Legislature:
Category:
Reset
Active:

Paxetin u Dantrium — Out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8122 u 7688 u cioè: jaf l-Ministru li l-mediċini Paxetin u Dantrium qegħdin out of stock?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-pilloli Paroxetine 20mgs kif ukoll Dantrolene 25mgs huma in stock fl-imħażen prinċipali tal-mediċini tal-Gvern.

Furjana — Pjazza Emanuel S. Tonna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8121 u 7691 u jara li jiġu replanted banda oħra s-siġar li qed jgħattu l-faċċata b'valur arkitettoniku tas-sala Robert Sammut, fi Pjazza Emanuel S Tonna, Floriana?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-suġġeriment se jiġi ikkunsidrat.

mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8120, 7431 u 7192 u jara li jsir sforz sabiex mediċini importati mill-Gvern biss, ma jispiċċawx out of stock b'mod partikolari fil-każ ta' mediċini li jintużaw għal mard serji bħal fil-każ tal-mediċina Azathioprine li bħalissa qiegħda out of stock?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li d-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) jagħmel l-almu tiegħu tiegħu kollu biex il-mediċini ma jispiċċawx out of stock. Ninsab informat li d-Dipartiment għandu stokk tal-pilloli Azathioprine 25mgs u 50mgs u li fil-fatt dawn iż-żewġ dożi ta' din il-mediċina qatt ma kienet out of stock.

Mediċina Tamiflu

Question

Peress li fil-11 ta' Ottubru, 2005 il-Gvern kien stqarr f'dan il-Parlament f'mistoqsija parlamentari 14577 li "peress li t-tqassim tal-mediċini jkun f'kuntest ta' pandemija u din ma tkunx sitwazzjoni normali, il-mediċini Tamiflu se titqassam b'xejn lil kull min jiġi ddikjarat minn tobba li għandu bżonn il-mediċina" filwaqt li issa "The WHO has reported that healthy adults are not considered vulnerable and the majority of people recover without Tamiflu", jikkonferma l-Ministru li anke jekk mhux se jiġu swabbed min mhux tqil, jew min hu ta' età ta' inqas minn ħames snin jew m'għandux mard kroniku xorta waħda se jingħata t-Tamiflu b'xejn mill-istat jekk din tiġi preskritta minn tabib li jsib li l-healthy adult qed ibati minn xi kumplikazzjoni tal-infezzjoni b'influwenza tal-virus A H1N1?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-policy segwita mid-Diviżjoni tas-Saħħa hija dik segwita f’ħafna pajjizi skond rakkomandazzjonijiet tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Fil-preżent il-mediċina Tamiflu qed tingħata lill-dawk kollha konfermati li qed isofru mill- virus Influenza A (H1N1) li jaqgħu fil-grupp deskritt bħala vulnerabbli. Testijiet biex tiġi konfermata l-infezzjoni qed isiru biss fuq dan il-grupp ta’ pazjenti li jinkludi, tfal taħt il-ħames snin, nisa tqal, nies ibatu minn mard kroniku u nies li għanhom bidu ta’ kumplikazzjonijiet tal-virus. Informat ukoll li f’dawn il-każi it-tabib kuranti għandu jiddiskuti kull każ mad-Dipartiment u jittieħu il-miżuri kollha meħtieġa, inkluż it-test neċessarju u l-għoti tal-mediċina Tamiflu jekk l-infezjoni tkun konfermata. Kull min ikollu bżonn it-tamiflu dan se jingħata b'xejn.

