Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsaxlokk – Breakwater

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-breakwater fil-Ponta ta’ Qrejten f’Marsaxlokk? Jista’ jikkunsidra diskussjonijiet għal breakwater min-naħa tal-Magħluq ta' Marsaxlokk li jikkumplimenta l-breakwater fil-Ponta ta' Qrejten biex b’hekk il-bċejjeċ tas-sajd ikunu protetti sal-massimu minn maltempati mix-xlokk, u permezz ta' dan, il-karba tas-sajjieda u l-inkwiet għal dawk kollha b'interess fil-Port ta' Marsaxlokk, tiġi indirizzata bl-aqwa mod b'potenzjal ukoll għal iktar kummerċ u turiżmu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ta’ €4 miljun biex jinbena breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten ħalli jitjieb l-aċċess u l-użu tal-Port ta’ Marsaxlokk, huwa investiment ieħor fl-infrastruttura marittima li Infrastructure Malta se tkun qed tlesti din is-sena. Is-sajjieda Xlukkajri kien ilhom snin twal jitolbu li ssir din l-istruttura sabiex tkennilhom il-port u tnaqqas ir-riskji li l-maltemp jagħmel ħsarat lill-bastimenti tas-sajd li jinżammu f’dawn l-inħawi. Il- breakwater se jkun twil mal-110 metri, u qed jinbena f’fond ta’ madwar tliet metri u nofs taħt il-livell tal-baħar. Il-wiċċ tiegħu 'l fuq mill-baħar ser ikun wiesgħa mas-sitt metri. Madwar din l-istruttura, se jitqiegħed ġebel kbir biex ikisser il-mewġ u jżommu milli jidħol b’qawwa fil-port. L-istruttura se tkun tixbaħ lil dik tal- breakwater tal-Port tal-Imġarr, f’Għawdex. Ix-xogħol fuq il-breakwater kien maqsum f’14-il fażi. Bħalissa x-xogħol jinsab fi stadju fejn il-kuntrattur qiegħed iħammel u jħejji biex ilesti l-pedament fit-13-il fażi. Ladarba titlesta din il-fażi u dik sussegwenti, x-xogħol li għandu jsir taħt wiċċ il-baħar ikun komplut. Inbeda wkoll il-proċess tat-tqattiegħ tal-blat kbir li se jkun qed iservi biex miegħu jitkisser il-mewġ. Dan il-blat diġà qed jitpoġġa fuq is-sit f’dawk li huma l-ewwel u t-tieni fażi tal-proġett. Il-kuntrattur bħalissa qed jagħmel ukoll il-preparamenti biex ikollu l-materjal li hemm bżonn ħalli kif jitlesta x-xogħol ta’ taht il-baħar jinbeda minnufih ix-xogħol fuq il-wiċċ tal-breakwater, li jkun dak li jiffinalizza l-proċess tal-kostruzzjoni. Il-breakwater fil-Ponta tal-Qrejten, li huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd tal-Unjoni Ewropea, se jnaqqas il-forza tal-mewġ li jidħol fil-bajja ta’ Marsaxlokk u li jikkaġunaw ħafna ħsarat kemm lid-dgħajjes tas-sajjieda kif ukoll lill-binjiet, strutturi u attivitajiet ekonomiċi madwar il-kosta ta’ dan il-villaġġ pittoresk. Se jipproteġi wkoll l-infrastruttura ta’ max-xatt, li tintuża mis-sajjieda u minn ħafna persuni oħrajn għal attivitajiet differenti, fosthom l-għaxar skali li Infrastructure Malta għadha kemm reġgħet bniethom mill-ġdid is-sena li għaddiet. L-aġenzija bħalissa għaddejja wkoll bl-ippjanar ta’ proġett ieħor sabiex tibdel u ttejjeb il-puntuni tas-sajjieda fl-inħawi tal-Magħluq. Rigward il-bini ta’ breakwater ieħor f’dawn l-inħawi, qed isiru diskussjonijiet mal-entitajiet governattivi li għandhom interess fil-port biex tkun tista’ tiġi fformulata stampa ċara ta’ dak li hemm ippjanat fil-futur qrib u anke għal iżjed 'il quddiem. Il-possibbiltà li jinbena breakwater ieħor hija waħda fattibbli. Għaldaqstant, il-pjan hu li jsiru studji matematiċi u xjentifiċi biex jiġi determinat l-aħjar post għall-breakwater kif ukoll jekk ikunx hemm impatti negattivi tal-istruttura fuq żoni oħrajn tal-port. Permezz ta’ dan il-proċess, wieħed jkun jista’ jaċċerta li tiġi mibnija u implimentata l-opzjoni li tkun tal-ikbar benefiċċju u tagħti l-aktar protezzjoni lill-bastimenti tas-sajjieda u l-attivitajiet ta’ kummerċ fiż-żona tal-bajja ta’ Marsaxlokk filwaqt li nissalvagwardjaw l-ambjent naturali.

