Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċimiterju ta' l-Addolorata — oqbra użati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata u jekk dawn l-oqbra humiex użati kollha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata hemm 15,538 qabar. Huwa diffiċli tghid kemm oqbra qed jintużaw peress li l-użu huwa relatat mal-mewt. Ghalkemm l-oqbra pubblici jintuzaw b’mod regolari hemm bosta oqbra privati li ilhom snin twal minn meta ntużaw l-aħħar.

Belt Valletta — traffic modelling ta' Triq Papa Piju 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isir traffic modelling tas-sistema tat-traffiku tal-Belt Valletta, partikolarment il-bidliet li se jseħħu bit-tneħħija tat-Triq Papa Piju 5? Jista' jqiegħed ir-riżultati ta' dan il-modelling fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) hija l-applikant għall-applikazzjoni ta’ l-ippjanar PA03521/09 “Construction of a New City Gate for Valletta, Parliament Building, a New Theatre at the Royal Opera House Site, and Ditch Landscaping”. Il-GHRC ikkummissjunat il-preparazzjoni ta’ Traffic Impact Statement b’relazzjoni ma’ din l-applikazzjoni fuq il-bażi ta’ Terms of Reference li ġew ippubblikati mill-MEPA. It-Traffic Impact Statement isir dokument pubbliku mas-sottomissjoni tiegħu lill-MEPA.
Leg 11 PQ #14916 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

State of The Environment Report — dewmien fil-pubblikazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jkun ippubblikat l-State of The Environment Report? Fil-każ li dan ir-rapport ilu ma jkun pubblikat, jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn kien hawn daqshekk dewmien fil-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar State of the Environment Report kien ikopri s-sena 2005. Ir-rapport li jmiss ser ikollu l-2008 bħala sena bażi. Ix-xogħol fuqu tlesta u r-rapport mistenni jiġi ppublikat fil-ġranet li ġejjin. Ma kien hemm l-ebda dewmien fil-pubblikazzjoni għaliex il-MEPA toħroġ dan ir-rapport kull 3 snin, b’update reports kull sena. Din il-frekwenza tikkompara tajjeb mal-medja ewropea. Hekk, biex nagħti eżempju, il-European Environment State and Outlook Report jiġi ppublikat kull ħames (5) snin.
Leg 11 PQ #14918 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — precipitators taċ-ċmieni tal-Power Station tal-Marsa li tħallew ma jaħdmux

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ittolerat li l-precipitators taċ-ċmieni tal-Power Station tal-Marsa tħallew ma jaħdmux għal numru ta' xhur is-sena li għaddiet? Jista' jindika jekk din l-awtorità ma kenitx fl-obbligu li tieħu miżuri fir-rigward tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kenitx konxja mid-dewmien biex il-precipitators jerġgħu jitħaddmu u x'miżuri ikkontemplat sabiex tkun irranġata s-sitwazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-MEPA tikkonferma li kemm id-deċiżjoni li jintfew il-precipitators (f’Jannar 2009) kif ukoll id-deċiżjoni li jerġgħu jinxteghlu (fl-aħħar ta’ Ottubru 2009) ittieħdu mill-Korporazzjoni Enemalta fil-perjodu qabel ma' l-impjant tal-Marsa kien irregolat mill-permess tal-IPPC li ħareġ tard is-sena li għaddiet. Il-MEPA tikkonferma wkoll li hija avżat uffiċjalment lill-Korporazzjoni Enemalta li skont il-permess tal-IPPC, kull tibdil fl-operat tal-impjant issa jrid jiġi kemm innotifikat lil kif ukoll approvat mill-MEPA.
Leg 11 PQ #14919 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — obbligi dwar Air Quality Plans

