Legislature:
Category:
Reset
Active:

Furjana — Triq l-Argotti - Xogħol fuq iż-żewġ binjiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32467, jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq iż-żewġ binjiet l-oħra fi Triq l-Argotti l-Furjana?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi x-xogħol fuq Block B huwa lest. Block A it-tender għal finishing huwa lest u se jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Il-kuntratt għall-istallazzjoni tal-lift ikopri t-tliet blokki u jibda fit-12 ta’ Marzu, 2012, u jagħlaq fit-18 ta’ Ġunju, 2012.

Belt — spazju riservat għall-bejjiegħa tal-monti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32475 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta u jara li meta jsir ir-restwar tal-Palazz fuq in-naħa ta' fuq ta' Triq il-Merkanti l-Belt, meta jsir l-iscaffolding, l-ispazju riservat għall-bejjiegħa tal-monti jiġi estiż 'il fuq minn Triq it-Teatru u mhux 'l isfel minn Triq l-Arċisqof?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor.Interpellant li ħadt nota tal-proposta tiegħu, iżda rrid ninfurmah ukoll li l-arranġamenti għadhom qed jiġu diskussi.

qasam tal-kura tal-anzjani — impjieg ta' social assistants

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32466 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu impjegati social assistants fil-qasam tal-kura tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ kollu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jsir skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll skont kif maqbul mal-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Public Administrtion HR Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Pazjenti li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31964 u jgħid kemm-il pazjent bid-dementia se jingħata kura b'xejn matul din is-sena? Kemm huma vvutati flus għal dan il-għan? Jekk mhemmx biżżejjed flus ivvutati fuq liema kirterju se jintgħażlu l-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ mitejn elf Ewro (€200,000.00) sabiex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċini li bħalissa qegħdin fil-Formularju tal-Gvern se jibdew jingħataw għall-kura tad-dimenzja. Il-liġi li temenda l-iSkeda V tal-Att tas-Sigurtà Soċjali (AH 1/2012) għaddiet mill-Parlament fit-3 ta’ Frar 2012, u se tiġi fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu. F’dan l-istadju bikri mhuwiex possibli li wieħed ikun ċert kemm se jintnefqu flus. Kull min għandu d-dimentia huwa intitolat għal xi forma ta’ mediċini li jinstabu fuq il-formolarju tal-gvern.

Arloġġi fuq bus stops

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31394 u jgħid kemm-il arloġġ hemm fuq il-bus stops f'pajjiżna? Fl-aħħar spezzjoni, kemm minnhom instabu in working order?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 34 arloġġ fuq diversi bus stops madwar Malta u Għawdex. Minn dawn l-arloġġi, 29 qed jiffunzjonaw tajjeb filwaqt li l-5 l-oħra qed issir manutenzjoni fuqhom.

Ħamrun — Triq id-Duluri - ilment dwar is-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'għandha ppjanat li jsir fir-rigward tad-drenaġġ li qed jispiċċa fil-btieħi u s-sistemi tad-drenaġġ ta' residenti fi Triq id-Duluri kantuniera ma' Triq Indri Cilia, l-Ħamrun? Tapprezza l-korporazzjoni li dan l-inkonvinjent ilu għaddej mill-1996 meta nbniet it-triq mill-ġdid?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet irċeviet ilment biss mingħand residenza waħda ġo Triq id-Duluri, Hamrun. Mill-investigazzjonijiet li saru fuq is-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni u anke ta’ din id-dar, jirriżulta li s-sistema tad-drenaġġ ta’ din id-dar qegħdha installata wisq fil-fond u bi ftit wisq pendil għal ġol-main ta’ KSI bil-konsegwenza li jista’ jiġi drenaġġ b’lura meta jkun hemm il-main ta’ barra mimli iżjed min-normal għal xi raġuni, bħal per eżempju meta illegalment jidħol ħafna ilma fis-sistema tad-drenaġġ waqt xi maltempata. Il-Korporazzjoni kienet irrakkomandat lis-sid ta’ din id-dar biex jinstalla ‘Non-Return Valve’ mas-sufun, pero jidher li s-sid ma ħax dan il-parir.

