Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31976 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prijorità 5 — pożizzjoni attwali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont ta' x'inhi l-pożizzjoni attwali (jiġifieri level of attainment) tal-indikatur, output u result tal-Assi tal-Prijorità 5?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika għal liema Programm Operattiv qiegħed jirreferi.

Laqgħat tal-Ministri responsabbli mill-Iżvilupp Spazzjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29246 u jagħti rendikont tal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-Laqgħat tal-Ministri responsabbli mill-Iżvilupp Spazzjali għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema laqgħat qed jirreferi, jekk hux għall-Informal Ministerial meetings dwar Territorial Development, Spatial Development jew Żvilupp Urban. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll tabella li turi l-laqgħat, dak li ġie diskuss u minn attenda għalihom. Din it-tabella tkopri s-snin 2008 – 2011 għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni għat-tweġiba li tkopri s-snin 2006 – 2007.

Strateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis — rendikont

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30759 u jagħti rendikont tal-implimentazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis sabiex jitnaqqsu l-Emissjonijiet ta' Gas Serre (National Strategy for Policy and Abatement Measures Relating to the Reduction of Greenhouse Gas Emissions) li kien imniedi aktar minn sentejn ilu f'Settembru 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proġetti ta' Windfarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proġetti tal-windfarms? Jista' jgħid jekk it-target ta' persentaġġ ta' ġenerazzjoni elettrika għall-2012 minn renewables hux se tintlaħaq?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità qed tikkunsidra tliet applikazzjonijiet għall-wind farms. Dawn huma PA 1819/09 - Wied Rini, Baħrija, PA 1820/09 - Ħal Far, Birżebbuġa u PA 1821/09 - Sikka l-Bajda, Mellieħa. Dawn il-proġetti bħalissa qegħdin fi stadju fejn qed isiru l-istudji dwar l-impatti ambjentali. Fil-każ tal- windfarms proposti fil-Baħrija u s-Sikka l-Bajda, l-Awtorità bgħatet it- Terms of Reference lill-applikant għall-istudji ambjentali (EIA - Environment Impact Assessment), f'Lulju 2009 u bħalissa qed tistenna li l-studji jitlestew u jiġu ppresentati lilha. Fil-każ tal- windfarm propost f'Ħal Far, l-Awtorità bagħtet it- Terms of Reference tal -Appropriate Assessment (AA) lill-applikant f'Mejju 2009 u anke f'dan il-każ l-Awtorità qed tistenna li l-istudju jitlesta min-naħa tal-applikant. Fil-każijiet kollha imsemmija, numru ta' aġenziji governativi talbu studji oħra. Il-MEPA għadha qed tistenna dawn l-istudji ukoll. Rigward it-tieni mistoqsijia, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.

Multilateral Environment Agreements

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Multilateral Environment Agreements li ġew iffirmati bejn il-Gvern u entitajiet oħra? Jista' jgħid ma' min ġew iffirmati dawn il-Multilateral Environmental Agreement? Jista' jgħid liema entità qed tagħmel il-moniteraġġ ta' dawn il-ftehim?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra

Linji gwida lill-esperti biex jaħdmu fuq il-pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28901, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida li ta lill-esperti li se jaħdmu fuq il-pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp?

Response (DEMARCO, MARIO)

Id-dokument li se jagħti il-linji gwida lill-esperti biex fuqu jitfassal il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp ġie approvat mill-gvern ftit tal-ġimgħat ilu u fil-ġranet li ġejjin se jkunu jistgħu jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Impjant tal-Purifikazzjoni tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex l-Impjant tal-Purifikazzjoni tad-Denaġġ ta' Malta - North, Malta - South u Għawdex jibdew jipproduċu ilma msoffi għal-livell terzjarju?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bil-għan illi l-ilma li joħroġ mill-Impjanti tal-Purifikazzjoni tad-Drenaġġ ta’ Malta Tramuntana, Malta Nofsinhar, u dak ta’ Għawdex, liema ilma bħal issa qiegħed jintefa’ l-baħar, jista’ jibda jintuża għall-użu sekondarju. Għal dan il-għan ġew iddiżinjati mpjanti ta’ purifikazzjoni fuq bażi ta’ ultra-filtrazzjoni u reverse osmosis biex b’hekk l-ilma ikun msoffi għall-livell ogħla minn dak terzjarju. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma applikat għall-ħruġ tal-permessi neċessarji mill-MEPA, qed tipprepara d-dokumenti għat-tenders u għamlet talba għall-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista’ tattwa dan il-Proġett Nazzjonali.