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhuma l-obbligi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Air Quality Plans? Jista' jgħid x'qed tagħmel Malta biex tilqa' dawn l-obbligi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapporti li kienu ippubblikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-obbligu tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Air Quality Plan joħroġ mid-Direttiva 1996/62/EC dwar Stima u Maniġġar tal-Kwalità ta' l-Arja fl-Ambjent, fost oħrajn. Dawn ir-regolament (wkoll eżistenti fil-liġi Maltija permezz ta' l-Att Legali 216/2001 emendat minn 235/2004), jobbligaw lill-MEPA tipprepara pjan ta' azzjoni fil-każ fejn il-livelli tal-kwalità ta' l-arja jeċċedu dawk stipulati fid-direttiva msemmija hawn fuq, u fid-direttivi li joħorġu minnha. Il-MEPA ħejjiet pjan ta' azzjoni għat-trab fin ( Particulate matter - PM10 ) minħabba l-fatt li din is-sustanza ta' tniġġiż qed teċċedi l-livell stipulat fid-direttiva, speċjalment f'siti fejn jgħaddi ħafna traffiku. Il-MEPA bdiet ix-xogħol ma’ l-Awtorità tat-Trasport Pubbliku u ħejjiet l-abbozz f'Diċembru ta l-2008. Dan l-abbozz żviluppa fi pjan ta' azzjoni li għadda minn eżerċizzju ta' konsultazzjoni mal-pubbliku (permezz tal- website tal-MEPA u l-MITC u wkoll laqgħa mal-MEUSAC) u wkoll mal-Ministeri kollha konċernati. Il-pjan jinkludi miżuri bbażati l-iktar fuq immaniġjar tat-traffiku, filwaqt li jinkludi wkoll oħrajn relatati mat-trab ġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni u miżuri eżistenti fl-industrija permezz tal-permessi ambjentali (IPPC). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' azzjoni finali hekk kif intbagħat lill-Kummissjoni fit-12 ta' Frar 2010 (REF_2).

Belt Valletta — traffic modelling ta' Triq Papa Piju 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isir traffic modelling tas-sistema tat-traffiku tal-Belt Valletta, partikolarment il-bidliet li se jseħħu bit-tneħħija tat-Triq Papa Piju 5? Jista' jqiegħed ir-riżultati ta' dan il-modelling fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa Power Station — filters