Marsaxlokk – Breakwater

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-breakwater fil-Ponta ta’ Qrejten f’Marsaxlokk? Jista’ jikkunsidra diskussjonijiet għal breakwater min-naħa tal-Magħluq ta' Marsaxlokk li jikkumplimenta l-breakwater fil-Ponta ta' Qrejten biex b’hekk il-bċejjeċ tas-sajd ikunu protetti sal-massimu minn maltempati mix-xlokk, u permezz ta' dan il-karba tas-sajjieda u l-inkwiet għal dawk kollha b'interess fil-Port ta' Marsaxlokk tiġi indirizzata bl-aqwa mod b'potenzjal ukoll għal iktar kummerċ u turiżmu?

Response (REFALO, ANTON)

Xogħlijiet fuq breakwaters huma r-responsabilità ta’ Transport Malta u mhux ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Marsaskala – Bajja bejn il-Ponta tal-Miġnuna u l-Bajja ta’ San Tumas – taraġ tal-injam

Question

Wara li mal-kunsillier ta' Marsaskala, is-Sur Ryan Portelli żort il-bajja li tinsab bejn il-Ponta tal-Miġnuna u l-Bajja ta' San Tumas (wara s-sala Sant'Anna) kif indikat fil-mappa li qed tingħata separatament, fejn wera kemm-il darba interess biex jinbena taraġ għall-użu iktar sikur tal-bajja rispettiva, aċċessibli l-iktar minn Triq is-Sikka u Triq il-Qaliet, anke wara li kienu diversi r-residenti Skalin li urew din ix-xewqa, tista’ l-Ministru tgħid jekk dan is-sajf tistax tirrealizza din ix-xewqa b'struttura li jinkludi taraġ tal-injam li jiffaċilita l-aċċess għall-bajja taflija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex jerġa’ jsir intervent f’din iż-żona. Din mhux l-ewwel darba li l-Aġenzija fi ħdan il-Ministeru kienet involuta mal-Kunsill Lokali sabiex itejjbu dan l-aċċess.

OHSA – Project Supervisor

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-persuni reġistrati mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-kompetenza ta’ Project Supervisor? Jista’ jgħid kemm-il sit jista’ jissorvelja simultanjament Project Supervisor skont l-OHSA u kemm tippermetti l-liġi? Kemm jitħallas Project Supervisor għall-perjodu ta’ sena u għal liema danni finanzjarji legali hu/hi huwa/hija espost/a kemm-il darba b’negliġenza jew b’nuqqas ta’ ħidma professjonali, ma jsirx xogħol adegwat f’siti jew żoni ta’ kostruzzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemm l-ebda obbligu legali li persuna li taħdem ta’ Project Supervisor trid tkun reġistrata b’xi mod mal-OHSA. Il-liġi dwar saħħa u sigurtà ma tidħolx fil-mertu ta’ ħlas bejn partijiet.

