Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux pjanijiet biex jinbidel l-iscore board fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq, peress li dak eżistenti mhux tant viżibbli sew għall-isportivi kif ukoll għall-ispettaturi li jkunu ħallsu biex jaraw logħba waterpolo?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent m’hemmx pjan biex jinbidel l-iscore board fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet għall-provvista tal-ilma ġieri fiċ-Ċimiterju ta' Santa Maria Adolorata? Kemm ilu li nbeda l-kuntratt għal dan ix-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li xogħol ta’ tħammil u tindif ta’ ġibjun tal-ilma fiċ-Cimiterju ta’ Santa Maria Addolorata beda fit-13 ta’ Awwissu u wasal biex jitlesta. F’dan il-ġibjun jinġabar ilma tax-xita mit-triq li tagħti għad-dħul mill-kanċell ta’ wara taċ-Ċimiterju.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fl-ingaġġ ta' numru ta' studenti għall-BSc Nursing fl-Università, ġietx meqjusa wkoll il-ħtieġa akuta fid-djar, residenzi u sptarijiet għall-anzjani kif ukoll l-opportunitajiet ta' taħriġ li joħolqu dawn l-istrutturi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Studenti fil-kors tan-nursing jagħmlu placements kliniċi f’ambjenti diversi relatati mal-kura tal-anzjani. Dawn jinkludu r-Residenza San Vinċenz de Paule, l-Isptar Zammit Clapp, l-Isptar Karen Grech u d-Dar tal-Madonna tal-Mellieħa. Bħalissa m’hemmx nuqqas ta’ placements ta’ taħriġ għal studenti fil-kors tan-nursing marbuta mal-kura tal-anzjani, u konsegwentement dan ma rriżultax f’restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ studenti li jistgħu jiġu aċċettati fil-korsijiet tan-nursing fi ħdan l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10320, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-prattiċi tal-kumpanija tal-ajru Ryanair li timla l-ajruplan bil-fuel huma u telgħin il-passiġieri ingħataw l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' din l-approvazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-dokument tal-operations manual huwa dokument privat u ta' natura kunfidenzjali u għalhekk ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Min-naħa l-oħra qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — restrizzjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'restrizzjonijiet tagħmel l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq kuntratturi li jwaqqgħu bini fl-urban fir-rigward ta' trabijiet fl-arja?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9469, 9257, 8651, 8379, 8139, 7392 u 7190 u jgħid kemm hemm persuni f'ċentri ta' detenzjoni bħalissa? Kemm minnhom ġew screened għal mard infettiv? Kemm minnhom instabu li kellhom xi waħda minn dawn il-mardiet u liema huma? X'inhi l-prevalenza ta' kull marda infettiva f'kull ċentru?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9470, 9261, 8656, 8167, 7709, 7388, 6980 u 6256 u jgħid għaliex id-dipartiment inqabad mingħajr stokk ta':
a)
Amlodipine
5mg u 10mg
b)
Serenace
5mg
meta fl-ewwel każ is-
supplier
jimmanifattura l-mediċina f'pajjiżna stess u fit-tieni każ meta qed nitrattaw ma' persuni b'mard mentali li ġew disturbati mhux ftit f'dan in-nuqqas?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9473, 9258, 8653, 8378, 8136 u 7886 u cioè: Peress li Salmetenol inhaler huwa out of stock, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis possibbli?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10029 u 9906 u cioè: Billi mill-programm "Irrid Nistaqsi" mxandar fuq Radju RTK ta' 23 ta' Ġunju, 2009 ħareg ċar li t-tnaqqis fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ sar mid-Direttur tas-Saħħa Primarja, li ismu qed jintbagħat separatament, u billi l-istess Direttur diversi drabi jsemmi riforma li se jagħmel fil-qasam tas-saħħa primarja, fosthom fil-bereġ, jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tnaqqis ta' ġranet u ħinijiet tal-bereġ kollha f'Malta beda mill-ġimgħa ta' qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali u ma tħalliex għal meta ssir din ir-riforma?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li t-tibdil fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ daħal fis-seħħ wara analiżi ta’ attività fid-diversi bereġ li f’ħafna każi wriet nuqqas ta’ attendenza. Il-ħin ta’ kuntatt żdied f’disgħa (9) bereġ fejn irriżulta li l-attività kienet żdiedet.
