Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani bid-dementia jgħixu waħidhom li għadhom fil-lista ta' stennija għal dħul ġo:
a) Residenza San Vinċenz de Paule; u
b) Djar tal-Anzjani?
Minn fejn huma lokalità lokalità u kemm ilu li applika kull każ, lokalità b'lokalità? Qiegħed isir sforz sabiex sakemm tinstabilhom akkomodazzjoni, tingħata lilhom priorità f'servizzi bħal żieda fis-siegħat ta' home help?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx elettronikament, iżda b’mod individwali fil-files rispettivi. Dan għaliex fl-applikazzjoni oriġinali għad-dħul ma jkunx hemm indikazzjoni jekk ir-raġuni prinċipali għaliex persuna qed tapplika biex tidħol f’xi dar għall-anzjani jew fir- Residenza San Vinċenz de Paule hijiex minħabba id-dimenzja.
Bħalissa hemm 2,273 applikazzjoni fil-waiting list, 682 għar-Residenza San Vincenz de Paule u 1,591 għad-Djar ta’ l-Anzjani tal-Gvern. Sabiex tkun tista’ tinġabar din l-informazzjoni wieħed irid idur manwalment kull applikazzjoni tad-dħul u jiġi verifikat jekk ir-raġuni prinċipali hijiex minħabba id-dimenzja.
Il-Bord tal-Home Help jikkonsidra li tingħata estenzjoni ta’ siegħat lil anzjani applikanti li jipprovdu ċertifikati neċessarji bħala xhieda li huma jbatu bid-dimenzja.
Fil-każ ta' dieta gluten free fl-Iskeda V, jista' l-Ministru jara li jsir titjib fis-sens li l-prodotti offruti jkunu aktar mogħtija b'mod personalizzat skont l-għażla, l-età u ċ-ċirkostanzi tal-benefikant?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Preżentament qed tiġi studjata u evalwata l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti gluten free għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tac-Coeliac, sabiex eventwalment is-sistema ssir waħda aktar flessibbli u b’hekk tkun tista’ taqdi aħjar l-esiġenzi speċifiċi tal-pazjent b’mod individwali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17452 u jgħid kemm-il resident fir-Residenza San Vinċenz de Paule hu diagnosed b'dimentia? Kemm minnhom qed jingħataw kura medika għal din il-kundizzjoni? Tlestew rakkmandazzjonijiet ta' policy dwar din il-kundizzjoni? Jekk minħabba nuqqas ta' finanzi qed ikollhom jiirrinunzjaw għal din il-kura, hemm il-ħsieb li d-dimentia tiġi inkluża fl-Iskeda V? Jaf il-Ministru li l-gvern ta' Malta, il-Bulgarija u l-Latvja biss fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ma jiffinanzjawx din il-kura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule hemm 376 persuna li jbatu mid-dimenzja - 302 mara u 74 raġel. Minn dawn hemm 24 mara u 8 irġiel li qegħdin jingħataw kura medika għal din il-kundizzjoni. Biex tingħata l-aħjar kura bnew żewġ swali bil-faċilitijiet kollha neċessarji għal min għandu dimenzja. 130 membru tal-istaff ingħataw taħriġ fuq id-dimenżja li kien ko-finanzjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropeja li mbagħad ħarrġu l-impjegti li qed jaħdmu f’dawn is-swali. Il-pazjenti qed jibbenifikaw billi qed jitqassmu fi gruppi zgħar biex jagħmlu l-crafts fost kura oħra
Sadattant b’kollaborazzjoni mal-Malta Dementia Society ġiet imnedija
helpline
għal-membri tal-pubbliku li jkunu jieħdu ħsieb persuni bid-dimenzja.
Il-
policies
preżenti fejn tidħol il-kura għal persuni li jbatu mid-dimenzja hija skont kif stipulata minn diversi entitajiet barranin li għandhom esperjanza twila fuq riċerka u l-kura għal din il-kundizzjoni. F’Mejju 2009 is-Segretarju Parlamentari waqqaf kumitat biex iħejji Strateġija Nazzjonali dwar id-Dimenzja. L-Istrateġija Nazzjonali fuq d-Dimenzja għadha fi stadju bikri u għalhekk ma tistax tingħata informazzjoni f’dan l-istadju.
