Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pubblikazzjoni ta' direttorju ta' telefon

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar il-pubblikazzjoni ta' direttorju tat-telefon? Se jkun jinkludi ukoll numri ta' telefon ċellulari? Se jkun provdut lil kull min hu abbonat jew lill-abbonati anzjani biss? Jekk se jkun ippubblikat għall-anzjani biss, jista' jkun ippubblikat b'tipa kbira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħal issa qiegħdin fit-tieni fażi tal-proċess tal-aġġudikazzjoni biex tintgħażel l-entità li se tippublika dan id-direttorju. Skont deċiżjoni ippublikata f’April tal-2010, li hija ibbażata fuq id-direttiva Universal Service Directive tal-Union Ewropeja, l-obligu huwa biex dan id-direttorju jkun fih in-numri tal-abbonati kollha tat-telefonija fissa. Kif inhi l-istess deċiżjoni bħal issa, dan id-direttorju għandu jiġi provdut lill-abbonati kollha, u mhux lill-anzjani biss.

Immigranti fi closed centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm immigranti f'closed centres? Kemm-il sena ilhom f'pajjiżna każ b'każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sallum, 4 ta' April 2011, in-numru ta' immigranti fiċ-Ċentri Magħluqa jammonta għal 864. Minn dawn 819 daħlu t-Tnejn u t-Tlieta, 28 u 29 ta' Marzu 2011 filwaqt li 45 kienu jinsabu fiĊentru għar-raġunijiet varji.
Leg 11 PQ #24840 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Studju fuq għajnuna umanitarja

