ippjanar u treġija ta' amministrazzjoni pubblika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-abbozz tal-Politika Nazzjonali għall-Ambjent li ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika jagħti direzzjoni kemm għall-ippjanar kif ukoll għall-amministrazzjoni pubblika f’termini ta’ prioritajiet ambjentali.
Barra minn hekk, fuq livell ta’ ippjanar isir proċess ta’ integrazzjoni fejn aspetti ambjentali jkunu kunsidrati fil-proċess ta’
assessment
ta’ proposti għall-proġetti.
Il-prioritajiet ambjentali huma ukoll riflessi fil-proċessi u l-metodi li l-gvern jaddotta f’dak li huwa tfassil ta’ politika nazzjonali dwar oqsma differenti, tfassil ta’ pjanijiet u programmi, tfassil ta’ liġijiet, fl-affarijiet Ewropej u fl-operat tal-Gvern.
F’dak li jirrigwarda tfassil ta’ politika nazzjonali l-amministrazzjoni tagħmel konsultazzjoni interministerjali fejn fost affarijiet oħra prijoritajiet ambjentali jiġu kunsidrati. Din it-tip ta’ konsultazzjoni issir ukoll meta ikunu qed jiġu mfassla pjanijiet u programmi u meta ikun hemm negozjati fuq livell Ewropew u li għandu impatt fuq l-ambjent.
Meta jitressaq avviż legali quddiem il-kabinett titħaddem ukoll dik li ngħidulha
legal notice checklist
. F’din il-
legal notice checklist
fost affarijiet oħra il-ministeru li qed jipproponi l-avviż legali irid jindika, fost affarijiet oħra, x’jista’ ikun l-impatt ta’ l-avviż legali fuq aspetti ambjentali.
Fl-operat tal-Gvern, il-prioritajiet ambjentali huma ukoll riflessi f’dak li għandu x’jaqsam per eżempju ma’ l-użu tal-karti u t-tip ta’ karti li jintużaw, it-tnaqqis ta’ konsum ta’ enerġija u ilma, użu ta’
electric cars
. Qed issir ħidma ukoll biex is-soqfa ta’ bini pubbliku jintużaw għal pannelli fotovoltajiċi u
solar heaters
. Il-Gvern ukoll għandu s-sistema tal-
green leaders
li jgħinu li l-operat tal-ministeri ikun jirrifletti l-prioritajiet ambjentali.
Mis-sena d-dieħla ser jinbeda jitħaddem il-kunċett ta’
green public procurement
. Il-Gvern huwa konsumatur ewlieni fl-ekonomija tal-pajjiż. Il-Kabinett approva l-pjan nazzjonali għal
green public procurement
fejn 18-il grupp ta’ prodotti jew servizzi ġew identifikati biex il-Gvern jibda jixtri skont kriterji stabbiliti li jippromwovu prodotti u servizzi ambjentali. Il-Gvern għandu l-mira li 50% ta’ dak li jixtri jikkwalifika bħala
green public procurement
. Barra minn hekk il-gvern għandu ukoll l-obbligu skont direttivi partikolari li jixtri karozzi għal użu tiegħu li iniġġsu inqas u l-bini pubbliku ikun iktar effiċjenti f’dak li huwa użu ta’ enerġija.
Unjoni Ewropea — 6th Environmental Action Plan - parteċipazzjoni ta' Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti elenku tal-parteċipazzjoni ta' Malta fid-diversi fora u laqgħat fi ħdan is-6th Environmental Action Plan tal-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Malta ipparteċipat f’diversi laqgħat u fora fejn ġiet diskussa s-Sixth Environment Action Programme (EAP), fosthom:
L-Environment and Policy Review Groups li saru fil-15 ta’ Marzu 2005 u fl-24 ta’ Jannar 2007. F’dawn il-laqgħat ġiet diskussa il-
mid-term review
tas-
6th EAP
.
Working party meetings
li ddiskuta l-istess tema saru fl-10 u fil-25 ta’ Mejju 2007 u fil-5 u 11 ta’ Ġunju 2011.
Forum ieħor huwa dak tan-Network of the Heads of Environment Protection Agencies li sar fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2010 u ieħor fis-16 u 17 ta’ Settembru 2010.
Interest group
tal-istess network li jitratta speċifikament il-
Better Regulation
fil-kamp tal-ambjent iddiskuta is-6th EAP fit-8 u 9 ta’ Lulju 2010.
Laqgħa oħra fuq bażi teknika dwar is-6th EAP u EU Enlargement saret fis-6 ta’ Ottubru 2010 u oħra li analizzat ir-riżultati tal-Programm bil-ħsieb għal preparazzjoni għas-7th EAP seħħet mill-24 sas-26 ta’ Novembru 2010.