Toroq li fihom Common Service Ducts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tul ta' common service ducts li hemm fit-toroq Maltin u Għawdxin? Jista' jgħid liema huma dawk it-toroq li fihom common service ducts?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-informazzjoni mitluba tinvolvi ħafna xogħol u ħin biex tinġabar, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #31782 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali — kwalifiki tal-uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf id-dipartiment Eko Għawdex u Żvilupp Reġjonali? Min hu l-Kap tiegħu? Xi kwalifiki għandhom l-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li d-Direttorat imsemmi ilu mwaqqaf minn Lulju tal-2010. Il-kap tiegħu huwa Anthony Zammit. Il-kwalifiċi tal-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli jinkludu kwalifiċi f'livelli ta' Baċellerat u Masters fil-Bijoloġija, Kimika, Ġografija u Inġinerija.

National Biodiversity Strategy for Malta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tan-National Biodiversity Strategy for Malta? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-'National Biodiversity Strategy and Action Plan' se tinħareg għal konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta' Frar 2012.

The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument The National Action Plans for the Protection of the Marine Environment from Land Based Activities? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan Malta preparat fis-sena 2008 inventarju ta’ rilaxx ta’ sustanzi fl-ilma baħar. Malta għandha wkoll obligi tal-Unjoni Ewropeja sabiex tħares il-kwalita’ tal-ilma baħar fejn fosthom hemm l-obbligi tal-Water Framework Directive. Dawn l-obbligi waslu sabiex fis-sena 2011 il-MEPA u l-MRA preparaw pjan t’azzjoni fil-qasam tal-ilma. L-miżuri tal-pjan tas-sena 2005 ġew diskussi u inkorporati fil-pjan tal-qasam tal-ilma. Sensiela ta’ miżuri qegħdin jiġu implimentati fil-prattika sabiex iwassal għal kwalita’ aħjar fil-maniġġjar tal-ilma. Fost dawn hemm miżuri speċifiċi għall-agrikoltura u l-akwakultura, titjieb fl-operat mill-industrija bl-introduzzjoni ta’ permessi ambjentali li fost oħrajn jirregolaw l-emissjonijiet fl-ilma u kif ukoll numru ta’ miżuri sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar l-ilma.

Qasam tal-Implimentazzjoni ta' miżuri ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri jew sistemi fejn uffiċjali minn aġenzji jew dipartimenti governattivi jiltaqgħu u jaqsmu esperjenzi ta' good practices fil-qasam tal-implimentazzjoni ta' miżuri ambjentali?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta se tkun qed tiġi implimentata xi miżura ambjentali, l-uffiċjali tal-MEPA jikkonsultaw u jikkolaboraw ma' diversi uffiċjali oħrajn ta' dipartimenti jew aġenziji oħra bhal Transport Malta, Dipartiment tas-Saħħa, Malta Resources Authority, WasteServ Malta Ltd, National Statistics Office, etc. Waqt l-istess konsultazzjoni jiġu ukoll maqsuma esperjenzi ta' good practices bejn l-aġenziji infushom.

MEPA — statistika fuq materji ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istatistika varja partikolarment dik li għandha x'taqsam ma' materji ambjentali li tinġabar regolarment mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, hiex disponibbli għall-aġenziji u dipartimenti governattivi kollha? Jekk din l-informazzjoni hi disponibbli, jista' jgħid b'liema mod din tkun ċirkulata, jiġifieri jekk tkunx mgħoddija regolarment jew biss kull meta tintalab din l-informazzjoni?

