Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pakkett ta' remunarazzjoni li jgawdi l-Kap tal-Isport tal-Public Broadcasting Services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Isport Section tal-PBS taqa’ taħt il-Manager News u jieħu ħsiebha wieħed mill-Koordinaturi. Ir-remunerazzjoni bażika hija skont il-Ftehim Kollettiv, però tinkludi wkoll numru ta’ allowances. It-total tal-pakkett kollu huwa ta’ €35,000 fis-sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-operational programme li Malta kienet issottomettiet lill-Kummissjoni Ewropea qabel il-perjodu finanzjarju 2007-2013 kienx rivedut matul il-perjodu ta' implimentazzjoni? Jekk dan il-programm kien rivedut, jista' jgħid liema aspetti kienu riveduti u jekk it-tibdil li seta' sar kellux impatt fuq il-fondi totali allokati jew il-fondi kif imqassma fuq id-diversi assi ta' proprjetà?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In vista li hemm diversi Operational Programmes sottomessi għall-Perjodu Finanzjarju 2007-2013, nitlob l-Onorevoli Interpellant li jindika għal liema minnhom qed jirreferi.
B'referenza għal-liġi tal-kera, Att Nru X tal-2009 fejn hemm ir-rekwiżit li individwu li jkun jixtieq ikompli l-kera wara l-mewt tal-kerrej skont 1531G (a) dak l-individwu għandu jkun suġġett għall-eżami tal-mezzi (means test) sabiex wieħed ikun jista' jistabbilixxi jekk tkunx teżisti ħtieġa soċjali jekk dik il-kera tkomplix jew le, jista' l-Ministru jgħid għalfejn dan ir-rekwiżit qatt ma kien inforzat u l-linji gwida għall-eżami tal-mezzi qatt ma kienu ppubblikati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-linji gwida gew fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 permezz ta’ Avviż Legali 463 tal-2011, u ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta’ Novembru 2011.
Jista' l-Ministru jgħid x'tariffi nġabru għall-użu tal-inċineratur ta' Malta u Għawdex mill-WasteServ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tariffi li nġabru mill-użu tal-inċineratur ta' Malta mill-WasteServ f’dawn l-aħħar tliet snin kienu ta' €952,878.
Dan l-ammont jinkludi figuri li jinkludu fihom rati differenti skont it-tip ta skart. Minn l-1 ta' Gunju 2011, uħud minn dawn ir-rati inbidlu skont l-Avviż Legali 203 tal-2011 Ir-rata applikabbli qabel kienet ta' €0.77 għal kull tunellata
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-proposta msemmija fid-diskors tal-Budget 2010 li jitkejjel il-carbon footprint tad-dipartimenti u entitajiet governattivi u tiddaħħal skema biex dawn jitnaqqsu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-inizjattiva hija waħda inter-ministerjali
Min-naħa ta’ dan il-Ministeru, bħala l-ewwl fa¿i, saru energy audits tal-binjiet amministrattivi. B’ri¿ultat ta’ dan tnisslu numru ta’ rakkomandazzjonijiet li eventwalment servew bħala parti mill-ba¿i biex fuqu tista’ titfassal strateġija li għandha twassal sabiex Malta tilħaq it-targets stabbiliti.
Dan il-pjan ta’ azzjoni propost jinkorpora fih numri ta’ mizuri u prattiċi li diġa qegħdin jitwettqu biex dan il-carbon footprint mhux biss jitre¿¿an imma wkoll eventwalment jitnaqqas.
Ninsab infurmat li fl-istess waqt mal-evalutazzjonijiet u inizjattiva meħuda minn dan il-Ministru, Ministeri oħra għaddejjin bi studji oħra biex komplessivament l-kontribuzzjonijiet kollha jipprovdu informazzjoni u proposti ta’ inizjattivi biex titfassal strategija ħolistika msemmija hawn fuq li pre¿entement qiegħda tkun iffinalizata.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-parteċipazzjoni fl-istrateġija roadmap to a simple European transport area - towards a competitive and resource efficient transport system?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-“Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" ġie preżentat lill-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Marzu 2011.