Rotta mill-Isptar Mater Dei għall-Ħamrun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx rotta li tmur direttament mill-Ħamrun għall-Isptar Mater Dei u x'inhi l-frekwenza fil-ħin tal-viżitaturi tal-istpar filgħaxija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament hemm żewġ rotot li jipprovdu servizz bejn il-Ħamrun u l-Isptar Mater Dei li huma: · Rotta 122 li tgħaddi mill-inħawi tal-Mile End u l-Knisja tal-Kunċizzjoni u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta · Rotta 123 li tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġużepp u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta

Ħamrun — Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali - rilokazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Ħamrun, li mhux aċċessibli għall-persuni b'diżabilità, jiġi trasferit fil-binja l-ġdida tal-kunsill lokali fi Triq il-Duka ta' Edinburgh?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha, inkluż l-ispazju meħtieġ, biex uffiċċju distrettwali ikun jista’ jiffunzjona fl-intier kollu tiegħu u jagħti s-servizzi lill-pubbliku. Bħalissa qegħdin isiru sforzi min-naħa tal-Ministeru sabiex jinstab lok adekwat w aċċessibli għall-pubbliku fiċ-ċentru tal-Ħamrun.

servizz ta' speech therapist għat-tfal fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'kemm-il skola primarja jiġi provdut is-servizz ta' speech therapist? Għaliex tfal minn skola jkollhom imorru fi skejjel oħra flok ma t-terrapista jżur it-tfal li għandhom bżonn ta' dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tarzna — pensjoni tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid fost l-ex ħaddiem tat-Tarzna, kemm-il pensjonant kien ikkommuta parti mill-pensjoni tiegħu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda pensjoni li titħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jkollha parti minnha li tiġi kkomutata. Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni li titħallas lil ex-ħaddiema tat-Tarzna skont il-ftehim li kien intlaħaq dwar l-istrutturar li kien sar f’din l-azjenda, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

isptar tal-onkoloġija l-ġdid — service rooms

Question

Jista' l-Ministru jara li l-isptar tal-onkoloġija l-ġdid ikun fih service rooms fost is-sodod tiegħu biex l-aktar każijiet terminali jkollhom aktar privatezza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru il-ġdid tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkun mgħammar b’Palliative Care Ward speċjalizzata biex il-każijiet terminali kollha jkollhom il-privatezza tagħhom.

Furjana — Triq l-Argotti - xogħol fuq it-tielet binja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol fuq it-tielet binja fi Triq l-Argotti l-Furjana?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi x-xogħol fuq Block C huwa lest. Il-kuntratt għall-istallazzjoni tal-lift jibda fit-12 ta’ Marzu, 2012, u jagħlaq fit-18 ta’ Ġunju, 2012.

children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' koppja miżżewġa u separati, l-allowance tat-tfal dejjem tibbenefika minnu l-omm? Jekk le, f'kemm-il każ jirriżulta mod ieħor?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta' persuni miżżewwġa l-allowance tat-tfal dejjem titħallas lill-omm, F’każ ta persuni separati id-dipartiment jimxi ma dak li tiddetta l-Qorti jiġifieri: 1. l-allowance tat-tfal titħallas lil min ikollu l-kura u l-kustodja (jista' jkun kemm ir-raġel kif ukoll il-mara) 2. fejn il-kura u l-kustodja tkun konġunta iż-żewġ partijiet jistgħu japplikaw għal rashom u jieħdu nofs dak li jkun dovut lilhom skont id-dħul dikjarat, jew 3. fejn il-kura u l-kustodja tkun konġunta, u wieħed mill-ġenituri jaċċetta li l-allowance tat-tfal tieħdu l-parti l-oħra, id-dipartiment jimxi skont dik ix-xewqa tal-ġenituri u l-allowance titħallas lil dak il-ġenitur indikat. F’każi fejn tkun inħarġet Care Order jitħallas Foster Care Allowance lil foster parents indikati. F’dawn il-każi normalment l-allowance titħallas ukoll lil mara. Fejn it-tfal jkunu f’Istitut, l-allowance jitħallas lil Istitut.