Id-dimenzja mhijiex waħda mill-mardiet inklużi fi Skeda V tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Għaldaqstant bħalissa mediċini speċifiċi għad-dimenzja mhumiex fil-formularju tal-mediċini b’xejn li joffri l-Gvern. Bħalissa qegħda tigi riveduta l-iskema tal-Iskeda V.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17038 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 2162, jista' l-Ministru jgħid x'rakkmandazzjonijiet saru fir-rigward tat-twaqqif ta' impjanti tad-diversi forom ta' wind energy plants fl-aħħar sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-kumitat imsemmi fil-mistoqsija 2162 fir-rigward tat-twaqqif ta' impjanti tad-diversi forom ta' wind energy plants ġew ippublikati bħala rapport li jinstab fuq l-internet fuq is-sit:
http://www.mrra.gov.mt/htdocs/docs/offshorewindfarmsikkabajda.pdf. Kopja ta' dan ir-rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pipeline li jissupplixxu gass bejn Malta u Sqallija
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17044 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi żviluppi hemm dwar il-pipeline li jissupplixxi gass bejn Malta u Sqallija? Meta hu ppjanat li jseħħ dan il-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex familja bħal din li d-dettalji tagħha qed jitbagħtu separatament, fejn il-ġeneturi t-tnejn jinsabu bla xogħol, xorta jinqatgħalhom is-servizz tad-dawl meta ma jirnexxilhomx iħallsu l-kontijiet fil-ħin? X'safety net qed joffri l-gvern f'każijiet vulnerabbli bħal dawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ta’ familja, li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, ġie investigat u rriżulta li din il-familja kellha ammont sostanzjali x’jiġi mħallas lill-Korporazzjoni u għalhekk kien sar ftehim bejnha u l-istess Korporazzjoni, biex jitħallas dan l-ammont dovut, bin-nifs fuq medda ta’ sitt xhur (sa’ l-aħħar ta’ Jannar 2010). Sfortunatament dan il-ftehim ma ġiex onorat u dettalji ulterjuri tal-ħlasijiet li saru, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fuq il-kwistjoni tas-
safety net
; din taqa taħt il-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali li jieħu ħsieb li janalizza dawn il-każijiet partikolari.
Direttorat dwar l-immoniterjar tal-policy dwar mediċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid id-direttorat dwar l-immoniterjar dwar policy dwar mediċini, kemm ilu ma jiltaqa' biex jiddeċiedi dwar:
a) l-introduzzjoni ta' mediċini ġodda fil-formularju; u
b) l-introduzzjoni ta' mard kroniku ieħor fl-iskeda V?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Id-Direttorat għal-Politika u l-Moniteraġġ għall-Mediċini ilu mit-twaqqif tiegħu jaħdem kontinwament biex isiru rapporti tekniċi meħtieġa (magħrufa bħala Health Technology Assessments), sabiex jiġu studjati l-introduzzjonijiet ta’ mediċini ġodda fuq il-Formularju tal-Gvern. Kif stipulat fil-liġi, dawn l-introduzzjonijiet iridu jiġu diskussi fil-Kumitat Konsultattiv dwar Lista Formularja tal-Gvern li twaqqaf f’Jannar li għadda, u li s’issa diġà iltaqa ħames darbiet u diġà ġew introdotti diversi mediċinali ġodda fuq il-formularju tal-gvern. L-aħħar darba li ltaqa’ dan il-Kumitat kien propju fil-11 ta’ Mejju 2010.
Id-Direttorat għall-Politika u l-Moniteraġġ għall-Mediċini mexxa ukoll studju ħolistiku li sar fuq ir-riforma ta’ l-Iskeda V u għamel rakkmandazzjonijiet u proposti fuq numru konsiderevoli ta’ mard kroniku ieħor biex dawn jiġu inklużi fir-riforma ta’ din l-Iskeda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il resident fir-Residenza San Vinċenz de Paule hu diagnosed b'dimentia? Kemm minnhom qed jingħataw kura medika għal din il-kundizzjoni? Tlestew rakkmandazzjonijiet ta' policy dwar din il-kundizzjoni? Jekk minħabba nuqqas ta' finanzi qed ikollhom jiirrinunzjaw għal din il-kura, hemm il-ħsieb li d-dementia tiġi inkluiża fl-Iskeda V? Jaf il-Ministru li l-gvern ta' Malta, il-Bulgarija u l-Latvja biss fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni ewropea ma jiffinanzjawx din il-kura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16799 u 15931 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il persuna bbenefikat minn maternity leave u parental leave separatament matul l-2009? F'każ ta' parental leave kemm kienu rġiel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li 593 persuna bbenefikaw minn maternity leave u 781 mara u 25 raġel ibbenefikaw minn parental leave fis-Servizz Pubbliku matul l-2009.
Lista ta' stennija għad-dar tal-anzjani tal-Furjana
Question
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 13402, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istat tas-36 anzjan/a li ilhom jistennew minn qabel is-sena 2008 biex jidħlu fid-Dar tal-Anzjani tal-Furjana? X'inhi l-età f'kull każ? X'inhi l-lokalità f'kull każ? Kemm minnhom huma indipendenti? Kemm minnhom jgħixu waħedhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ anzjani li ilhom jistennew minn qabel is-sena 2008 biex jidħlu fid-Dar tal-Furjana bħalissa huwa 13. Dan l-update fil-lista ta’ stennija sar fuq bażi ta’ persuni li mietu, jew bidlu l-preferenza tagħhom jew ġew approvati għar-Residenza San Vinċenz de Paule. Fost dawn it-13-il anzjan hemm raġel wieħed u 12-il mara. Dawn l-anzjani huma kollha indipendenti. In-numru ta’ anzjani jgħixu waħedhom huwa 5.