Fid-29 t’April 2011, saret preżentazzjoni lill-"MEUSAC Core Group" mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Il-Core Group kien mistieden biex jipprovdi feedback sabiex tiġi stabbilita il-pożizzjoni nazzjonali ta’ Malta rigward il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea. F’Mejju 2011, Malta ssottomettiet formalment il-pożizzjoni tagħha fuq din l-istrateġija lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Fuq livell Ewropew, Malta pparteċipat fid-diskuzzjoni kemm fil-Grupp ta’Ħidma kif ukoll fid-dibattitu li seħħ waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’Ġunju 2011.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30256 u 31407, fejn il-Ministru qalet li ma teżistix klassifikazzjoni u qbil fuq difinizzjoni ta' green jobs fl-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru tgħid għalfejn qed tinjora d-definizzjoni mogħtija fl-ETC report tal-2007 - Employment in the Environmental goods and services in Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ETC bl-ebda mod m’hi qegħda tinjora d-definizzjoni li ngħatat fl-istudju li sar fl-2007 iżda wieħed għandu jispeċifika illi dan l-istudju kien wieħed inizjali fuq is-suġġett relatat; liema suġġett huwa kumplessivament vast f’terminu ta’ definizzjonijiet. Għaldaqstant, ninfurma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ETC, kif ukoll entitatijiet oħra konċernati, qegħdin isegwu r-riċerka u diskussjoni li qed issir fuq livell Ewropew sabiex tinstab definizzjoni komprensiva li tirrapreżenta denjament is-settur imsemmi hawn taħt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' multilateral environment agreements li ġew iffirmati bejn il-Gvern u entitajiet oħra? Jista' jgħid ma' min ġew iffirmati dawn il-multilateral environmental agreements? Jista' jgħid liema entità qed tagħmel il-moniteraġġ ta' dawn il-ftehim?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (Multilateral Environmental Agreements - MEAs) li huma kompitu tal-MEPA jinkludu 12-il Konvenzjoni, 11-il Protokoll, 2 Ftehimiet u 11-il Emenda li Malta hija parti minnhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawn.
Dawn l-MEAs ġew iffirmati man-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran tal-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kunsill tal-Ewropa. Il-MEPA hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-MEAs fuq livell nazzjonali, waqt li l-Konferenzi jew Laqgħat rispettivi tal-Partijiet huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom fuq livell internazzzjonali.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Grand Harbour Vision?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument u ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument sħiħ kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Leġislatura preċedenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma t-time lines tal-istadji varji tal-proċeduri tal-SEA (Strategic Environment Assessment) inkluż dawk għall-konsultazzjoni pubblika?
Response (DEMARCO, MARIO)
Avviż Legali 497 ta’ l-2010 jobbliga lill-awtorità responsabbli tal-pjan jew programm biex tiddetermina jekk il-plan jew programm propost humiex ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. Dan il-proċess huwa magħruf bħala Screening u l-SEA Focal Point ipprovdiet template għal dan l-istadju.
Meta stima ambjentali strateġika tkun meħtieġa, għandu jiġi ppreparat rapport dwar l-ambjent li fih jiġu identifikati, deskritti u valutati l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġjonevoli. Għal skop ta’ konsultazzjoni pubblika, l-abbozz tal-pjan jew tal-programm u r-rapport dwar l-ambjent għandhom ikunu mqiegħda, mill-awtorità responsabbli, għad-disposizzjoni tal-awtoritajiet nominati, tal-awtorità kompetenti u tal-pubbliku. Il-limitu ta’ żmien għal din il-konsultazzjoni m’għandux ikun iktar minn sittax-il ġimgħa mill-publikazzjoni tal-pjan jew programm u r-rapport dwar l-ambjent tiegħu.