Baġit għal sportivi/atleti biex jitħarrġu b’mod professjonali ma istituzzjonijiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm pajjiżna b’mod dirett qiegħed jalloka baġit għal sportivi/atleti biex jitħarrġu b'mod professjonali ma' istituzzjonijiet internazzjonali, bil-għan li ntejbu l-kompetenza tagħhom u jagħmlu isem għal pajjiżna f'kompetizzjonijiet mondjali? Kemm huma l-Maltin li qed jitħarrġu barra minn xtutna bħala atleti jew uffiċjali u kemm qed jibbenefikaw minn finanzi u/jew sussidji offruti mill-Gvern jew SportMalta? Peress li dan l-aħħar snin smajna bosta miżuri infrastrutturali fejn jidħol waterpolo u futbol għal titjieb fil-performance u anke biex titqajjem kuxjenza, jista’ l-Ministru jgħid kif se jkunu indirizzati dixxiplini sportivi individwali bħalma huma l-ġinnastika, l-atletika u l-motor sports?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. interpellant illi SportMalta tassisti għaqdiet sportivi biex jagħtu kull assistenza possibbli lill-atleti tagħhom biex jitħarrgu barra mill-pajjiż kif ukoll biex jikkompetu f’kompetizzjonijiet biex jgħollu l-livell fl-isport tagħhom. Fl-2019 SportMalta għaddiet total ta’ €760,000 permezz ta’ skemi fejn l-atleti jsiefru barra mill-pajjiz biex jitħarrgu kif ukoll biex jistiednu organizzazzjonijiet sportivi minn barra l-pajjiż biex jitħarrġu u jikkompetu f’kompetizzjonijiet amikevoli u kompetittivi flimkien ġewwa pajjiżna. Dan jeskludi flus mgħoddija lill-atleti fuq il-flexi-training scheme fejn atleti jitħarrġu ta’ kuljum waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom. €409,000 oħra ġew allokati għall-ewwel sitt xhur tal-2020 għall-istess għanijiet. Dan il-baġit ma jinkludix l-ammonti ta’ flus mgħoddija speċifikament għal dan il-għan lill-Kumitat Olimpiku Malti. Il-baġit totali mgħoddi lill-Kumitat Olimpiku Malti fl-2019 kien ta’ €704,960. Il-baġit għall-2020 hu ta’ €765,460. Għas-snin 2021 u 2022, il-Kumitat Olimpiku Malti se jkun qed jingħata baġit bla preċedent biex iħarreġ l-atleti f’kull dixxiplina biex naslu għall-2023 b’atleti preparati għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta. Il-baġit totali tal-Kumitat Olimpiku Malti għas-sena 2020 ser ikun ta’ €3,407,600. Addizzjonalment, il-Gvern jaħseb biex jipprovdi boroż ta’ studju lil atleti li jkunu jixtiequ jitħarrġu barra minn Malta b’mod iktar permanenti u biex jgħollu l-prestazzjoni tagħhom fil-kamp sportiv. Fl-2019 il-Malta Sport Scholarships Scheme ħallset €130,000.00 f’boroż ta’ studju li bbenefikaw sittax (16)-il applikant. €130,000.00 oħra ġew allokati għas-sena 2020. Il-Malta Sport Scholarships Scheme, biex tilħaq iktar atleti professjonisti (speċjalment il-ġinnastika), niżżlet l-età sa ħdax (11)-il sena għal dawk kollha li jixtiequ japplikaw fuq kwalunkwe tip ta’ sport. Infurmat ukoll li għalkemm l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) bħalissa m'għandhiex studenti jitħarrġu barra (però ikun hemm min imur għal trials), l-iskola kellha ex-studenti li tħarrġu barra minn Malta fil-Montenegro, l-Italja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Belġju u l-Awstralja f'dawn id-dixxiplini sportivi: waterpolo, għawm, futbol u squash. Dan kollu jgħodd f’ċirkostanzi normali u mhux bħal dawk tal-lum meta, fost oħrajn, l-ivvjaġġar hu wkoll ipprojbit.

Marsaskala – caravans

Question

Peress li għal xhur sħaħ, diversi persuni ħallew il-caravans jew strutturi oħra tagħhom mingħajr ma kienu rmunkati ma' vetturi reġistrati biex b’hekk ikkapparaw żoni f'Marsaskala primarjament fiż-żoni tal-Bajja ta' San Tumas, il-Munxar u l-madwar u taż-Żonqor u dan b'inkonvenjent u għad-detriment tal-komunità Skaliża, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu fil-konfront ta' dawk li qed jabbużaw mil-liġi u qed jingumbraw artijiet ta' dominju pubbliku li mhumiex identifikati bħala siti għal camping jew caravans?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Puliżija ilha f’konsultazzjoni fuq din il-materja ma’ diversi entitajiet tal-Gvern inklużi dawk li għandhom l-istess poteri ta’ inforzar skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.13. Infurmat li f’dawn l-aħħar jiem il-Puliżija tad-Distrett ta’ Marsaskala ħadet azzjoni biex abbażi tal-imsemmija leġiżlazzjoni, waħħlet avviżi fuq l-oġġetti ta’ ingombru u ċjoè il-caravans imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Is-sitwazzjoni ser tibqa’ tiġi mistħarrġa fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin biex tiġi riżolta.

OHSA – Project Supervisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1. Kemm jammontaw il-persuni reġistrati mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-kompetenza ta’ Project Supervisor? 2. Kemm-il site jista’ jissorvelja simultanjament Project Supervisor skont l-OHSA u kemm tippermetti l-liġi? u 3. Kemm jitħallas Project Supervisor għal perjodu ta’ sena u għal liema danni finanzjarji legali hu/hi espost/a kemm-il darba b’negliġenza jew nuqqas ta’ ħidma professjonali ma jsirx xogħol adekwat f’siti jew żoni ta’ kostruzzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.