Fil-11 ta’ Lulju ta’ din is-sena il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ambjent fl-UE iddiskutiet il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ewlenin għall-protezzjoni tal-ambjent sal-2020 fi ħdan is-6th EAP.
Working Party Meetings
tal-Ambjent li ddiskutew is-6th EAP fl-ambitu ta’
environmental governance
saru fit-18 u t-30 ta’ Novembru 2010. Il-Kunsill iddiskuta l-Council Conclusions f’Ottubru tal-2010 filwaqt li f’Diċembru tal-2010 il-Kunsill iddiskuta l-politika ambjentali b’enfasi fuq is-
6th EAP
.
Working Party meetings
oħrajn u l-iżjed riċenti saru fuq id-Draft Council Conclusions fuq l-aħħar valutazzjoni tas-Sixth Environment Action Programme fid- 9, 19, 20, u 23 ta’ Settembru 2011.
Fuq l-istess suġġett saret ukoll laqgħa tal-COREPER (Committee of Parliament Representatives) fit-28 ta’ Settembru 2011.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inħolqu impjiegi fil-qasam ambjentali f'Malta li wieħed jista' jiddeskrivihom bħala green jobs mill-2008 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant illi s'issa għad m’hemmx klassifikazzjoni eżistenti jew qbil fuq definizzjoni ta’ “green jobs” fl-Ewropa. Għaldaqstant il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma tistax tagħti l-informazzjoni mitluba fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuwa l-mekkaniżmu li jeżisti sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-kunsill lokali minn Għawdex fil-program Eko-Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru ħareġ żewġ skemi għall-Kunsilli Lokali. Dawn kienu dehru fil-gazzetta tal-Gvern tat-23 ta' Novembru 2010 u tat-28 ta' Lulju 2011. Permezz ta' dawn l-iskemi l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jiffinanzja proġetti relatati mal-Pjan t'Azzjoni Eko-Għawdex kif proposti mill-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi. Barra minn hekk id-Direttorat għal Eko-Għawdex kien u għadu dispost li jgħin lill-Kunsilli sabiex jisfruttaw din l-opportunità għall-ġid tal-lokalità u ta' Għawdex b'mod ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid x'mekkaniżmu għandu l-Ministeru tiegħu sabiex jagħmel lill-istakeholders fil-qasam ambjentali aktar konxji u ppreparati sabiex jipparteċipaw fil-programmi ambjentali jew ta' għajnuna lill-agrikoltura tal-Unjoni Ewropea (jew programmi oħra finanzjati mill-Unjoni Ewropea)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jeżisti n-Network Rurali Nazzjonali (NRN) għal Malta. L-għan ta’ dan in-network, li huwa kkoordinat mill-Awtorità ta’ Tmexxija billi jlaqqa’ flimkien dawk l-entitajiet kollha kkonċernati jew involuti fis-settur agrikolu Malti. Barra li jservi sabiex jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni dwar il-miżuri ta’ finanzjament permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta, joffri ukoll sabiex l-opportunità li jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom. L-NRN Malti jaħdem ukoll bħala bażi ta’ konsultazzjoni u djalogu bejn l-entitajiet kollha kkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti Maltin u Għawdxin li bbenefikaw mill-programm Life minn meta Malta bdiet tipparteċipa f'dan il-proġett? X'kienet in-natura ta' dawn il-proġetti u x'kien il-valur tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-programm Life.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx studju ta' vijabilita' (feasibility study) dwar il-proġett ta' offshore windfarms li hu propost li se jinbena 'l barra mill-kosta ta' Malta? Jista' jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li Studju dwar il-vijabilità tal-proġett tas-Sikka l-Bajda kien imħejji mill-Mott Mac Donald għall-gvern f’Jannar tas-sena 2009. Dan ir-rapport kien ippubblikat fl-istess sena u tpoġġa fuq is-sit tal- Ministeru http://www.mrra.gov.mt/loadfile.ashx?id=b2fb8553-fd1b-43c2-8c68-567c39dab1fa . Kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Analiżi mill-Istitut għall-Enerġija Sostenibli tal-Università ta’ Malta din is-sena ikkonfermat li l-kejlijiet tar-riħ minn arblu fl-Aħrax tal-Mellieha huma fil-livelli ta’ dawk stamti mill-Mott MacDonald fir-rapport tagħhom.