Response (DEMARCO, MARIO)

B'referenza għall-Mistoqsija Numru 31424, ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant illi l-infomrazzjoni ambjentali li tinġabar mill-MEPA hija disponibbli f'diversi modi, kif imsemmi hawn taħt: i) mod statiku u interattiv: fil-website tal-MEPA fejn hemm informazzjoni f'forma ta' dokumenti kif ukoll data statika jew real-time li tinġabar mid-diversi stations li jiġbru tali data. Dawn huma elenkati f'paġni differenti skond id-dominju/tema attwali: per eżempju, it-tema ta l-arja tista tinstab fil-paġna http://www.mepa.org.mt/air-monitoring ii) b'mod ta rappurtaġġ f'forma kemm ta' dokumenti, data jew mapep permezz tal-website tal-Aġenzija Ambjental Ewropeja (EEA) li tagħha l-MEPA tgħamel parti. Malta tibgħat l-informazzjoni tagħha regolarament f'database li hu aċċessibbli għall-kulħadd u li jinstab fil-paġna: http://cdr.eionet.europa.eu/mt/ iii) f'forma ta' rikjesti għal-informazzjoni aktar speċifika dirett lil-units differenti tal-MEPA skond it-tema. Dan is-servizz jingħata lil-entitajiet u l-pubbliku skond il-provvedimenti ta' l-AL116/05 u d-dispozizzjonijiet tal-Konvenzjoni Aarhus. Taħt dawn il-provvedimenti, il-MEPA, bħala focal point, titlob it-tagħrif mill-entitajiet u twasslu lill-klijent. Għal kull statistika oħra, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika huwa l-entita responsabbli.

6th Environmental Action Plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30331 u jgħid: B'referenza għas-6th Environmental Action Plan, jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu applikati minn Malta l-oġġettivi ta' dan il-pjan ta' azzjoni, partikolarment l-oġġettivi orizzontali u l-oġġettivi relatati ma' governanza?