Permezz ta’ dan it-tibdil, ir-riżorsi umani setgħu jiġu mqassma aħjar u t-tobba u l-infermiera li kienu jattendu f’dawn il-bereġ bdew jagħtu s-servizzi tagħhom ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa fejn l- attività hija aktar qawwija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9471, 9262, 8657 u 8183 u jgħid għal kemm-il persuna għandu provvista tal-mediċina antiviral Tamiflu d-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm minnha tinsab diġà f'pajjiżna u kemm minnha hi diġà ordnata? X'kien il-prezz u x'kienet l-expiry date ta' dawn il-batches sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin (2004, 2005, 2006, 2007 u 2008)? Kien hemm xi estensjoni ta' dawn expiry dates? F'liema batches?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-Dipartiment tal-Procurement tad-Diviżjoni tas-Saħħa kien xtara 1,104,000 oseltamivir phosphate (Tamiflu) 75mg capsules fis-snin 2005,2006,2007. Il-prezz tagħhom kien €1,656,000 u l-expiry date tagħhom huma Mejju 2010, Ġunju 2010, Awwissu 2010 u Ġunju 2011. Bħalissa id-Dipartiment qiegħed ukoll f'negozjati biex jixtri 480,000 kapsola oħra bil-prezz ta' €585,000. Id-delivery period huwa ta' bejn 4 u 6 ġimgħat. L-expiry date ta' din il-konsenja hija April 2014.
Fis-sena 2006 id-Dipartiment xtara wkoll 14Kgs oseltamivir powder, li minnu wieħed jista' joħroġ il-mistura għat-tfal. Din inxtrat bil-prezz ta' €107,799 u l-expiry date tagħha hija Marzu 2011.
Informat ukoll li kors normali ta' kura bit-Tamiflu capsules huwa ta' 10 kapsoli jiġifieri għandha biżżejjed għal 158,400 persuna, apparti l-mistura għat-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek:
a) Kemm-il spiżerija kienet applikat biex tipparteċipa oriġinarjament?
b) Kemm-il spiżerija qiegħda fil-fatt tieħu sehem f'din l-iskema?
ċ) Kemm-il spiżerija bdiet iżda talbet biex ma tkomplix f'din l-iskema?
d) Meta hu maħsub li se jkunu integrati l-ispiżeriji kollha li applikaw lokalità b'lokalità?
e) Għaliex kellu jdum daqshekk biex jitkompla l-proċess?
f) Kemm intnefqu flus xahar b'xahar mill-introduzzjoni ta' din l-iskema?
g) Kemm-il persuna b'karta roża hi inkluża diġà f'din l-iskema lokalità b'lokalità?
ġ) Kemm-il persuna b'karta safra hi inkluża diġà f'din l-iskema lokalità b'lokalità?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li oriġinarjament applikaw 207 spiżerija, inkluż dawk f'Għawdex. Bħalissa l-Iskema hija fil-fażi ta' proġett-pilota u tkopri 68 spiżerija. Kien hemm spiżerija waħda li ddeċidiet li tieqaf jumejn biss wara li bdiet. Hemm roll-out plan strateġiku li jkopri l-ispiżeriji kollha matul mhedda ta' xhur, u dan mistenni jidħol fis-seħħ ma jdumx. L-Iskema bdiet bħala proġett-pilota. Għaldaqstant bilfors kellhom jgħaddu numru ta' xhur biex wieħed ikun jista jevalwa l-proċess u jasal għal deċiżjonijiet f'waqthom. Matul dan il-perjodu sar analiżi ntensiva ta' l-andament tal-Iskema, li ġab miegħu diversi inizjattivi u miżuri ġodda li riedu jiddaħħlu sabiex ikun aċċertat servizz effiċċjenti u effettiv li jaqdi l-pazjenti, filwaqt li jissalvagwardja l-akkontabilità u r-responsabilità tal-immaniġjar tal-Iskema.