Żvilupp Sostenibbli — proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' liema indikaturi li għandhom x'jaqsmu ma' żvilupp sostenibbli, l-Gvern intrabat li jsegwi u jkun accountable fil-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu finanzjarji 2007-2001? Jista' jgħid liema aġenziji qed isegwu dawn l-indikaturi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi rapporti li setgħu saru fuq dawn l-indikaturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L- Indikaturi taħt il-Programmi Operattivi I u II kollha, b’xi mod jew iehor, għandhom x’jaqsmu, f’livelli differenti (direttament jew indirettament) mal-Iżvilupp Sostenibbli. L-indikaturi huma maqsumin fi tliet kategoriji - dawk li huma Output, Result u Impact. L-indikaturi Output u Result huma marbutin mal-Assi ta’ Prijorita’ speċifiċi tal-Programm, filwaqt li l-indikaturi impact huma marbutin mal-impatt finali u li għalihom ikunu qegħdin jikkontribwixxu l-proġetti kollha tal- Programm rispettiv. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra (Anness 1) dokument ibbażat fuq ir-Rapport Annwali tal-Implementazzjoni għas-sena 2010 għal Programm Operattiv I u l-Programm Operattiv II, li fih il-lista sħiħa ta’ indikaturi miġbura sal-aħħar tal-istess sena .
Ta’ min jgħid li kull proġett irid jikkontribwixxi għal mill-inqas wieħed mill-indikaturi biex ikun eleġibbli għall-fondi u għalhekk il-Benefiċjarji kollha taż-żewġ programmi (aġenziji kif ukoll Benefiċjarji oħra) huma involuti fl-eżerċizzju. L-informazzjoni tintbagħat mill-Benefiċjarji lil-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm rispettiv. Qed inpoġġi fuq il-mejda kopja tal-lista ta’ proġetti u Benefiċjarji (Anness 2) li qed jikkontribwixxu lejn dawn l-indikaturi.
Programmi tal-ERDF u programmi ta' Koezjoni — prijoritajiet - żvilupp sostenibbli
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-prijoritajiet tal-programmi tal-ERDF u l-programm ta' Koezjoni, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp sostenibbli? Jista' jgħid kif dawn il-prijoritajiet kienu tradotti u riflessi fil-proġetti proposti u implimentati minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l--Programm Operattiv I għandu prijoritajiet imħallsa taħt il- FEŻR jew il-Fond ta’ Koeżjoni. L-Assi ta’ Prijorità tal- Programm kollha jikkontribwixxu lejn Żvilupp Sostenibbli għax kollha għandhom xi aspett ekonomiku, soċjali jew ambjentali. Dawn l-Assi ta’ Prijorita’ huma:
Assi ta’ Prijorita’ 1 : Tisħiħ tal-Għarfien u l-Innovazzjoni;
Assi ta’ Prijorita’ 2: Promozzjoni ta’ Żvilupp Sostenibbli
Assi ta’ Prijorita’ 3: L-Iżvilupp tat-TEN-T (ix-Xibka Trans Ewropea tat-Trasport)
Assi ta’ Prijorita’ 4: Mitigazzjoni u Adattament għal Tibdil fil-Klima
Assi ta’ Prijorita’ 5: Ħarsien tal-Ambjent
Assi ta’ Prijorita’ 6: Riġenerazzjoni Urbana u Titjib fil-Kwalità tal-Ħajja.
Kopja tal-proġetti li qegħdin jiġu implimentati taħt l-Programm Operativ I (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni) qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala parti minn din ir-risposta (Anness A).
Taħt dan l-Programm, bla ebda dubju, hemm Assi ta’ Prijorità li huma ffukati aktar fuq l-aspett ekonomiku u dak ambjentali (Assi ta’ Prijorita’ 1,2,3,4,5). Taħt dawn l-Assi wieħed isib proġetti dwar Riċerka u Innovazzjoni (inkluż sostenn lis-settur privat); turiżmu u protezzjoni tal-wirt kulturali (inkluż sostenn lis-settur privat fil qasam turistiku); trasport; proġetti li jikkontribwixxu lejn il-mitigazzjoni u l-adattament għal tibdil fil-klima (li jinkludi wkoll sostenn lis-settur privat kif ukoll fl-isfera domestika) u miżuri oħra favur l-ambjent inkluż it-trattament tal-ilma u l-iskart. Id-dimensjoni soċjali fi ħdan l- Iżvilupp Sostenibbli tinsab l-aktar fl-Assi ta’ Prijorità 6 ’fejn qed jiġu implimentati proġetti infrastrutturali fl-oqsma tal-edukazzjoni, taħriġ u saħħa kif ukoll għajnuna lill-intrapriżi fil-qasam taċ-
child care
.’
