Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31965 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

informazzjoni fuq il-karti tal-identità l-ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31688 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta jsiru l-karti tal-identità l-ġodda, hux se jkun hemm dettalji personali bħal blood group u allerġiji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-aspett viżwali u elettroniku ta’ informazzjoni fuq il-karti tal-identità l-ġodda (eID Cards) ħa jinkludi dettalji meħtieġa skont l-Att dwar il-Karti tal-Identita` (KAP 258). L-istess Karta tal-Identità ħa tinkludi wkoll sistemi ta’ ċertifikati diġitali li jippermettu liċ-ċittadin jaċċessa sistemi elettroniċi bis-sigurta` meħtieġa għal servizzi ġodda ta’ eGovernment, inkluż dawk relatati mas-Saħħa. Dettalji bħal blood group u allerġiji fost oħrajn ħa jibqgħu jinżammu separatament fis-sistemi tal-Informatika relatati mas-saħħa li pero’ huwa maħsub li jsiru aċċessibli, dejjem fl-ambitu tas-sigurta’ meħtieġa, bl-istess Karta tal-Identità permezz ta’ inizjattivi ta’ eGovernment u eHealth.

parking fil-Belt għal mingħandu familjari residenzi fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31830 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhuma l-vantaġġi li għandhom ulied residenti anzjani Beltin fir-rigward ta' ipparkjar tal-vetturi tagħhom fil-Belt sew bħala ħlas fir-rigward ta' CVA kif ukoll bħala parking bays li jistgħu jkunu riservati għalihom b'mod partikolari f'ħinijiet meta s-sistema tas-CVA l-Belt tkun b'xejn għal kulħadd partikolarment bil-lejl u fil-weekends?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond ir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Certi Zoni (LN 105 ta’ l-2007), il-vantaġġi li għandhom ulied ir-residenti anzjani Beltin huma hekk kif ġej: 1. Persuna anzjana li għandha wieħed u sittin sena jew aktar u hija residenti l-Belt, tista’ tapplika għall-vettura waħda reġistrata f’isem kull wieħed/waħda mill-eqreb qraba tagħha; 2. Meta persuna anzjana ma jkollhiex ulied, tista’ tinnomina sa żewġ vetturi li jkunu jappartjenu jew lil xi wieħed jew waħda minn ħuthom, jew lill-eqreb neputi jew neputija mill-ħlas tad-dritt għall-aċċess kull meta jidħlu f’dik iz-zona. Dawn l-eżenzjonijiet wara li jiġu approvati mill-Bord tas-CVA, huma kontra ħlas ta €46.59 kull sena u b’hekk sid il-karrozza ma jirċevix kontijiet tas-CVA; 3. Ma hemm l-ebda parking riservat għall-individwu li jiġi nnominat minn xi persuna anzjana. Madankollu, meta sid ta' vettura (hekk kif indikat fl-ewwel paragrafu surreferit) jidħol il-Belt u jipparkja fiz-zona li l-aċċess għaliha jkun bi ħlas, għandu l-għażla u jista' jipparkja hekk kif indikat hawn taħt: a. Fil-Parking bays “Bojod” – jistgħu jipparkjaw fihom għal erba' u għoxrin siegħa kuljum; b. Fil-Parking bays “Blu”– jistgħu jipparkjaw kuljum fihom bejn s-sebgħa ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija. 4. Min ma jkunx applika għal din l-eżenzjoni (hekk kif indikat fl-ewwel paragrafu surreferit), ikun jista’ jipparkja kuljum ġewwa l-Belt Valletta mingħajr ħlas hekk kif ġej: a) Mit-Tnejn sal-Ġimgħa – Jistgħu jipparkjaw mis-sitta ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ l-għada filgħodu; b) Is-Sibt mis-siegħa ta’ wara nofs inhar 'il quddiem; c) Il-Ħdud u l-festi l-ġurnata kollha; d) Barra minn hekk, l-ewwel nofs siegħa mid-dhul fiz-zona kontrollata fi kwalunkwe ġurnata hija mingħajr ħlas u fil-ħinijiet l-oħra ikun suġġett għall-ħlas dovut taħt is-CVA.

Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-appartament li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, lil min jappartjeni, jekk hux lill-Gvern jew lill-inkwilin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-indirizz li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jikkonsisti minn blokk ta’ 8 appartamenti li sebgħa minnhom huma tal-gvern, filwaqt li appartament wieħed kien mixtri mill-inkwilin.

Furjana — Sqaq Harper - parking bays għall-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parking bay fi Sqaq Harper, il-Furjana hu riservat għall-vetturi ta' outpatients li jmorru għall-kura tal-cancer fl-Isptar Boffa? Japprezza l-Ministru li dawk f'Telgħet il-Kurċifiss mhumiex addattati għal persuni hekk morda? Saru talbiet mal-awtoritajiet ta' Trasport Malta u dawk lokali għal dan il-għan u x'irriżulta fil-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fi Sqaq Harper, il-Furjana hemm 3 parking bays riservati għal pazjenti li jmmoru l-Isptar Boffa għall-kura tal-Kanċer. Ma dawn hemm 7 parking bays oħra fit-telgħa tal-Kurċifiss. Saret talba lill-Trasport Malta sabiex jiżdiedu parking bays , madankollu din it-talba għadha ma ġietx approvata.

Awtorità tad-Djar — estensjoni ta' skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tad-Djar se testendi l-iskema li biha tista' tixtri darek mingħand il-gvern? Jikkunsidra li jiżdiedu l-bqija tal-ibliet tal-Port il-Kbir fl-iskema mill-aktar fis?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-iskema “ninvesti fid-dar tiegħi” ġewwa l-Kottonera se tkun estiża għal aktar żmien. Qed jiġi kkunsidrat ukoll illi din l-iskema tiġi estiża fil-bqija tal-lokalitajiet indikati mill-Interpellant u lokalitajiet oħra.

parking fil-Belt għal mingħandu familjari residenzi fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-vantaġġi li għandhom ulied residenti anzjani Beltin fir-rigward ta' ipparkjar tal-vetturi tagħhom fil-Belt sew bħala ħlas fir-rigward ta' CVA kif ukoll bħala parking bays li jistgħu jkunu riservati għalihom b'mod partikolari f'ħinijiet meta s-sistema tas-CVA l-Belt tkun b'xejn għal kulħadd partikolarment bil-lejl u fil-weekends?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress illi s-sistema tas-CVA taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

colostomy bags mogħtija bl-iskema V

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pazjenti b'colostomy bags minħabba perforazzjoni tal-musrana b'Diverticulitis humiex intitolati għalihom bl-iskema V kif estiża wara emendi fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazjoni li rċevejna mill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, bis-saħħa ta’ emendi ġodda li għandhom kemm għaddew mill-Parlament dan l-aħħar, pażjenti b’Diverticulitis ser ikunu ntitolati għal colostomy bags taħt il-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

stallar ta' lift f'appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar studju biex jiġi stallat lift fl-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu sepatarament? Jekk iva, x'kien l-eżitu? Jekk le, jista' jsir mill-aktar fis?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar kienet irċeviet applikazzjoni taħt Skema V mir-residenti ta’ Flat li jagħmel parti minn blokk ta’ sitt appartamenti. Wieħed mir-regolamenti ta’ din l-iskema jesiġi li qabel ma tiġi sottomessa applikazzjoni, ir-residenti għandhom jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti tal-Blokk biex taċċetta r-responsabbilitajiet marbuta ma’ manutenzjoni tal-lift u tal-partijiet komuni u ħlas tal-konsum tal-elettriku u tat-telefon. Ir-residenti ta’ dan l-appartament ġew mitluba jiffurmaw din l-Assoċjazzjoni permezz ta’ ittra datata 28 ta’ Jannar 2010 u biex jikkuntattjaw l-Awtoritá meta din tiġi mwaqqfa u jiġi maħtur Rappreżentant. Jiena nfurmat li sal-lum l-Awtoritá tad-Djar ma rċevietx tweġiba għal dan u billi għadda ż-żmien mid-data ta’ din l-ittra u l-Iskema V ħaditilha postha l-Iskema ġdida E, tkun trid issir applikazzjoni ġdida permess ta’ din l-iskema tal-aħħar.