L-etajiet huma hekk:
1 – 64, 1 – 75, 1 – 77, 2 – 78, 1 – 79, 1 – 81, 1 – 82, 1 – 83, 2 – 84, 1 – 89, 1 – 92.
Il-lokalitajiet huma:
1 – Birgu, 2 – Floriana, 3 – Hamrun, 1 – Marsa, 1 – M’Skala, 2 – St. Venera u 3 – Valletta.
Ippjantar ta' Photovoltaics fuq il-bjut ta' bini tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi legali ttieħdu kontra l-kumpaniji li talbu ħlas esaġerat fl-iskema dwar it-twaqqif ta' impjanti ta' photovoltaics minn ażjendi u djar privati? Kemm kien hemm kumpaniji involuti f'dan l-abbuż? X'ibbenefikat minn procurment fl-ippjantar ta' photovoltaics fuq il-bjut tal-bini tal-gvern, kull kumpanija fl-aħħar sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 12181, fir-rigward tal-età bejn 0 u 64 sena, jista' l-Ministru jagħti breakdown, lokalità b'lokalità u sistema, sistema fejn beda l-primary cancer tal-persuni li mietu b'konsegwenza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Matul is-snin 2001-2009 kien hemm 2148 mewt, li kellhom 0-64 sena li mietu bil-marda tal-kanċer. Meta dawn inqasmu sena b’sena, bit-tip ta’ kanċer involut u b’kull lokalita’, in-numri tant kienu żgħar li kienet faċli ħafna li l-kawża tal-mewt ta’ numru kbir ta’ individwi speċifiċi kienet ser tiġi identifikata, anke jekk l-ismijiet ma ngħatawx. Dan imur kontra d-dritt għall-privazija ta’ informazzjoni personali u sensittiva, kif definit mill-Att għall-Protezzjoni tad-Data (2001), u jista’ jwassal għal problemi kbar għall-individwi kkonċernati u l-qraba tagħhom.
Pipeline li jissupplixxu gass bejn Malta u Sqallija
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm dwar il-pipeline li jissupplixxi gass bejn Malta u Sqallija? Meta hu ppjanat li jseħħ dan il-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kl-istudju relatat mal-informazzjoni mitluba kien sar mill-Enemalta u għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex familja bħal din li d-dettalji tagħha qed jitbagħtu separatament, fejn il-ġeneturi t-tnejn jinsabu bla xogħol, xorta jinqatgħalhom is-servizz tad-dawl meta ma jirnexxilhomx iħallsu l-kontijiet fil-ħin? X'safety net qed joffri l-gvern f'każijiet vulnerabbli bħal dawn?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16469, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għall-ingaġġ ta' 12-il psikolgu mill-Ministeru tas-Saħħa? Hemm talbiet simili mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja? F'liema stadju waslu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Capacity Building Exercise tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, qed ikun diskuss bejn il-Management and Personnel Office u l-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm talbiet simili mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja li matul l-aħħar xhur ingaġġa 10
trainee psychologists
u bħalissa għaddej bil-proċess għall-ingaġġ ta’ 3
trainee psychologists
oħra.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 2160 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' joint study tal-Korporazzjoni Enemalta mat-Terna Spa fir-rigward tal-electric cable bejn Malta u Sqallija? Meta hu ppjanat li jseħħ dan il-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istudju ta’ vijabilita konġunt ġie konkluż u talba għal tenders ġiet maħruġa għall-Interconnector bejn Malta u Sqallija. Huwa ppjanat li dan l-Interconnector se jkun lest fi tmiem l-2012.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15929, tista' l-Ministru tgħid f'liema oqsma industrijali hu ppjanat li jingħata servizz ta' childcare fix-xhur u fis-snin li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Huwa ppjanat li fix-xhur u fis-snin li ġejjin se jingħata servizz ta’ childcare privat fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel, f’proprjetà tal-Malta Industrial Parks.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu bil-ħsara l-lift prinċipali fid-Dar tal-Anzjani tal-Furjana? Meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol peress li l-lift l-ieħor jesa' wheelchair wieħed biss?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex issir investigazzjoni dwar dan il-każ. Għalhekk it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 2162, jista' l-Ministru jgħid x'rakkmandazzjonijiet saru fir-rigward tat-twaqqif ta' impjanti tad-diversi forom ta' wind energy plants fl-aħħar sentejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.