Response (DEMARCO, MARIO)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-oqsma ta' prijorita' tas-6th Environmental Action Programme (EAP) huma l-bdil fil-klima, in-natura u l-biodiversita', l-ambjent u s-saħħa, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-iskart u l-oqsma internazzjonali. Il-Gvern stabilixxa diversi miżuri f'dawn l-oqsma, fejn dawk l-iżjed importanti huma elenkati f'din ir-risposta. Fil-qasam tal-biodiversita' saret nomina ta’ kemm ‘terrestrial’ u anke ‘marine’ Natura 2000 sites. B’kollox għandna 35 Natura 2000 sites fil-ġżejjer Maltin. Dawk ta’ fuq l-art ikopru madwar 13% tat-territorju. Apparti minn hekk f’Awissu tal-2010 ġew dikjarati erba’ ‘marine sites’ ġodda li jkopru iktar minn 18,000 ettaru taż-żona Maltija tal-baħar. Dawn jinkludu l-ibħra tad-Dwejra, Għawdex, Imġarr ix-Xini, iż-żoni fil-baħar li tinkludi lil Filfla, Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi u żona kbira fil-Grigal ta’ Malta u Għawdex li tinkludi l-madwar ta’ Kemmuna. Ix-xahar li għadda, il-MEPA għada kemm irrapurtat lill-Unjoni Ewropeja emendi għal dawn is-siti, bil-ħsieb li ittejjeb id-data u informazzjoni relatata hekk kif mitlub mill-Unjoni Ewropeja. Il-MEPA qiegħdha wkoll fil-proċess li tipproponi sit ieħor ta' Natura 2000 li jwassal għal livell ikbar ta protezzjoni ambjentali f'dan il-qasam. Fuq skala ġenerali, abbozz tal-pjan t'azzjoni għall-biodiversita' ġie iffinalizzat mill-MEPA u proċess ta' konsultazzjoni ser jibda fil-futur qarib. Fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa, is-6th EAP tisħaq fuq l-implimentazzjoni ta' liġijiet Ewropej relatati mal-arja, radjazzjoni, il-ħsejjes u l-ilma. Fil-qasam tal-arja u r-radjazzjoni l-monitoraġġ immaġjat mill-MEPA għadu għaddej fuq bażi kontinwa. Il-monitoroġġ tal-kwalita' tal-arja, hu magħmul minn ħames stazzjonijiet ta' kejl fiss, li jkejjlu b'mod kontinwu is-sustanzi inkwinanti kollha rregolati permezz tad-Direttiva Ewropeja dwar il-Kwalita' tal-Arja, kif ukoll min-network ta' diffusion tubes li hu estiż fuq il-fuq minn 44 lokalita' f'Malta u Għawdex. Il-programm ta' monitoraġġ għar-radjazzjoni fl-ambjent Malti, jinkludi monitoraġġ tal-livelli ta' partiċelli radjuattivi fl-arja, fil-baħar u fil-ħamrija. Miri li Malta laħqet f'din l-aħħar sena huma fost oħrajn, il-livelli tal-kwalita' tal-arja bħal livelli tal-benżin, diossidu tal-kubrit u ċ-ċomb. Fil-qasam tal-kwalita tal-arja l-MEPA ippubblikat f'Jannar tal-2010 il-pjan għall-kwalita' tal-arja. Fil-qasam tal-ħsejjes, l-abbozz tal-pjan ta' azzjoni għall-ħsejjes għadu kemm ġie ikkomunikat lill-Unjoni Ewropeja filwaqt li f'Mejju ta' din is-sena Malta iffinalizzat ukoll il-mapep tal-ħsejjes li huma kollha aċċessibli mill-pubbliku fuq il-website tal-MEPA. Fil-qasam tal-politika tal-ilma ġew awarded tenders għall-monitoraġġ tal-ilmijiet tal-kosta u għall-'inland surface waters'. Ġew ippublikati liġijiet li jdaħħlu fis-seħħ żewġ Direttivi tal-Unjoni Ewropeja f'dan il-qasam filwaqt li kompla jiġi implimentat il-"Water Catchment Management Plan". Dawn huma kollha miżuri li jikkontribwixxu għal ħajja aħjar u għat-titjib tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, id-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali li jifforma parti mis-Superintendence tas-Saħħa Pubblika għandu l-għan li jassigura s-saħħa pubblika permezz ta’ funzjonijiet varji li jinkludu twaqqif ta’ standards (standard setting), moniteraġġ u infurzar f’oqsma varji fosthom dawk li jippartenu lill-anzjani u t –tfal, waħda mill-oġġettivi tal-kommunikazzjoni tas-6th EAP. Id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jipprovdi kontribut regolari lill-MEPA per eżempju rigward termini ta’ referenzi għall-EIAs b’konnessjoni ma’ impatti potenzjali ta’ talbiet għall-iżvilupp fuq saħħa umana. Id-Dipartiment huwa wkoll attiv biex jagħti kontribuzzjoni lil setturi oħrajn per eżempju li jwaqqaf standards għall-playgrounds. F’dan ir-rigward, il-kumitat ta’ l-Ambjent u Immaniġġjar tas-Saħħa ġie mwaqqaf bejn id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (MHEC) u d-Direttorat ta’ Protezzjoni Ambjentali, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet u jiġu faċilitati prioritajiet bil-partiċipazzjoni ta’ l-Ambjent u s-Saħħa għall-liġi ambjentali (u