L-ammonti li tħallsu lill-ispiżeriji għas-servizz mogħti huma hekk :-
Settembru 2008 (jkopri minn Diċembru 2007 sa Settembru 2008) - €112,256.45
Diċembru 2008 (jkopri minn Ottubru 2008 sa Diċembru 2008) - €126,986.40
Marzu 2009 (jkopri minn Jannar 2009 sa Marzu 2009) - €135,984.80
Ġunju 2009 (jkopri minn April 2009 sa Ġunju 2009) - €148,509.97 (qiegħed fil-proċess li jitħallas)
Informat ukoll li hemm 7,112 persuna li għandha l-Kartuna r-Roża, 25,481 li għandha l-Kartuna s-Safra u 3,117 persuna li minn dawn għandha iż-żewġt Kartuniet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10027 u 9904 u jikkonferma dak li qal id-Direttur tas-Saħħa Primarja, li ismu qed jidher separatament, fuq ir-radju RTK nhar it-Tlieta, 23 ta' Gunju, 2009 li l-customer care tad-dipartiment tiegħu jieħdu ħsiebu u jindirizzaw l-ilmenti tan-nies tliet tobba seniors? Possibbli li dan is-servizz ma jistax jitmexxa minn persuni oħra u dawn it-tobba seniors jagħtu servizz f'taqsimiet oħra tas-saħħa primarja, bħaċ-ċentri tas-saħħa, fejn hemm nuqqas ta' tobba?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tliet tobba li qed isemmi huma responsabbli mill-amministrazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kollu u l-Customer Care huwa biss parti żgħira minn xogħolhom. Meta jkun hemm il-bżonn, dawn l-istess tobba jagħtu sehem ukoll fix-xogħol kliniku.
Ta’ min jgħid li peress li ħafna mill-ilmenti li jkollu d-Dipartiment huma ta’ natura medika, l-aħjar prattika biex dawn il-problemi jiġu ndirizzati hi li dawn l-istess t-tobba jkunu parti mill-
Customer Care
.
djar tal-anzjani — sħubija bejn il-gvern u l-privat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10026, 9424, 9266 u 8835 u jgħid kemm hemm djar tal-anzjani li fihom hemm sħubija bejn il-Gvern u l-privat? Liema huma? Kemm hemm anzjani fiħom f'kull każ u x'inhi r-rata li titħallas kuljum f'kull każ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li hemm erba' djar ta' l-Anzjani li magħhom hemm sħubija tal-Private Partnership bejn il-Gvern u l-privat. Dawn huma Villa Messina, Casa Arkati, Casa Serena u Central Home. Sa l-aħħar ta' April 2009, kien hemm 60 resident ġewwa Villa Messina, 28 resident ġewwa Casa Arkati, 58 ġewwa Casa Serena u 50 resident ġewwa Central Home.
Id-Dipartiment tal-Anzjani jinnegozja ir-rati mad-djar tal-anzjani privati. Ir-rati jiddipendu mill-livell ta' dipendenza tal-anzjani involuti. Id-dipartiment ma jħossx li għandu jippublika ir-rati li jħallas għaliex dan jista' jippreġedika negozjati ma' djar privati li jista jsib fil-futur.
Informat ukoll li d-dipartiment ma jsib ebda oġġezzjoni jekk din l-informazzjoni tingħata privatament lil xi membru ta' din il-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10032 u 9462 u jgħid billi dan l-aħħar ġranet kien hemm bdil fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ:
a) x'inhuma l-ġranet u l-ħinjiet ġodda tal-bereġ kollha f'Malta?
b) x'kienu l-ġranet u l-ħinjiet kollha f'Malta qabel dan it-tibdil?
ċ) kemm tnaqqas il-ħin ta' kull berġa kull ġimgħa?
Jista' jgħid x'kien in-numru ta' pazjenti li attendew il-bereġ fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Minn dan it-total, kemm minn dawn il-pazjenti attendew il-bereġ:
a) biex jaraw it-tabib?
b) biex jaraw l-infermiera?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijet il-ġodda tax-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? X'inhuma l-ħinijiet il-ġodda tax-xogħol tat-tobba f'kull berġa? Fil-ħinijiet imnaqqsa lillhom, it-tobba u l-infermiera fejn qed jirrapportaw għax-xogħol?