Question

Mindu n-newtralità ġiet ankrata fil-Kostituzzjoni ta' pajjiżna 25 sena ilu kif investa strateġikament pajjiżna fil-bini ta' istituzzjonijiet statali u/jew NGO's b'ħiliet bħal: a) għajnuna umanitarja; b) soluzzjoni ta' konflitti fir-reġjun; u ċ) inizjattivi li jittieħdu wara li jintemmu l-konflitti, kemm-il kors universitarju jgħarbel dawn l-oqsma? Kemm-il borza ta' studju ngħatat biex ċittadini Maltin jispeċjalizzaw f'dawn l-oqsma? Wara l-iżviluppi riċenti fin-nofsinhar ta' pajjiżna twaqqfitx xi struttura biex jiġi analizzat kif fil-ġejjieni pajjiżna jkun jista' jkollu r-riżorsi umani biex ikun pajjiż ta' eċċellenza fir-reġjun? Jista' jgħid jekk diplomatiċi Maltin barra minn xtutna ġewx ikkonsultati u sarx tentattiv biex ir-riżorsi umani kollha, l-aktar speċjalizzati fl-oqsma msemmija, jkunu għad-dispożizzjoni tal-viżjoni newtrali attiva ta' pajjiżna li dwarha hawn kunsens sħiħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar snin, Malta kompliet tfassal il-politika barranija tagħha fil-qasam tal-għajnuna Umanitarja għall-Iżvilupp, bil-għan li pajjiżna flimkien mal-Unjoni Ewropea jagħti s-sehmu biex jintlaħqu l-miri tal-Millennju għall-Iżvilupp (Millennium Development Goals). L-għajnuna umanitarja u tal-iżvilupp ta’ Malta tidentifika qafas ta’ ħidma sabiex dawn l-għanijiet jiġu mwettqa b’diversi modi u permezz ta’ ħidma ma’ diversi entitajiet. Barra minn hekk, Malta qegħda tagħti s-sehem tagħha ta’ għajnuna permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Unjoni Ewropea, il-Commonwealth, il-Ġnus Magħquda u l-istituzzjonijiet tagħha. B’dan il-mod, il-ħidma ta’ Malta f’dan il-qasam iseħħ mhux biss permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali, iżda wkoll permezz ta’ ħidma ta’ kooperazzjoni multilaterali fi ħdan ix-xibka ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi impenjati fl-oqsma tal-iżvilupp. F’dan il-kuntest, Malta qed tiffoka l-għajnuna tagħha fuq diversi oqsma, fosthom biex jinqered il-faqar u l-guħ u b’hekk ikun possibbli tintlaħaq l-ewwel mira tal-Millenju tal-Izvilupp (Millennium Development Goals), liema mira tikkonċerna s-Saħħa, l-Edukazzjoni, l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni Teknologika u l-proċess demokratiku. Din il-politika tindrizza ukoll l-aspett ta’ ko-finanzjament sabiex tagħti flessibilta` għal ħidma f’diversi oqsma ta’ żvilupp ma’ Organizzazzjonijiet Filantropici. Matul dawn l-aħħar snin Malta permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, nidiet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess maħsuba sabiex tkun tista’ tingħata għajnuna finanzjarja għall-progetti li qegħdin iwettqu l-Għaqdiet Mhux Governattivi Maltin. Dawn l-Għaqdiet għandhom ukoll rwol importanti biex jintlaħqu dawn il-miri ta’ żvilupp. Matul is-snin ta’ ħidma, li fil-parti l-kbira tagħha saret fuq bażi volontarja, għenet biex dawn l-Għaqdiet jiksbu esperjenza vasta f’dan il-qasam. Malta ser tkompli tagħti s-sehem siewi tagħha biex tgħin pajjiżi tat-tielet dinja fil-ħtiġijiet essenzjali tagħhom fi sforz biex jintlaħqu l-miri tal-Millenju għall-Iżvilupp u jkun eliminat il-faqar u l-guħ minn dawn il-pajjiżi. F’dan il-kuntest, l-għan ewlieni hu li tingħata għajnuna finanzjarja lil dawk l-għaqdiet mhux governattivi lokali li għandhom, jew għandhom il-ħsieb iwettqu proġetti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din il-politika tfittex li tikseb aktar appoġġ biex tkun t’assistenza għall-iżvilupp u kooperazzjoni billi tqajjem kuxjenza dwar l-iżvilupp, kif ukoll għajnuna indirizzata għal skop t’assistenza umanitarja lill-Għaqdiet Mhux Governattivi ikkonċernati. Barra minn hekk, fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, twaqqfet id-Development Unit li fost l-għanijiet tagħha għandha li timplimenta l-politika Maltija ta’żvilupp u assistenza umanitarja. L-għanijiet ewlenin ta’ din il-politika huma li tiġġieled il-faqar billi tingħata għajnuna umanitarja u ta’żvilupp u tippromwovi l-kunċett ta’ solidarjeta` b’mod partikolari fi-regjun tal-Mediterran, fil-Qarn tal-Afrika, il-gżejjer żgħar u l-Commonwealth. Dwar il-boroż ta’ studju li ngħataw biex ċittadini Maltin jispeċjalizzaw fl-oqsma indikati, tajjeb li wieħed isemmi li kull sena l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jiffinanzja borża ta’ studju għad-diplomatiċi Maltin fil- Mediterranean Academy for Diplomatic Studies (MEDAC). L-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (MEDAC) twaqqfet fl-1990 bl-għan aħħari li tippromwovi l-istudji Mediterranji b’enfasi partikolari fuq id-diversitajiet politiċi u kif dawn jistgħu jiġu megħluba biex ikun hemm stabbilta’ fir-reġjun u lilhinn minnu. Malta, matul is-snin dejjem tat is-sehma fil-ħidma għall-paċi fid-dinja, inkluż biex ikun hemm stabbilta’ fir-reġjun tal-Mediterran. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija ta’ Malta dejjem kien li Malta tagħti s-sehem kollu tagħha biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-konflitt fil-Lvant Nofsani, fatt rikonoxxut miż-żewg naħat. F’dawn l-aħħar snin, Malta fetħet Ambaxxata f’Tel Aviv u Uffiċċju Rappreżentattiv f’Ramallaħ. Dan sar bil-għan li jkun hemm għarfien akbar ta’ dak li qed jiġri fl-inħawi kif ukoll biex inkunu f’pożizzjoni nikkontribwixxu aktar anki fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, Malta dejjem fittxet li sservi ta’ pont bejn l-Ewropa u d-Dinja Għarbija. Kien għalhekk li Malta ħarget b’inizjattiva għal djalogu strutturat f’diversi oqsma bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija, liema inizjattiva ssarrfet f’laqgħa Ministerjali bejn iż-żewg partijiet. Il-Laqgħa msemmija saret fi Frar 2008 f’Malta. Sussegwentement din l-inizjattiva kellha riżultat ieħor pożittiv bit-twaqqif tal-Uffiċċju bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Lega Għarbija f’Ottubru 2009. It-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni tista’ titqies bħala messaġġ importanti fil-proċess ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn iż-żewg naħat. F’dak li għandu x’jaqsam mar-reġjun tal-Mediterran, Malta dejjem ħadet sehem attiv fl-istrutturi tal-Proċess ta’ Barċellona u aktar fil-qrib fl-Unjoni tal-Mediterran, fejn innominat ukoll wieħed mill-Viċi Segretarji Ġenerali. Ippromoviet ukoll il-proċess tal-5+5 u ħadet inizjattiva biex isir Summit f’Malta f’nofs din is-sena fejn jistgħu jiġu ttrattati l-aħħar żviluppi fir-reġjun. Fir-rigward ta’ soluzzjoni għall-kunflitti fir-reġjun Malta qed tagħmel l-almu tagħha biex issaħħaħ dan ir-rwol. Dan l-isforz wassal biex dan l-aħħar, Malta giet magħżula biex tospita laqgħa informali bejn il-partijiet konċernati fil-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent. Fil-kuntest tal-iżviluppi riċenti li seħħew fin-Nofsinhar ta’ Malta, Malta dejjem lesta tikkonsidra kif tista’ tkun ta’ servizz għall-partijiet kollha. Dan ħareġ biċ-ċar fl-irwol li żvolġa pajjiżna biex jipprovdi assistenza umanitarja u biex setgħu jiġu evakwati eluf ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet diversi. Fl-ambitu ta’ sitwazzjonijiet wara li jintemmu l-konflitti, Malta qed tistħarreġ kif tista’ tgħin lit-Tuneżija fl-għoti ta’ boroż ta’ studju għat-taħriġ ta’ diplomatiċi u għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża. B’mod aktar wiesgħa, Malta tikkontribwixxi finanzjarjament b’mod sostanzjali għall-Operazzjonijiet ta’ Paċi tal-Ġnus Magħquda. Malta tipparteċipa ukoll attivament fil-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea intiżi sabiex josservaw l-Elezzjonijiet f’diversi pajjiżi. Għal dan il-għan minn żmien għall-ieħor osservaturi Maltin jattendu korsijiet ta’ taħriġ organizzati mill-istess Unjoni Ewropea.