Ċentru għall-Politika, Taħriġ u Riċerka — korsijiet ta' taħriġ
Question
B'referenza għal-ħidma taċ-Ċentru għall-Politika, Taħriġ u Riċerka li jaqa' taħt il-ministeru tiegħu, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm impjegati ngħataw taħriġ? Kemm ingħataw korsijiet ta' taħriġ differenti? Liema kienu l-kumpaniji li taw dan it-taħriġ tul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li sar taħriġ f’180 kors differenti li għalihom attendew total ta’ 14,530 parteċipant mill-2009 sal-31 ta’ Ottubru 2011.
Fit-tabella annessa hemm imniżżla l-korsijiet kollha, in-numru ta’ parteċipanti f’kull kors kif ukoll il-kumpaniji (fejn dan kien il-każ) jew
trainers
li taw dan it-taħriġ tul dawn l-aħħar tliet snin”.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min se jevalwa l-applikazzjonijeit li jiġu milqugħa minn dawk li jridu jservu fuq bordijiet appuntati mill-gvern? X'se tkun il-kriterja tal-evalwazzjoni? X'se jiġri minn bordijiet kostitwiti llum? Jista' jgħid jekk din is-sistema hux se tissostitwixxi l-bordijiet kollha maħtura llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-sejħa li saret hija waħda fejn qegħdin nistiednu lil dawk kollha li għandhom ir-rieda li jservu fuq Bord jew Kumitat tal-Gvern biex jesprimu dan l-interess. Il-pjan hu li kull Ministru jkollu aċċess għal din l-informazjoni biex meta jipproponi hatriet ghall-Bordijiet u Kumitati jkun żgurat li dawk li esprimew l-intenzjoni tagħhom li jservu fuq dawn il-Bordijiet u Kumitati jkunu ġew ikkunsidrati.
L-informazzjoni mitluba fil-formola hija ntiża biex jiġu stabbiliti l-adegwatezzi ta’ individwi li jokkupaw kariga bħal din a bażi tal-kwalifiki, esperjenza u ħiliet. Din il-lista ser tibda tintuza għall-Bordijiet kollha hekk kif it-terminu tagħhom jiskadi. Ma hemm l-ebda ħsieb li s-sistema tal-lum tiġi sostitwita, imma s-sistema se tiġi msaħħa permezz ta’ ‘pool’ addizzjonali ta’ nies li jistgħu jkunu kunsidrati u li jkunu esprimew l-interess tagħhom.
Madankollu l-Kabinett se jibqagħlu d-diskrezzjoni kollha li jappunta in-nies kemm dawk li jkunu fuq il-lista kif ukoll oħrajn li ma jkunux inkluzi f’din il-lista.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-parteċipazzjoni ta' Malta fl-Urban Development Group?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-OPM ngħata r-responsabilità tal-portafol ta' l-Urban Development fl-2010. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-laqgħat minn 2010 l-hawn, min attenda l-laqgħat kif ukoll l-kontribut għal kull laqgħa.
Fir–Rigward tal-laqgħat li saru qabel l-2010, nitolbu lill-Onor Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lil ministru konċernat.
MEPA — Ippjanar Spazzjali - laqgħat u diskussjonijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29178 u partikolarment il-parteċipazzjoni ta' Malta fil-laqgħat tal-Ministri responsabbli mill-Ippjanar Spazzjali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk xi eżitu partikolari ta' dawn il-laqgħat/diskussjonijiet kienx rifless fil-ħidma tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew xi entità oħra governattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżitu tal-laqgħat dwar l-Ippjanar Spazzjali qiegħed jiġi rifless fix-xogħol ta' preparazzjoni għat-tnedija tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29178 u partikolarment it-tabella li turi l-parteċipazzjoni ta' Malta f'diversi laqgħat għall-Ministri responsabbli minn Politika Reġjonali, Politika ta' Koeżjoni u Ministri responsabbli mill-Iżvilupp Spazzjali, jista l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi laqgħat Ministerjali simili fejn Malta ma bagħtitx rappreżentant? Jista' jgħid jekk Malta għamlitx kontributi u interventi f'dawn il-lqgħat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-kontributi li għamlet Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif diġa infurmajt fir-risposta għall-mistoqsija 29178 dawn il-laqghat huma informali u ma jsirux fuq bażi regolari.
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li Malta ipparteċipat regolarment fil-laqgħat Informali tal–Ministri responsabbli mill-Politika ta’Koeżjoni u li f’dawn il-laqgħat Malta tat kontribut attiv permezz ta’ interventi skond ma kien mistenni jew rikjest mill-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ dik il-ġurnata.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra (Anness I) - Sinossi ta’ l-interventi ta’ Malta fuq it-temi prinċipali li ġew diskussi fl-aħħar snin kif ukoll kopja tal-kontribut li ngħata waqt l-Informal Meeting on Spatial Development li sar fid-19 ta' Mejju 2011 f' Godollo, Hungary.