Furjana — Triq l-Argotti - xogħol ta' tranġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' tranġar ta' soqfa u ħitan fil-binja fi Triq l-Argotti kantuniera ma' Triq l-Iljun, il-Furjana? Jidhrilha l-Awtorità tad-Djar li għandha żżomm ma' deċizjonijiet li ttieħdu qabel, partikolarment minħabba l-inkonvenjenza li għaddew minnha l-ġirien għal tant snin u li dawn jingħataw preferenza flimkien mal-kerrejja ġodda fil-kiri ta' garaxxijiet? Kemm hu stmat li sewa dan il-proġett sena b'sena u x'inhi l-istima għal li ġej? Xi prekawzjonijiet ħadet l-Awtorità tad-Djar biex 'il quddiem ma jerġax ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kwalità ta' xogħol ta' kuntrattur u/jew il-materjal li juża ma jkunux ta' kwalità mhux skond standards stabbiliti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol strutturali fuq il-bini imsemmi inbeda 3 xhur ilu u skond it-termini tal-kuntratt għandu jitlesta f'Novembru li ġej. Dwar il-kiri ta' garaxijiet, l-Awtorità timxi dejjem mal-policy li toħroġ dawn il-garaxxijiet b'offerta bi dritt ta' l-ewwel rifjut għal applikanti li jgħixu l-aktar qrib tal-garaxx. In-nefqa tal-Awtorità fuq il-kostruzzjoni ta dan il-proġett s'issa kienet €1,200,000 filwaqt li x-xogħol li fadal, li jinkludi l-finishes ta’ 37 appartament u 33 garaxx kif ukoll it-tlestija tal-blokk minn barra, hu stmat li ser jiswa € 1,130,000. L-Awtorità ħadet ħsieb li l-kundizzjonijiet fil-kuntratti ta' xogħlijieti ikunu aktar riġidi in kwantu ta' kwalità u testing ta' materjal kif ukoll applikazzjoni ta' multi f'każ ta' nuqqas ta' konformita' min-naħa tal-kuntrattur.

Belt Valletta — Triq il-Merkanti - xogħol fuq bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' bini fi Triq il-Merkanti, il-Belt? Meta kien inbeda dan ix-xogħol? Tista' l-awtorità tesiġi li l-kuntratturi ma jitlajjawx daqshekk biex isiru x-xogħlijiet fl-ibliet?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm ix-xogħol fuq ir-riabilitazzjoni tal-blokk fi Triq il-Merkanti l-Belt kellu jitlesta aktar kmieni din is-sena, għad baqa’ xi ftit xogħol pendenti qabel mal-postijiet ikunu lesti biex jitqassmu. Diġà saru u qed isiru sforzi min-naħa tal-Awtorità tad-Djar biex tippressa lill-kuntrattur ilesti l-aħħar ftit xogħlijiet mil-aktar fis possibbli.

Furjana — Triq l-Argotti - Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Fil-każ tal-binja fi Triq l-Argotti kantuniera ma' Triq l-Iljun, il-Furjana mill-Awtorità tad-Djar, jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ħa d-Dipartiment tal-Kuntratti biex 'il quddiem ma jerġax ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kwalità ta' xogħol ta' kuntrattur u/jew il-materjal li juża ma jkunux ta' kwalità mhux skond standards stabbiliti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rwol tad-Dipartiment tal-Kuntratti hu li jara li l-kuntratti publiċi għal xiri ta’ xogħolijiet, servizzi u provisti jingħataw b’ mod ġust, trasparenti u bla ebda diskriminazjoni bejn operaturi ekonomiċi. Wara li jingħata l-kuntratt ir-responsabbiltà għas-supervizjoni ta’ l-obligi tal-kuntrattur kif ukoll għal pagamenti jgħaddi għand id-Dipartiment li jkun qed jixtri. Għaldaqstant billi f’ dan il-każ id-Dipartiment huwa l-Awtorità tad-Djar nitlob lil Onorevoli interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Infant Mortality Rate u death rate post-haemorrhagic stroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi din l-istatistika għas-sena 2008: a) IMR - Infant Mortality Rate ( per thousand live births ) b) Kemm mietu persuni b'puplesija minħabba emoraġija ( death rate post-haemorrhagic stroke )?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta’ mwiet ta’trabi taħt is-sena irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet matul is-sena 2008 huwa ta’ 34 mewt jiġifieri 8.1 mewt kull elf twelid ħaj. In-numru ta’ nies li mietu b’puplesija minħabba emoraġija matul is-sena 2008 huwa ta’ 45 mewt jiġifieri rata ta’ 10.9 kull 100,000 persuna (crude rate). Tajjeb wieħed jinnota li jkun hemm numru ta’mwiet minn puplesija fejn mhiex speċifikata jekk il-kawsa kienitx emoraġija jew trombosi. L-imwiet matul 2008 minn tipi differenti ta’ mard taċ-ċirkulazzjoni tal-moħħ kien hekk :- Cause of death ICD-10 code Number of deaths Subarachnoid haemorrhage I60 5 Intracerebral haemorrhage I61 43 Other non traumatic intracranial haemorrhage I62 2 Cerebral infarction I63 35 Stroke, not specified as haemorrhage or infarction I64 208 Other cerebrovascular diseases I67 17 Sequelae of cerebrovascular disease I69 11