Jista' jgħid x'wassal lid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja jagħmel tibdil fix-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? Dan it-tibdil kien approvat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali? Għaliex dan it-tibdil kellu jsir issa u wieħed ma stenniex li jagħmlu meta jitlestew fost l-oħrajn id-diskussjonijiet mat-tobba u r-riforma prevista fiċ-Ċentri tas-Saħħa? Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kkonsulta mal-unions tat-tobba u l-infermiera dwar dan it-tibdil u jekk fl-affermattiv, x'kienet il-pożizzjoni ta' kull union? Għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma avżax minn qabel (fost oħrajn permezz ta' press release u avviż fuq il-mezzi tax-xandir) dan it-tibdil u riżultat li fejn ma tteħditx inizjattiva mill-infermiera responsabbli mill-bereġ li qabdu u ċemplu lill-pazjenti li kellhom in-numru tat-telefon tagħhom, dawn marru bħas-soltu għall-appuntament mat-tabib jew biex jaraw l-infermierta u sabu l-bieb magħluq? X'inhu jsir mill-appuntamenti li kienu saru qabel fil-ġranet u ħinijiet li fihom issa l-bereġ m'humiex jinfetħu? Jidhirlu l-Ministru li l-erba' minuti allokati għal kull pazjent quddiem it-tabib huma biżżejjed?
Hemm ħsieb li fir-rigward tal-bereġ, ikun hemm xi tibdil ieħor fil-ġranet, ġimgħat jew xhur (short jew medium term) li ġejjin u jekk fl-affermattiv, x'se jkun dan it-tibdil?
Response (DALLI, JOHN)
Ser jitpoġġew Tabelli A,B,Ċ u D fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Informat li l-ġranet u l-ħinijiet ġodda tal-bereġ kollha f’Malta huma kif jidher fit-Tabella A. Il-ġranet u l-ħinijiet qabel dan it-tibdil kienu kif jidher fit-Tabella B. Id-differenza fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-bereġ hija kif jidher fit-Tabella Ċ. In-numru ta’ pazjenti li attendew il-bereġ matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is sena kien kif jidher fit-Tabella D. Il-ħinijiet ta’ l-infermiera u t-tobba li jaħdmu fil-bereg baqgħu l-istess, ħlief meta ma tkunx miftuħa l-berġa fejn it-tobba u l-infermiera jmorru jagħtu servizz fiċ-Ċentri tas-Saħħa rispettivi. Dan it-tibdil sar wara analiżi dettaljata li saret fil-Ministeru dwar l-attività f’kull berġa. Il-ħin ta’ kuntatt żdied jew tnaqqas skont l-andament fl-aħħar tliet snin wara li ġew analizzati il-figuri tal-attendenzi fil-bereġ u t-
trends
li kienu qed juru.
Informat ukoll li dan it-tibdil kien meħtieġ fl-aħjar interess tal-pazjenti u ma kellux għalfejn jistenna li jiġu konklużi d-diskussjonijiet u r-riforma prevista. F’dan il-każ ma kienux ser jintmissu rosters jew kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-impjegati imma kien hemm tibdil biss fil-ħinijiet tas-servizz. Għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjonijiet mal-unions. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kien ħareġ Press Release qabel ma daħal fis-seħħ dan it-tibdil. Barra minn hekk, l-infermiera kollha kienu bdew jinfurmaw lill-pazjenti permezz tat-telefon. Kien hemm xi ftit każi fejn l-istaff ma kellhomx in-numru tat-telefon tal-pazjenti, jew il-pazjenti ma kienux id-dar meta cemplulhom. Il-pazjenti li ntlaqtu minn dan it-tibdil gew offruti appuntament ieħor u fejn kien possibbli dawn xorta rawhom dak inhar li attendew il-berġa. F’każ ta’ pazjenti li kellhom bżonn ricetta urġenti, għal darba biss dawn setgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa mingħajr appuntament. L-erbgħa minuti allokati għal kull pazjent quddiem it-tabib huma biss medja, li ġiet stabbilita wara studju li sar fuq perjodu twil. F’dan il-process kienet ġiet involuta il-union tat-tobba. Tibdil isir skond il-ħtieġa biex intejbu s-servizz tagħna.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10033, 9656, 9259, 8654 u 8381 li oriġinarjament saru lill Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilu u ċioe: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6920 jista' l-Ministru jgħid f'liema setturi jaħdmu t-895 immigrant li jħallsu l-bolla u taxxa u jaħdmu bi qliegħ? F'liema setturi jaħdmu ż-żewġ employers li kienu immigranti? Fuq liema kriterji dawn jibqgħu jissejħu immigranti irregolari?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministeru tal-Finanzi u lill-Ministeru tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni għall-bqija tal-Mistoqsija.