Sptar Mater Dei — Emergency Admission Wards - sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-possibilità li jinbnew swali fis-sulari ta' fuq Emergency Admission Wards 1 u 2 fl-Isptar Mater Dei biex jiżdiedu madwar 63 sodda tant meħtieġa f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ħafna mill- ‘plant rooms’ tal-Isptar Mater Dei jinsabu fuq il-bjut tal-isptar. Għaldaqstant jkun diffiċli li jinbnew sulari addizjonali sabiex jakkomodaw swali għall-pazjenti.

Mediċina Olanzapine

Question

Peress li l-mediċina Olanzapine li tingħata bħala kura fil-psikjatrija hi tant għalja, madwar €250 fix-xahar, jista' l-Ministru jgħid għaliex inqabad mingħajrha d-dipartiment konċernat? Meta se tkun in stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement kien ħareġ tender għal din il-mediċina f’Ottubru tal-2009. Dan it-tender ma setgħax jingħata għaliex kien hemm oġġezzjoni dwar il-prezz minn wieħed mit-tenderers. Għalhekk id-Dipartiment tal-Procurement ipprovda din il-mediċina billi xtara stocks żgħar permezz ta’ diversi ordnijiet sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal. F’Novembru 2010 sar ir-rapport finali ta’ dan it-tender. Fil-frattemp il-prezzijiet tal-mediċini tant roħsu li ma kienx opportun li dan it-tender jiġi allokat bil-prezzijiet li kienu ikkwotati f’Ottubru 2009. L-aħħar offerta għall-konsenja ta’ din il-mediċina għalqet f’Jannar 2011 u ser tiġi mogħtija fil-ġranet li ġejjin. Kunsenja ta’ din il-mediċina mistennija tasal għand id-Dipartiment tal-Procuremnts fi żmien qasir.