Belt — Triq l-Arcisqof - Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Arċisqof bejn Triq Sant'Orsla u Triq il-Lvant, il-Belt Valletta hux se tingħata tarmak?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant illi din it-triq hi responsabbiltà tal-kunsill lokali u mhix inkluża fil-programm tar-riabilitazzjoni taċ-ċentru tal-Belt.

Rotta tal-Arriva Valletta — Żurrieq

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkunsidrat li r-rotta tal-Arriva Valletta - Żurrieq tidħol fid-daħla tar-Residenza San Vincenz de Paul biex familjari ta' residenti jsibuha aktar komda?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31079. Madanakollu, ninsab infurmat illi kemm ir-rotta 71, li tgħaqqad il-lokalità taż-Żurrieq mal-Belt Valletta, kif ukoll ir-rotta 117 li tgħaqqad il-lokalità taż-Żurrieq mal-Isptar Mater Dei jieqfu viċin ir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule għalkemm ma jidħlux sa quddiem l-isptar. Infurmat ukoll illi l-unika rotta li tidħol quddiem din ir-residenza hija rotta 135. Din ir-rotta titħaddem minn vettura iżgħar. Meta wieħed juża’ r-rotot 117, kif ukoll is-71, dan ikun jista’ jieqaf fuq il-bus stop Farruġ minn fejn ikun jistgħa jaqbad ir-rotta 135 li twasslu sa quddiem din ir-residenza.

informazzjoni dwar ir-responsabbiltà ta' tiswija ta' appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-responsabbiltà għat-tiswija ta' ħsarat f'soqfa ta' flats tal-gvern hux se tibda tiġi amministrata mill-kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, minn meta? Dan jgħodd ukoll għal tiswija ta' periklu jew tal-komun f'kondominja tal-appartamenti li fil-biċċa l-kbira huma mikrija mill-gvern?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-awtorità se tibqa’ żżomm ir-responsabbiltà tal-manutenzjoni strutturali u straordinarja tal-proprjetajiet t’akkomodazzjoni soċjali.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28203 u jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28203.

Zebra crossings imdawla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il zebra crossing hi mdawla? Fl-aħħar spezzjoni kemm minnhom instabu in working condition?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hawn 217-il pelican crossing istallati f'Malta u Għawdex. Mill-aħħar spezzjonijiet li saru jirriżulta li hemm total ta' 6 pelican crossings fejn is-sistema mhux qed taħdem. Qed jittieħdu passi biex dawn jissewew.

Furjana — Balzunetta - Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu allokati appartamenti f'Balzunetta fil-Furjana fil-jiem li ġejjin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tinsab fil-proċess li tagħlaq (finish) dawn il-postijiet. Fil-mument li dan isir, l-awtorità tibda proċess għall-allokazzjoni.

Sptar Boffa — provista ta' ilma sħun fil-wards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-limitazzjonijiet sabiex ikun hemm provista ta' ilma sħun fil-wards tal-Isptar Boffa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li m’hemm l-ebda limitazzjonijiet sabiex ikun hemm ilma sħun fil-wards tal-Isptar Boffa. Ninsab infurmat li kien hemm xi ħsara u din ġiet irranġata.

Investigazzjoni dwar serqa

Question

Rigward is-serqa mid-dar tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet, partikolarment fir-rigward ta' video cameras fil-viċin li rnexxielhom jgħinu fl-identifikazzjoni tal-aggressur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, il-Pulizija għadha għadejja bl-investigazzjoni dwar is-serqa minn fuq il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Qtar tal-Għajnejn Betaxolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu in stock il-qtar tal-għajnejn Betaxolol għall-Glaucoma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement and Supplies (Taqsima tas-Saħħa) ordna stock għas-sitt xhur li ġejin fl-14 ta’ Dicembru 2011 u għandha 28 ġurnata sabiex tasal il-kunsinna. Għaldaqstant qed isiru sforzi minn naħa tad-dipartiment sabiex parti mill-kunsinna tasal qabel iż-żmien stipulat.