Sistema teknoloġika mqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10031 u 9907 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bereġ ikollhom ukoll sistema teknoloġika (computers) imqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet biex fost oħrajn ikun faċilitat ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera (partikolarment fejn jidħlu appuntamenti)? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan isir u wasalx allura ż-żmien li l-infermiera jibdew jingħataw it-taħriġ li għandhom bżonn?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bħala parti mir-riforma tal-Kura Primarja is-servizzi kollha fis-settur tal-Kura Primarja għandhom ikollhom sistema teknoloġika tal-komunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9468 u ċioe: B'referenza għan-numru ta' serqiet minn djar residenzjali li seħħew matul is-snin 2004 sa 2008 fil-lokalità tal-Ħamrun, jista' jgħid kemm tressqu nies il-Qorti u kemm instabu ħatja sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'referenza għan-numru ta' serqiet li seħħew matul l-2004 u l-2008 minn djar residenzjali fil-lokalità tal-Ħamrun, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 7189. Rigward l-aħħar parti tad-domanda ninsab infurmat illi s'issa għadhom ma tressqux persuni l-Qorti fuq ir-reat imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Awtorità dwar it-Trasport milli jinbeda x-xogħol fil-mini taħt Triq Sant'Anna, il-Furjana?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t- tender sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa diġà inħarget u x-xogħlijiet ikunu jistgħu isiru wara li jiġi konkluż il-proċess kollu tat-tender .
Awtorità tad-Djar — sħubija ma' Non-Government Organisations
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar tal-lum fir-rigward ta' sħubija ma' Non-Government Organisations? Kemm-il NGO hi msieħba fil-politika soċjali tagħha bħalissa? Per eżempju, fir-rigward tal-YMCA kemm-il binja tinsab amministrata minnha fl-interess ta' dawk li huma żgħażagħ homeless? Fejn jinsabu? Kemm jospitaw nies? Għal kemm-il sena u b'liema kundizzjonijiet intrabtet l-Awtorita' mal-YMCA?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità permezz tas-Supported Housing Unit tagħti għajnuna lil dawk l-NGOs li għandhom l-għan li jipprovdu servizzi ta’ housing lill-persuni fil-bżonn. Assistenza tingħata fil-forma ta’; (a) proviżjoni ta’ postijiet offruti għall-bejgħ jew bil-kiri; (b) għotjiet għall-xogħlijiet ta’ rranġar li ġew mibjugħa jew inxtraw mill-organizzazzjoni u (ċ) istallazzjoni tal-lift f’dawn il-postijiet.
Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għandha impenn ma’ ħdax-il NGOs.
Informat ukoll li fil-każ tal-YMCA l-Awtorità tad-Djar tagħti assistenza sabiex żewġ postijiet jiġu rranġati. Dawn iż-żewġ postijiet jinsabu l-Belt. Filwaqt li Dar Niki Cassar għandha 23 post għall-persuni
homeless
li tinkludi ukoll żgħażagħ, il-Minors Shelter ġie miftuħ reċentement u hawn jistaw joqgħodu 6 minuri. L-aħħar pagamenti ġew mogħtija mill-Awtorità tad-Djar.
L-Awtorità tad-Djar mhiex marbuta bl’ebda kuntratt.