bil-konta). Konsultazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet jikkomplimenta dan il-kumitat. Bħalissa id-direttorat ta’ l-Ambjent u tas-Saħħa wkoll qiegħed jagħmel eżerċizzju fejn qed jittieħdu studji ta’ blood lead fuq adulti u tfal fost oħrajn. Studju ta’ moniteraġġ ta’ l-arja ta’ ġewwa l-iskejjel kif ukoll huwa ppjanati studji bio moniteraġġ. Id-Direttorat jipprova jieħu sehem fi studji internazzjonali u proġetti bil-għan li jsaħħaħ riżorsi umani u finanzjari f’din it-taqsima. Fuq l-istess tema’ ta’ saħħa ambjentali, iż-żewġ Direttivi ta’ l-ilma tax-xorb u tal-baħar ġew imposti f’legiżlazzjoni lokali. Kull żona li tikkwalifika bħala “Water Quality Zone” u li tqassam ilma lill-konsumaturi hija moniterata regolari skond il-provizjonijiet tad-Direttiva ta’ l-ilma tax-xorb. Il-valure parametriċi huma konformi ħlief għall-sodju u kloridi. Ir-raġuni għaż-żieda ta’ dawn iż-żewġ parametri huwa direttament relatat ma’ t-taħlit ta’ l-ilma baħar fil-water table minħabba li Malta hija gżira żgħira. Fil-kaz ta’ l-ilma baħar, Malta tagħmel moniteraġġ ta’ 87 żoni uffiċċjali waqt l-istaġun ta’ l-għawm li huwa mit-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru. Minn meta Malta bdiet tikklassifika iż-żoni ta’ l-għawm skond id-Direttiva ta’ l-ilma baħar, iż-żoni tal’ l-għawm laħqu kwalita tajba ħafna b’97 fil-mija jiġu kklassifikati ta; Kwalita Eċċellenti. Dan il-pjan ta azzjoni ghen ukoll fir-rikonoxximent tal-bidla fil-klima u l-isfidi li ggib maghha, fuq livell internazzjonali. Is-6th EAP tagħti wkoll importanza lill-ġestjoni tal-iskart. Inħarġu bosta permessi relatati ma skemi għall-immaniġġjar ta' l-iskart, għat-trasportazzjoni ta' skart perikoluż f'Malta, kif ukoll għall-esportazzjoni ta' skart barra minn Malta. Ġiet ukoll imnehdija r-reġistrazzjoni "online" għall- manifatturi u importaturi ta' l-ippakkjar jew materjal ta’ l-ippakkjar, apparat elettriku u elettroniku, u batteriji. Tfasslet strateġija għall-immaniġġjar tal-iskart biodegradabbli skond id-Direttiva dwar il-'landfills' li ser tiġi ppublikata fil-futur qarib u oħra dwar id-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, magħrufa aħjar bħala l-WEEE Directive. Ingħataw bosta pariri tekniċi lil pubbliku u l-industrija dwar l-immaniġjar ta l-iskart skond il-proviżjonijiet tal-liġi. Ġiet provduta ukoll assistenza teknika lill-Gvern fin-negozjati ta' Malta fl-U.E.fir-rigward ta' diversi direttivi li jiregolaw l-iskart. Is-6th EAP issemmi wkoll l-importanza tal-applikazzjoni ta ftehim internazzjonali dwar l-ambjent. F’dan ir-rigward sar ukoll xogħol siewi f’diversi dimensjonijiet ambjentali internazzjonali, speċjalment fl-ambitu tal-‘Convention on Biological Diversity’ u l-‘United Nations Environment Programme Mediterranean Action Plan’. Is-6th EAP issemmi wkoll oġġettivi orizzontali bħal l-importanza ta konsultazzjoni mal-industrja, l-integrazzjoni ta politika ambjentali fil-politika tal-pajjiż u l-ingħatar tas-setgħa liċ-ċittadin. F’dan il-qasam, il-MEPA timplimenta sistema ta konsultazzjoni effettiva fejn kemm il-pubbliku ġenerali u anke stakeholders interessati jingħataw iċ-ċans isemmgħu leħinhom. Il-MEPA taħdem id f’id mal-MEUSAC f’dan il-qasam. Il-pjanijiet mħejjija fl-oqsma differenti għaddew minn proċess ta konsultazzjoni fejn laqgħat speċifiċi ġew organizzati biex l-opinjoni tal-pubbliku u l-istakeholders tiġi apprezzata u wkoll, fejn relevanti, integrata fil-politika ambjentali. Fuq l-integrazzjoni ta politika ambjentali, il-Gvern jiżgura li l-Ministeri konċernati jaħdmu id f’id biex issir il-konsultazzjoni meħtieġa biex b’hekk il-leġislazzjoni tal-preżent u speċjalment dik proposta mill-Unjoni Ewropeja tinkudi d-dimensjoni ambjentali. Dan qed seħħ per eżempju f’dossiers bħal-Common Agricultural Policy, il-Common Fisheries Policy u l-Cohesian Policy. L-erba’ oqsma ta' prijorita' tas- 6th Environmental Action Programme (EAP) li huma msemmija fl-ewwel paragrafu tat-tweġiba huma wkoll riflessi fil-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent (National Environment Policy) , li kienet varata għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru tal-2011. Dawn il-ħsibijiet huma riflessi f’ objectives 2, 3 u 6 tal-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent.