Sigurtà tal-passiġġiera fuq l-ajruplan

Question

Peress li t-turnaround time tal-ajruplani tal-linja tal-ajru Ryanair.com li jagħmlu użu mill-ajruport tal-Gudja huwa ta' 25 minuta u b'hekk biex l-ajruplani jkunu lesti ħalli jitilqu f'dan iż-żmien qasir, meta l-passiġġiera jkunu telgħin fuq l-ajruplan ir-refueling ikun għadu għaddej, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi qed jieħu d-Direttur tal-Avjazzjoni Ċivili biex jassigura li s-sigurtà tal-passiġġiera fl-ebda ħin ma tkun fil-periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proċeduri ta' sigurta' meta ajruplan ikun qed iniżżel u jtella' passiġġieri fl-ajruport ta' Malta hija tal-MIA. Id-dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili imbagħad jara li l-prattiċi u proċeduri tal-MIA huma skond il-prattika internazzjonali. Jien infurmat li l-prattiċi użati fil-fatt huma dawk approvati.

Informazzjoni fuq immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9656, 9259, 8654 u 8381 li oriġinarjament saru lill Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilu u cioè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6920 jista' l-Ministru jgħid f'liema setturi jaħdmu t-895 immigrant li jħallsu l-bolla u taxxa u jaħdmu bi qliegħ? F'liema setturi jaħdmu ż-żewġ employers li kienu immigranti? Fuq liema kriterji dawn jibqgħu jissejħu immigranti irregolari?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ħamrun u Santa Venera — bereġ magħluqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9412 u jgħid għaliex kienu magħluqa l-bereġ tal-Ħamrun u Santa Venera matul il-ġimgħa li għaddiet? Min ħa din id-deċizjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-ġimgħa li għaddiet il-bereġ tal-Ħamrun u Santa Venera ma kienux magħluqa.

Ċentri tas-saħħa — podoloġisti - apparat għal qtugħ ta' difrejn

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9411 u jgħid kemm ilu nieqes apparat meħtieġ biex podoloġisti fiċ-ċentri tas-saħħa jkunu jistgħu jaqtgħu difrejn il-pazjenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li qatt ma kien hemm nuqqas ta’ apparat li għalih qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Minħabba użu kontinwu u domanda qawwija għal dan is-servizz, irriżulta “wear and tear” sostanzjali f‘ħafna minn dan l-apparat. Inbeda process ta’ tibdil gradwali ta’ dan l-apparat li ser jinvolvi investiment totali ta’ ‘l fuq minn €30,000.