talba għal bdil fir-rotot

Question

Peress li ħafna ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jużaw it-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jara jekk il-kumpanija Arriva tistax tikkonsidra li jew ir-rotta 81 tasal sal-power station ta' Delimara jew tiżdied il-frekwenza tar-rotta 206 anke billi din tal-aħħar ma tibqax tgħaddi ukoll mill-Isptar Mater Dei?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament l-inħawi ta’ Delimara huma moqdija b’żewġ rotot li huma r-rotta 119 bi frekwenza ta’ kull 60 minuta u r-rotta 206 bi frekwenza ta’ kull 90 minuta. Dawn huma servizzi li huma b'mod sinifikanti aħjar mis-servizzi li kien hemm fl-antik. Permezz tar-Rotta 119 li tgħaddi mill-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa, Marsaxlokk, iż-Żejtun u Marsaskala, passiġġieri jistgħu faċilment jibdlu r-rotta sabiex imorru lejn il-Belt Valletta, Mater Dei jew l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Bir-Rotta 206, minbarra li tieqaf ġewwa l-Isptar Mater Dei tieqaf ukoll fil-Park and Ride tal-Marsa minn fejn il-passiġġieri jistgħu jirkbu numru ta’ rotot li jeħduhom f’diversi lokalitajiet fosthom Pembroke, ix-Xgħajra, Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan u Buġibba. Ninsab infurmat li għalkemm ittieħdet nota tas-suġġeriment tiegħu, Transport Malta fil-preżent mhix qed tara l-ħtieġa sabiex jiġu modifikati dawn ir-rotot.

Belt — spazju riservat għall-bejjiegħa tal-monti

Question

Jista' l-Ministru jara li meta jsir ir-restwar tal-Palazz fuq in-naħa ta' fuq ta' Triq il-Merkanti l-Belt, meta jsir l-iscaffolding, l-ispazju riservat għall-bejjiegħa tal-monti jiġi estiż 'il fuq minn Triq it-Teatru u mhux 'l isfel minn Triq l-Arċisqof?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat

Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti vakanti fi Block 1, Flat 1 u Block 1, Flat 2 Misraħ San Gwann, Valletta hux se jibqgħu jintużaw għal skop residenzjali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-flat 1, Block 1, Misraħ San Ġwann, Valletta, huwa mikri u kien dejjem mikri lill-istess familja għal żmien twil. Il-flat 2, Block 1, Misraħ San Ġwann, Valletta, huwa vojt u qatt ma kien mikri għal skopijiet residenzjali. L-inkwilin ta' qabel ġie żgumbrat u bħalissa hemm kawża quddiem il-Qorti dwar dan. Għaldaqstant għadu mhux deċiż x'se jsir minn dan il-flat.

Ċentru tas-Saħħa — Podology Clinics

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-podolgy clinic fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana kemm fih riżorsi umani bħalissa? Dan naqas fl-aħħar żmien? Għaliex pazjenti li kienu qed jiġu trattati kull sitt ġimgħat qed jibdew jiġu trattati kull 12-il ġimgħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-Klinika tal-Podjatrija tal-Furjana hemm 3 podiatrisists. Dan in-numru ma naqasx f’dawn l-aħħar snin. Infurmat wkoll li ma hemmx waiting list imma l-pazjent jingħata appuntament skont il-ħtieġa tiegħu u fid-diskrezzjoni professjonali tal-podiatrist.

Att ta' akkuża mwaqqa'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar ħames snin kemm-il att ta' akkuża twaqqa' minabba żball/żbalji fih mill-pulizija?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Jibda biex jinħhad illi l-Atti ta’ Akkuża jsiru fil-Qorti Kriminali fejn il-prosekuzzjoni titmexxa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mhux mill-Pulizija. Il-Pulizija jmexxu l-prosekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Magistrati. Ma tezistix statistika dwar jekk kienx hemm xi atti ta’ akkuża f’dawn l-aħħar hames snin li ġew annullati minħabba xi żball attribwibbli lill-Pulizija iżda jekk l-Onorevoli Membru xtaq jirreferi ghal xi każijiet partikolari huwa liberu li jindikhom.

Pazjenti li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent bid-dementia se jingħata kura b'xejn matul din is-sena? Kemm huma vvutati flus għal dan il-għan? Jekk mhemmx biżżejjed flus ivvutati fuq liema kirterju se jintgħażlu l-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġina tingħata f’xi seduta oħra.