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-filters tal-Power Station tal-Marsa ma kenux jaħdmu għal numru ta' xhur din is-sena kif rappurtat f'xi sezzjonijiet tal-Istampa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda filters nstallati fil-Power Station tal-Marsa li ma kenux jaħdmu għal numru ta' xhur din is-sena. Madankollu jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal precipitators li huma stallati fuq tliet boilers fil-Marsa Power Station, dawn ġew imwaqqfin mill-MEPA minħabba li nħarġu Stop Notice fuq il-kuntrattur li jieħu ħsieb li l-flyash titneħħa skont ir-regoli. Wara din, Enemalta ħarġet tender u ngħata kuntratt ġdid, biex il-precipitators reġgħu bdew jaħdmu.
Leg 11 PQ #12216 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Kampjuni u testijiet ta' trab iswed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar reġgħet bdiet it-testijiet fuq it-trab iswed li qed jaqa' fuq in-naħa t'isfel ta' Malta? Jekk dawn it-testijiet bdew, jista' jgħid kemm hemm postijiet li minnhom qegħdin jittieħdu kampjuni u liema huma dawn il-lokalitajiet? Jista' jgħid il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni? X'metodoloġija qed tintuża fl-analiżi ta' dawn il-kampjuni? Hemm xi laboratorji barra l-Awtorità li qed jintużaw għall-analiżi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-MEPA ntgħarrfet bil-problema bejn l-aħħar ta' Lulju u l-bidu ta’ Awwissu. Fit-28 ta' Awwissu l-MEPA installat "dust fall out" samplers simli għal dawk skont BS1747 (l-istess tip ta' sampler li ntuża’ fl-istudju li wassal għall-iStacet report). Bi qbil mal-Kunsill Lokali tal-Fgura dawn is-samplers ġew installati f'dawn il-lokalitajiet: Lokalità 1: Uffiċċju tal-Kunsill fi Triq tal-Karmnu. Lokalità 2: Binja tal-Kunsill fi Triq Hompesch. Lokalità 3: Club House tal-Kunsill fi Ġnien Patri Redent Gauci. Lokalità 4: Residenza privata fiTriq l-Iskola. Is- sampler li l-Mepa kienet installat f'Lokalità 3 (il- Club House tal-Kunsill fi Ġnien Patri Redent Gauci.) ma nstabx f'postu u għalhekk l-istudju kompla bit-tlett samplers l-oħra. Intgħażlet il-lokalità tal-Fgura għaliex il-maġġoranza tal- complaints ġew minn din il-lokalità. Mit-28 ta' Awwissu sat-22 ta' Ottubru ftit li xejn ddepożita trab iswed f'dawn is- samplers u allura ma setgħux jintbagħtu barra għall-analiżi. Fit-22 ta' Ottubru reġgħu ġew installati samplers ġodda u dawn reġgħu ġew iċċekkjati fl-aħħar ta' Novembru. F'Awwissu kien ittieħed ukoll kampjun minn residenza privata fi Triq il-Kavallier De Guaras, Tarxien. Dan il-kampjun ġie analizzat fil-Laboratarju tal-Heritage Malta f'Bighi permezz tal-SEM/EDX u ma ġewx irrilevati traċċi ta' nikil u vanadju li jitqiesu bħala tracers tal- heavy fuel oil użat mill- power stations u ta' manjesju li jirriżulta mill-attività tal- power stations . Bħalissa il-MEPA qegħda f'diskussjonijiet mal-Professur Alfred J Vella sabiex jagħti pariri lill-MEPA dwar din il-kwistjoni. Rigward il-metodoliġija, il-MEPA titlob li l-laboratorju li jagħmel l-analiżi jkun akkreditat mill-anqas skont ISO 17025 u preferibbilment li jkun akkreditat għal kull analiżi speċifika li jintalab jagħmel mill-MEPA. Il-Laboratorju jintalab ukoll li jagħmel l-analiżi preferibbilment skont l-i standard relevanti tas-CEN, jekk dan ma jkunx jeżisti skont l-i standard rilevanti tal-ISO jew ta' xi standardisation body ta' xi wieħed mill-istati membru tal-UE. Ġeneralment il-metodi standardizzati għall-analiżi tal-metalli jkunu jinvolvu jew ICP_MS ( inductively coupled plasma mas spectroscopy ) jew AAS (atomic absorption spectroscopy), pero il-MEPA tacetta metodi oħra basta dawn ikunu standardizzati u basta l-laboratorju li jkun qed jagħmel dawn it-testijiet ikun akkreditat. Id-dewmien sabiex wieħed jasal għal xi konklużjoni ġejja mill-fatt li l-ammont ta' trab iswed li qed jiddepożita u jinġabar bħalissa huwa minimu.
Leg 11 PQ #13553 Sitting 177 2009-12-14 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Konsulenti fuq trab iswed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk riċentament tqabbadx xi konsulent jew kumpanija ta' konsulenti sabiex jgħinu lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-investigazzjoni dwar it-trab iswed? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid meta tqabbad dan il-konsulent u jgħid min huwa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità qegħda f'diskussjonijiet mal-Professur Alfred Vella biex jgħina fl-investigazzjoni in kwistjoni.
Leg 11 PQ #13379 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterji f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċimiterji li għadhom jintużaw f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid kemm hemm oqbra f'dawn iċ-ċimiterji, jekk fihomx spazju fejn jistgħu jespandu u x'inhi d-domanda għall-oqbra f'dawn iċ-ċimiterji?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #13383 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Interim From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterju ta' l-Addolorata — estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fl-istorja tiegħu ċ-Ċimiterju ta' l Addolorata kien estiż? Jista' jgħid x'kien in-numru ta' oqbra li ġabet magħha kull estensjoni?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #13385 Sitting 175 2009-12-07 Oral · Interim From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterju ta' l-Addolorata — oqbra użati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm oqbra fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata u jekk dawn l-oqbra humiex użati kollha?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Surveys li saru dwar il-kumpaniji tal-kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kumpaniji tal-kostruzzjoni wieġbu s-surveys għall-ġbir tal-istatistika? Jista' jgħid jekk dawn il-kumpaniji jitqiesux bħala l-industrija kollha jew jitqiesux bħala kampjun tal-industrija? Jekk jitqiesu bħala kampjun, x'inhi l-assumption tal-proporzjon ta' dan il-kampjun għall-industrija kollha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpaniji li l-attività primarja tagħhom hija l-kostruzzjoni huma kklassifikati f’NACE 45 fil-Business Register li għandu l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika. Fl-2007 per eżempju, it-target population kienet tikkonsisti minn 4,041 unit, filwaqt li l-kampjun kien jikkonsisti minn 1,222 unit, li jinkludi l-kumpaniji l-kbar kollha. Huwa stmat li l-units li rrispondew għal dan l-istħarriġ għamlu kontribut ta’ madwar 50 fil-mija tat-turnover totali f’dan is-settur (NACE 45).