Sptar Mater Dei — MRSA

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9408 u jgħid kemm-il każ ta' MRSA (Methicillin-Resistant Staphylococcus Aureus) ġie stabbilit mill-ftuħ tal-Isptar Mater Dei 'l hawn?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li ġew rapurtati 398 isolamenti ta' mikrobi tal-MRSA mis-swali ta’ Sptar Mater Dei mindu fetaħ sa Mejju 2009 kif gej: Dic 07 21 Jan 08 14 Frar 08 23 Mar 08 19 Apr 08 17 Mej 08 28 Gun 08 17 Lul 08 22 Aww 08 18 Sett 08 24 Ott 08 37 Nov 08 22 Dic 08 26 Jan 09 20 Frar 09 20 Mar 09 26 Apr 09 22 Mej 09 22

Sptar Mater Dei — ilmenti fuq servizz ħażin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9407 u jgħid kemm-il inkjesta saret dwar ilmenti minn pazjenti jew qrabathom minħabba servizz ħażin mill-ftuħ tal-Isptar Mater Dei 'l hawn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jinżammx reġistru ta' inkjesta dwar ilmenti minn pazjenti jew il-qraba tagħhom. Bordijiet ta' inkjesti jiġu appuntati skond il-ħtieġa.

djar tal-anzjani — sħubija bejn il-gvern u l-privat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9424, 9266 u 8835 u jgħid kemm hemm djar tal-anzjani li fihom hemm sħubija bejn il-Gvern u l-privat? Liema huma? Kemm hemm anzjani fiħom f'kull każ u x'inhi r-rata li titħallas kuljum f'kull każ?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Customer care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9904 u jikkonferma dak li qal id-Direttur tas-Saħħa Primarja, li ismu qed jidher separatament, fuq ir-radju RTK nhar it-Tlieta, 23 ta' Gunju, 2009 li l-customer care tad-dipartiment tiegħu jieħdu ħsiebu u jindirizzaw l-ilmenti tan-nies tliet tobba seniors? Possibbli li dan is-servizz ma jistax jitmexxa minn persuni oħra u dawn it-tobba seniors jagħtu servizz f'taqsimiet oħra tas-saħħa primarja, bħaċ-ċentri tas-saħħa, fejn hemm nuqqas ta' tobba?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Dewmien biex jingħata appuntament ma' padoloġista

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9905 u jinvestiga u jgħid x'qed iwassal għal dewmien biex jingħata appuntament ma' padoloġista fiċ-ċentri tas-saħħa? Jaf il-Ministru li filwaqt li appuntament kien jingħata fi tlett ijiem appuntamenti li ntalbu llum (23 ta' Gunju, 2009) ingħataw għal Settembru li ġej jiġifieri tliet xhur oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li d-dewmien biex jingħata appuntament mal-podoloġisti fiċ-ċentri tas-saħħa huwa dovut kemm għan-nuqqas ta’ podoloġisti kif ukoll minħabba ż-żieda fid-domanda għal dan is-servizz. Huwa ttamat li l-problema tittaffa fil-ġimgħat li ġejjin wara li jikkwalifikaw podoloġisti ġodda.

Riforma fil-qasam tas-saħħa primarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9906 u cioè: Billi mill-programm "Irrid Nistaqsi" mxandar fuq Radju RTK ta' 23 ta' Ġunju, 2009 ħareg ċar li t-tnaqqis fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ sar mid-Direttur tas-Saħħa Primarja, li ismu qed jintbagħat separatament, u billi l-istess Direttur diversi drabi jsemmi riforma li se jagħmel fil-qasam tas-saħħa primarja, fosthom fil-bereġ, jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tnaqqis ta' ġranet u ħinijiet tal-bereġ kollha f'Malta beda mill-ġimgħa ta' qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali u ma tħalliex għal meta ssir din ir-riforma?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Sistema teknoloġika mqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9907 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bereġ ikollhom ukoll sistema teknoloġika (computers) imqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet biex fost oħrajn ikun faċilitat ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera (partikolarment fejn jidħlu appuntamenti)? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan isir u wasalx allura ż-żmien li l-infermiera jibdew jingħataw it-taħriġ li għandhom bżonn?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.