Sptar Boffa — Soded tar-radjoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sodod li fuqhom joqogħdu l-pażjenti waqt li jkunu qed jingħataw ir-raġġi fl-Isptar Boffa huma tant skomdi u skabrużi? Jistgħu jinbidlu anke issa qabel ma r-radjoterapija tibda tingħata fiċ-ċentru l-ġdid fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li waqt li l-pazjenti jkunu qegħdin jingħataw ir-raġġi, huma jkunu mimdudin fuq couch li jifforma parti integrali mill-istess magna tar-raġġi.

MCAST — Kors ta' Child Carer

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jagħmilx sens li fil-Kors ta' Child Carer fl-MCAST fl-ewwel sena kull student irid iġib distinction f'kull suġġett biex jitħalla jkompli l-kors? Possibbli li anke jekk jgħaddu fl-oqsma kollha ma jitħallewx ikomplu bit-taħriġ tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’huwiex minnu li kull student irid iġib distiction f’kull suġġett biex jitħalla jkompli l-kors ta’ Child Carer ġewwa l-MCAST.
Leg 11 PQ #24564 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — ħlas tas-sahra

Question

Filwaqt li hu apprezzat l-isforz li qed jagħmlu l-forzi tal-ordni kollha f'pajjiżna wara l-iżviluppi serji fin-Nofsinhar ta' pajjiżna, waqt li l-Pulizija se jitħallsu tas-sahra li qed jaħdmu, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżommu milli jiġri l-istess fil-Forzi Armati ta' pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor.Interpellant li t-Tweġiba ser tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #22605 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pietà — Triq Joe Gasan - arblu tad-dawl

Question

Peress li fin-naħat ta' Gwardamanga/Blata l-Bajda żdiedet sew il-kriminalità, anke minħabba ċ-ċentru Detox fil-viċinanzi, jista' l-Prim Ministru jara jekk jistax jitwaħħal arblu tad-dawl fejn il-bandli tal-Pietà, fuq in-naħa ta' Triq Joe Gasan, Ħamrun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22929.

sptarijiet/kliniċi — staff li jmur bl-uniformi għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li staff fl-isptarijiet/kliniċi jidħlu għax-xogħol bl-uniformi minflok ma jilbsuha wara li jkunu waslu fil-ward/dipartiment fejn jieħdu ħsieb il-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont ċirkulari DH 286/2009 tal-15 ta’ Diċembru 2009, mhux aċċettabbli li staff jasal fuq il-post tax-xogħol bl-uniformi jew jirritorna d-dar bl-uniformi.

Pulizja f'fixed points — post ta' kenn

Question

Jista' l-Ministru jgħid Pulizija f'fixed points għal sigħat twal, kemm-il siegħa ta' mistrieħ ikun allokat? Jingħata każ tal-fatt li l-post ta' kenn fil-maltemp/xemx tiżreġ u mhux spazjuż hu ta' detriment għall-posture tal-istess ħaddiema, li jista' jkollhom kumplikazzjonijiet f'saħħithom mal-mogħdija taż-żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aktar għassa twila għal fixed point li jagħmlu membri tal-Korp tal-Pulizija hija ta’ tmien sigħat, però din tkun maqsuma bejn żewġ pulizija. Ta’ min wieħed ifakkar, illi d-dmir tal-Pulizija li jkun fixed point huwa dak li jissorvelja l-akkwati tal-post li fih ikun qiegħed għassa u mhux li joqgħod ġewwa s-sentry box.