żieda ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni fis-settur pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jispjega ż-żieda ta' elf ħaddiem tal-kostruzzjoni li żdiedu fis-settur pubbliku minn Ġunju 2008 sa Ġunju 2009 hekk kif muri fil-ktejjeb Economic Survey ippreżentat mal-Budget 2010? Jista' jgħid ma' liema dipartiment jew aġenzija kienu ingaġġati dawn il-ħaddiema u x'kien l-iskop ta' dan l-ingaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-data tal-impjiegi murija fl-Economic Survey hija data tal-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħrig. Kif spjegat f’paġna 49 tal-Economic Survey, iż-żieda ta’ madwar elf ħaddiem fis-settur pubbliku fis-settur tal-kostruzzjoni bejn Ġunju 2008 u Ġunju 2009 tirrifletti riklassifikazzjoni ta’ ħaddiema. Dawn kienu mpjegati tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali li ġew riklassifikati mis-settur ta’ l-agrikoltura u attivitajiet relatati (NACE 1) għas-settur tal-kostruzzjoni (NACE 45).

Korporazzjoni Enemalta — testijiet ta' trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta l-Korporazzjoni Enemalta għamlet dikjarazzjoni fil-bidu tas-sajf li għadda li t-trab iswed li qed jaqa' fin-naħa t'isfel ta' Malta mhuwiex ikkawżat minn xi impjant tagħha, għamlitx din id-dikjarazzjoni abbażi ta' testijiet li kienu saru? Jekk saru dawn it-testijiet, jista' jagħmilhom pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra l-Enemalta kienet installat strumenti li permezz tagħhom tagħmel monitoring kontinwu tal-emissjonijiet ta' trab mill-Power Station. Skond ir-riżultati ta' dan il-monitoring il-livell ta' emissjonijiet kien kważi dejjem l-istess u ma kien hemm l-ebda varjazzjoni sinifikanti fil-perjodu li fih ġie rrapurtati it-trab l-iswed. Ninsab infurmat ukoll li minn testijiet li għamlet il-MEPA fuq it-trab iswed li ġie elevat minn fuq il-post, ma nstabux l-elementi essenzjali li bilfors irid ikollu t-trab li kieku dan kien ġej mill-Power Station.

Korporazzjoni Enemalta — testijiet ta' trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta l-Korporazzjoni Enemalta għamlet dikjarazzjoni fil-bidu tas-sajf li għadda li t-trab iswed li qed jaqa' fin-naħa t'isfel ta' Malta mhuwiex ikkawżat minn xi impjant tagħha, għamlitx din id-dikjarazzjoni abbażi ta' testijiet li kienu saru? Jekk saru dawn it-testijiet, jista' jagħmilhom pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.