Programm Life

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti Maltin u Għawdxin li bbenefikaw mill-programm Life minn meta Malta bdiet tipparteċipa f'dan il-programm? Jista' jgħid x'kienet in-natura ta' dawn il-proġetti u x'kien il-valur tagħhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

B’kollox Malta ħadet sehem f’dsatax (19) il-proġett mill-bidu ta’LIFE li seħħ fl-1992; tlettax (13) minnhom kienu mmexxija minn entitajiet Maltin, waqt li Malta kienet msieħba fis-sitt (6) proġetti l-oħra li kienu ta’ natura internazzjonali. Qabel l-addezzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta ħadet sehem f'għaxar (10) proġetti (7 bħala applikant mexxej u 3 bħala sieħeb) li jittrattaw ma' azzjonijiet preparatorji, ġestjoni u monitoraġġ ambjentali u l-konservazzjoni tan-natura. Dawn il-proġetti kellhom baġit totali ta' € 5,138,057.46 li minnhom €3,707,119.62 kien kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Dawn qed jiġu elenkati f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta pparteċipat f’żewġ proġetti taħt LIFE III, f’wieħed bħala l-benefiċjarju ewlieni waqt li sieħeb fl-ieħor minn dawn li msemmija f’Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Taħt LIFE + Malta assigurati proġett fl-2007, ħadet sehem bħala msieħba fi proġett fl-2007 u ieħor fl-2009 filwaqt li kisbet finanzjament għal 4 proġetti ġodda b’valur totali ta’ 4,485,200€ li jinkludu kofinanzjament ta’ 1,960,733€ ġew magħżula mis-sejħa għall-proposti tal-2010 li matulha ġew mressqa 700 applikazzjoni fejn madwar biss 180 ġew magħżula. Dan is-suċċess huwa dovut għall-ħidma estensiva ta’ promozzjoni għal dan il-programm ta' finanzjament u l-gwida offruta lill-applikanti matul l-istadju tall-applikazzjoni. Aktar tagħrif rigward l-proġetti msemmija jinstab f’Tabella ‘C’ li qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. Malta ressqet ukoll 4 proposti fl-2011 li bħalissa qed jiġu evalwati.

Impjieg fil-qasam ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inħolqu impjiegi fil-qasam ambjentali f'Malta mill-2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s'issa għad m’hemmx tassonomija eżistenti jew qbil fuq definizzjoni ta’ “green jobs” fl-Ewropa. Għaldaqstant il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma tistax tagħti l-informazzjoni mitluba.

Direttivi ta' natura ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu d-direttivi ta' natura ambjentali (tal-Unjoni Ewropea) li ġew addottati fil-Liġijiet Maltin mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea sal-lum?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninsab infurmat li Malta adottat mal-mitejn (200) strument tal-Unjoni Ewropea li b’xi mod jew ieħor huma ta’ natura ambjentali. Minn dawn madwar 50 huma direttivi li l-awtorità kompetenti għalihom hija l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Strateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis — rendikont

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30759 u jagħti rendikont tal-implimentazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis sabiex jitnaqqsu l-Emissjonijiet ta' Gas Serre (National Strategy for Policy and Abatement Measures Relating to the Reduction of Greenhouse Gas Emissions) li kien imniedi aktar minn sentejn ilu f'Settembru 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Efficient Energy One Stop Shop Portal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30757 u jgħid x'sar minnu l-pjan li jitwaqqaf Efficient Energy One Stop Shop Portal fi ħdan id-Diviżjoni għal Tibdil tal-Klima fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan biex jitwaqqaf Efficient Energy One Stop Shop Portal għadu hemm. Ninsab infurmat li preżentement għaddejjin il-preparamenti meħtieġa biex dan il-portal ikun parti mit-titjib li qed jitħejja fil-portal prinċipali tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Il-portal tal-Awtorità mistenni jkun upgrading dalwaqt.

Taxxi u tariffi — prinċipju tal-polluter pays

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30321 u jgħid liema huma dawk it-taxxi u tariffi viġenti li japplikaw il-prinċipju tal-polluter pays? X'inhu d-dħul tal-gvern minn dawn it-taxxi u tariffi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.