Legislature:
Category:
Reset
Active:

Suwiċidji ta' persuni ta’ 18-il sena jew inqas

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm seħħew imwiet f'pajjiżna kawża ta' suwiċidju f'persuni ta' 18-il sena u inqas fl-aħħar tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Registru Nazzjonali tal-Imwiet, bejn l-2019 u l-2021 kien hemm żewg imwiet f'pajjiżna kawża ta' suwiċidju f'persuni ta' 18-il sena u inqas.

Fond ta’ Kontinġenza – riforma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tibda r-riforma fin-natura tal-Fond ta’ Kontinġenza stabbilit fil-Kostituzzjoni sabiex tibda titpoġġa fih parti mid-dħul annwali tal-Gvern?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għadu prematur sabiex wieħed jibda jiddiskuti din il-materja.

Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Fawran tad-drenaġġ

Question

Peress li fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi hemm problema kbira għax malli tagħmel ħalba xita, ifur id-drenaġġ b’detriment lejn is-saħħa tar-residenti Qriema, lejn il-komunità kummerċjali u kull min jaħdem u jiffrekwenta din iż-żona, u billi ta’ min jinnota li fl-aħħar xhur il-Ministeru responsabbli mit-trasport u l-infrastruttura wettaq xogħol ġdid f’din it-triq, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ xogħol qed isir biex din il-problema tiġi indirizzata? Jista’ jindika wkoll meta din il-problema se tiġi riżolta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Siġġiewi – Tħaddim tal-iskema tal-Pulizija għall-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se tibda titħaddem l-iskema tal-Pulizija għall-Komunità fis-Siġġiewi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi huwa previst illi l-Community Policing ġewwa s-Siġġiewi ser tibda topera fi ftit xhur oħra din is-sena.

Tnaqqis fir-rata tal-VAT għall-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb

Question

Jista’ l-Ministru jindika hemmx ħsieb biex inaqqas ir-rata tal-VAT lill-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex jagħti spinta u nifs minħabba ż-żieda fl-ispejjeż lil bosta sidien u ħaddiema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m'hemm l-ebda ħsieb li titnaqqas ir-rata tal-VAT.

Ħal Qormi – Proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied – konsultazzjoni

Question

Peress li rċevejt numru ta' ilmenti mir-residenti li qed juru t-tħassib tagħhom dwar il-proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied f'Ħal Qormi,fejn ir-residenti qed jisħqu li ma saritx konsultazzjoni biżżejjed u ma jafux eżattament x'se jkun qed isir, għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni serja mar-residenti? Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-ispjazju ta’ parkeġġ mhux se jonqos? Jista’ wkoll il-Ministru jikkonferma li l-proġett mhux se joħloq iktar inkonvenjent, li jista’ jipperikola ħajjet in-nies, vis-à-vis l-ilma li jkollu jgħaddi kull sena miż-żona?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mrieħel – proġett fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan dwar il-proġett li kien imsemmi fil-leġiżlatura li għaddiet fiż-żona tal-bypass tal-Imrieħel fil-periferija ta’ Ħal Qormi, liema żvilupp kien se jeqred bosta raba’ saqwi fiż-żona u jipperikola l-futur tad-delizzju tal-logħob tan-nar f'Ħal Qormi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif kelli l-opportunità li nispjega fil-jiem li għaddew, dan il-proġett għadu fi stadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni u ebda deċizoni finali għadha ma ttieħdet dwaru. Però rrid infakkar lill-Onorevoli interpellant li l-ħtieġa ta’ proġett għal aktar sigurtà fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025. Fil-fatt, it-titjib tal-Bypass tal-Imrieħel hu mnizzel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li jiffurmaw parti min-network Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea (EU) 1315/2013. Il-bzonn ta’ titjib tas-sigurtà ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala diffikultà inkwetanti fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006. Dan il-pjan jidentifika t-titjib fis-sigurtà tal-Bypass tal-Imrieħel bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin. Kien intqal li: “Il-MEPA tappoġġja u tħeġġeġ lill-ADT u lil entitajiet oħrajn biex iwettqu xogħlijiet u mizuri biex jikkontrollaw il-parkeġġ, ineħħu l-perikli u jirregolaw il-movimenti fil-Bypass tal-Imrieħel.” Għan importanti ieħor ta’ dan il-proġett propost hu l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda għal modi alternattivi għall-ivvjaġġar, fosthom passaġġi għar-roti u l-mixi bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi. Kien fl-aħħar tal-2021 li Infrastructure Malta ħabbret li bdiet il-proċess ta’ ppjanar u konsultazzjoni għal proġett ta’ titjib fil-junction bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluza li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha seħħew ħafna ħabtiet koroh, b’uħud iwasslu għal imwiet.