Huwa għalhekk li t-
timelines
tal-istudji huma varji u jiddependu mill-pjan jew programm konċernat u kif dan ikun qiegħed jiżviluppa. Filwaqt li huwa fl-interess ta’ l-entita li tħaffef kemm jista’ jkun il-proċess, il-fatt li l-istima ambjentali strateġika trid issir
pari passu
mat-tfassil tal-programm, dan jimplika li ma hemmx terminu fiss biex jiġi konkluż dan il-proċess. Li hu ċert huwa li pjan jew programm ma jistgħax jiġi adottat qabel dan il-proċess ma jkun konkluż kif mitlub fir-regolamenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid il-pjanijiet ta' kif skart tossiku se jkun dispost mill-power station ta' Delimara? Se jkun suġġett għal strategic environment assessment?
Response (DEMARCO, MARIO)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għall-livell ta’ dettal mitlub, irrid niċċara li Strategic Environmental Assessment huwa applikabbli għal pjanijiet u programmi u mhux għal policies jew proġetti.
Jista' l-Ministru jgħid x'tariffi nġabru mill-WasteServ dawn l-aħħar tliet snin mir-rimi ta' skart fil-miżbliet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tariffi li nġabru mill-WasteServ dawn l-aħħar tliet snin mir-rimi ta' skart fil-miżbliet jammontaw ghal € 8,273,072.
Dan l-ammont jinkludi figuri li jinkludu fihom rati differenti skond it-tip ta' skart. Minn l-1 ta' Ottubru 2009, uħud minn dawn ir-rati inbidlu skont l-Avviż Legali 382 tal-2009. Ir-rata applikabbli qabel kienet ta' € 0.77 għal kull tunellata
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-taxxi u tariffi viġenti li japplikaw il-prinċipju tal-polluter pays? X'inhu d-dħul tal-gvern minn dawn it-taxxi u tariffi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid liema kunsilli lokali ssottomettew proġetti sabiex ikunu ffinanzjati mill-programm Eko-Għawdex? Tista' tgħid kemm hu n-numru ta' proġetti ssottomessi s'issa, in-natura ta' dawn il-proġetti u l-valuri tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi Għawdxin kollha ssottomettew proposti għal proġetti taħt l-iskemi maħruġa.
Jiena nfurmata li ġew sottomessi 35 proġett għal valur totali ta' €2.34 miljun li kienu jkopru temi fosthom effiċjenza fl-użu tal-enerġija, separazzjoni tal-iskart, tindif ta' widien, restawr ta' ħitan tas-sejjieħ, riġenerazzjoni ta' żoni pedonali u rikreattivi, restawr, żvilupp ta' child care centre, titjib ta' faċilitajiet sportivi, konservazzjoni tal-ilma u l-ħolqien ta' mużew.
Issa li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għadhiex tagħmel parti mir-responsabilità diretta tal-Prim Ministru, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Policy Advisory Unit se jikkoordina l-ippjanar strateġiku fl-oqsma tal-ippjanar mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-MEPA, l-proposta ta’ unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-politika tal-iżvilupp u tal-ambjent ġiet żviluppata fil-ħsieb ta’ unit li jieħu rwol aktar wiesgħa fil-politika strateġika tal-Gvern.
Għalhekk twaqqaf il-Policy Advisory Board fl-Uffiċċju tiegħi bil-għan li jkun l-advisory board tal-Gvern fuq materji ta’
policy
. Dan il-Board iservi wkoll bħala l-management board tal-Management Efficiency Unit.
Peress li r-remit tal-Policy Advisory Board jestendi għall politika strateġika tal-Gvern fl-oqsma kollha, dan il-Bord jaħdem mal-Ministeri u entitajiet kollha skont il-kas partikolari u għalhekk bidliet li jista’ jkun hemm fil-
portfolios
tal-Gvern ma jaffetwawx l-operat tagħha.
Reviżjoni tal-Istrateġija dwar Żvilupp Sostenibbli
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istrateġija dwar żvilupp sostenibbli li kienet imnedija fl-2007 hux se tkun riveduta formalment u jekk tali reviżjoni ssirx pubblika qabel ma tgħaddi l-Liġi dwar Żvilupp Sostenibbli?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lil Ministru interpellant li kif kien intqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26318 ir-reviżjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli inbeda fl-2009. Hekk kif ir-reviżjoni titlesta l-istrateġija se tiġi ppublikata.