Furjana — ħinijiet tal-ftuħ tal-għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il siegħa kuljum tkun miftuħa l-għassa tal-Pulizja tal-Furjana? Jistgħu jiżdiedu dawn is-sigħat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu li l-Pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-għassa.

nies b'diżabilità — blue sticker mitlufa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna li kellha blue sticker tilfet din il-faċilità matul l-2010? Kemm minn dawn il-każijiet rifjutati jirriżulta li għandhom diżabilità ta' natura kronika, fejn wieħed jistenna li l-każ isir aktar restrittiv fuq l-aċċessibilità tal-bniedem mal-mogħdija taż-żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm 84 persuna b'diżabilità li kellhom il-blue sticker u tilfu din il-faċilita' matul is-sena 2010. Rigward il-parti l-oħra tal-mistoqsija , peress li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ma żżommx rekord elettroniku tad-dijanjożi tal-persuni reġistrati magħha, mhux possibbli li jingħataw dawn id-dettalji. Però l-persuna għandha dritt terġa' tapplika wara sena jekk hija tħoss il-ħtieġa li tagħmel dan minħabba d-diżabilità tagħha.

Furjana — stallar ta' lifts f'appartamenti tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hijiex qiegħda tikkonsidra l-possibilità li jiġi stallat lift fl-appartamenti tal-gvern f'71 Triq il-Miratur u 13, Triq is-Suq Furjana?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-każ tal-indirizz Nru. 71, Triq il-Miratur, Furjana l-installazzjoni tal-lift mhix teknikament possibbli minħabba wiesa’ ristretta tat-tromba tat-taraġ. Il-bitħa wkoll ma setgħetx takkomoda l-lift għax kienu ser jiġu ristretti d-dawl u l-arja għat-twieqi kif ukoll l-ispazju meħtieġ għall-manutenzjoni tas-servizzi ta’ katusi u pajpijiet li jkopru l-ħitan. Fil-każ tal-indirizz Nru. 13, Triq is-Suq, Furjana sar kejl u ġew ippreparati pjanti li juru l-għamla eżistenti tat-tromba tat-taraġ u dawn urew li ma setax jiġi nstallat lift ġo dan il-blokk għal raġunijiet dwar l-għamla u l-pożizzjoni tat-tromba. Barra minn hekk ix-xaft tal- lift ma jistax isir fil-bitħa nterna li tiġi wara t-taraġ komuni tal-appartament għax hemm kmamar tal-banju/WC’s privati li jifirdu t-taraġ komuni mill-bitħa nterna.

għalliema tqal li ma jinstabx sostitut għalihom

Question

Fir-rigward tal-korsijiet li jwasslu għal diploma fl-accounts fl-MCAST, tista' l-Ministru tgħid kemm-il ġimgħa xogħol naqset li tattendi għalliema tqila mingħajr ma nstabet sostituta għaliha? B'mod ġenerali, f'Jannar 2011 kemm-il għalliema tqila fid-diversi skejjel u istituti tal-MCAST ma nstabux sostituti għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għalliema tal- accounts li qed jirreferi għaliha kienet tliet ġimgħat biċ-ċertifikat tal-mard tul Jannar 2011. Matul l-istess xahar fl-MCAST ma kien hemm l-ebda għalliema tqila oħra li ma nstabx sostitutha għaliha.

working group rakkmandat mill-Ombudsman — rapport finali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22932 u jgħid tlestiex ir-rapport finali tal-working group li kien ġie rakkmandat mill-Ombudsman f'Jannar 2009 dwar policy nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-listi ta' stennija għall-operazzjonijiet fl-isptarijiet pubbliċi? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Mistoqsija Parlamentari tal-Onor. Interpellant timplika li t-twaqqif ta’ Working Group kienet rakkomandazzjoni tal-Ombudsman. Dan ma jidhirx li hu l-każ (ara pagna 3, Outcome, tar-Rapport tal-Ombudsman). Jidher li l-idea li jitwaqqaf Working Group kienet xi ħaġa nterna tal-Ministeru tal-Politika Soċjali ta’ dak iż-żmien, liema Working Group kien inkarigat biex jissottometti rakkomondazzjonijiet lill-Ministru tal-Politika Soċjali rigward il-management tal-waiting lists. Dawn ir-rakkommandazzjonijiet li saru lill-Onor. Ministru ta’ dak iż-żmien qegħdin jiġu mplimentati u fil-fatt jidher ċar li kif juru statistiċi mħabbra, in-numru ta’ operazzjonijiet li jsiru ġewwa l-isptar Mater Dei qed ikompli jiżdied. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jnaqqas iż-żmien ta’ stennija għall-operazzjonijiet.
Leg 11 PQ #23123 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Casual Part-Time Cleaners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm casual part-time cleaners impjegati fid-diversi skejjel statali? Hemm xi ħsieb li l-casual part-time cleaners impjegati mill-Kunsill tal-Iskejjel jiġu impjegati b'mod permanenti bħalma ġara fil-każ tal-part-time social assistants fid-Dipartiment tal-Kura tal-Anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ part-time cleaners impjegati mal-Ministeru tal-Edukazzjoni Xogħol u l-Familja huwa ta’168, li 148 minnhom jaqdu d-dmirijiet tagħhom fl-iskejjel tal-Istat; u rigward l-għoti ta’ impjieg permanenti, ninforma lill-Onor.Interpellant li dan jiġi kkunsidrat skont iċ-ċirkostanzi partikolari u l-esiġenzi tas-Servizz.

Magna Auto CPAP

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il magna Auto CPAP li tintuża f'kazijiet serjissimi ta' mard kroniku tal-pulmun hi disponibbli għal pazjenti bħalissa? Peress li min ikollu ċirkostanzi simili jkun anke f'diffikultajiet ta' natura ekonomika, għaliex din il-magna qed tingħata biss lil min hu fuq il-karta r-roża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għad m’hemmx magni Auto CPAP disponibbli għall-pazjenti, iżda fl-Isptar Mater Dei hemm varjeta ta’ CPAPs, BiPAPs u non-invasive ventilators li jistgħu jintużaw f’każi serji ta’ mard kroniku tal-pulmun. Ħarġet sejħa biex jinxtraw numru ta’ magni Auto CPAP oħra u l-proċess qiegħed fl-istadju finali tal-aġġudikazzjoni. Pazjenti b’mard kroniku respiratorju li huma intitolati għall-kartuna safra jistgħu jingħataw magni skont il-ħtieġa tal-kundizzjoni medika u jħallsu biss id-depożitu rifondibbli ta’ €466. Fil-każ ta’ pazjenti li għandhom obstructive sleep apnoea peress illi din il-kundizzjoni mhix koperta mill-kartuna s-safra, huma biss pazjenti bil-kartuna roża li jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-magni bi ħlas ta’ depożitu rifondibbli ta’ €466

Furjana — allokazzjoni ta' appartamenti

Question

B'referenza tal-mistoqsija parlamentari 22250, tista' l-Ministru tgħid meta hu previst li ssir l-allokazzjoni ta' binja A, binja B u binja Ċ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-proċess ta’ analizzar ta’ applikanti eliġibbli għal dawn il-postijiet. Hekk kif dawn il-blokkijiet jitlestew mill-finishing li qed isir fihom, jiġu allokati skont il-kriterji stabbiliti.

Patient Rights in Cross Border Health Care

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22233 dwar patient rights in cross boarder health care, jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pazjenti Maltin ikunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minn dan id-dritt? Fuq liema kriterji se jiġi miċħud dan id-dritt lil pazjent li jkun ilu fuq lista ta' stennija għal proċeduri/interventi mediċi/kirurġiċi? Meta se titwaqqaf struttura għal dan il-għan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttiva msemmija llum ġiet approvata mill-Parlament Ewropew. Imiss issa li tgħaddi mill-proċessi neċessarji sakemm tiġi ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropeja. Meta din id-Direttiva tkun ippubblikata, l-iStati Membri jkunu mgħarrfa bid-data sa meta jkunu jridu jdaħħluha fil-leġislazzjoni nazzjonali u konsegwentament fis-seħħ. F’din id-direttiva huma nklużi l-kriterji u ċ-ċirkostanzi meta l-awtoritajiet fl-iStati Membri jkunu jistgħu jiċħdu dan id-dritt. L-awtorità kompetenti tiġi mwaqqfa fiż-żmien li jkun stipulat.