Legislature:
Category:
Reset
Active:

Outpatients — appuntamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta appuntament fl-outpatients jintilef minħabba raġunijiet serji li jiġu spjegati qabel l-istess appuntament, għaliex id-data tispiċċa ffissata qisu l-każ kien qed jiġi riferut dakinhar, tant xhur wara li jkun ġie fil-fatt eżaminat il-pazjent mit-tabib?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kull Dipartiment tal-Outpatients għandu l-kriterji tiegħu kif jittrattaw ma’ dawn il-każijiet. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal xi każ partikolari nitolbu jkun aktar speċifiku.

Sptar tas-Saħħa — Mixed Admission Ward

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jkollok Mixed Adminission Ward fl-Isptar tas-Saħħa mentali? Hemm il-ħsieb li l-pazjenti li jiġu admitted jitqassmu skont diversi kriterji fosthom sess, età, substance abuse eċċ? Huwa aċċettabbli l-overcrowding li jkun hemm fil-ħin tal-viżitaturi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wieħed mill-għanijiet tal-Mixed Admission Ward huwa illi jirritorna pazjenti b’mard akut mentali lejn ħajja normali fil-kommunità fejn ma teżistix segregazzjoni bejn is-sessi. Għalhekk, sa fejn jippermetti l-istat mentali tal-pazjent, dawn il-pazjenti jiġu kkurati f’ambjent ta’ irgiel u nisa flimkien. Bil-lejl l-irġiel u n-nisa jorqdu f’partijiet segregati tas-sala u l-pazjenti ma’ jitħallewx jidħlu ġod-dormitorji tas-sess oppost, la bil-lejl u lanqas matul il-ġurnata. Fejn l-istat mentali tal-pazjent ma’ jippermettix, dan jitpoġġa f’sala fejn ikun hemm jew irġiel biss jew nisa biss. Il-pazjenti li jiġu ammessi fl-Isptar Monte Karmeli diġa qegħdin jiġu mqassma skont diversi kriterji fosthom dawk il-kriterji li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. L- overcrowding fil-ħin tal-viżitaturi mhuwiex aċċettabbli. In- Nursing Management tal-isptar jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex dan jigi evitat.

Dipartiment tal-Orthotics — riġel artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Orthotics, f'każ ta' tiswija ta' prosthesis bħal riġel artifiċjali mhux sostitwibbli, jiddependi mill-miġja ta' tekniċi barranin f'pajjiżna tant ġimgħat wara, aktar milli jieħu ħsieb li minnufih jinbdew it-tiswijiet meħtieġa, anke billi f'każijiet eċċezzjonali jintbagħtu għat-tiswija fiċ-ċentri barranin speċjalizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Orthotics u Prosthetics jiddependi fuq numru ta’ visti li jsiru matul is-sena minn tekniċi barranin. Fost il-ħafna xogħol li jagħmlu relatat ma’ prosthetics, dawn it-teknici jagħmlu wkoll tiswijiet ta’ prosthesis. Dan ix-xogħol ta’ tiswijiet isir ġeneralment hawn Malta. Fil-preżent f’dan id-dipartiment m’hemmx ħaddiema residenti li huma kwalifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol. Il-Ministeru beda proċess biex numru ta’ tekniċi jiġu mħarrġa biex ikunu jistgħu jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa kemm fuq prostheses kif ukoll fuq orthoses.

Prodotti impurtati mill-Ġappun — livell ta' radjuattività

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema prodotti impurtati mill-Ġappun u kemm fi kwantità inżammu milli jiddaħħlu f'pajjiżna għax instabulhom livelli radjuattivi sinifikanti mal-wasla tagħhom f'pajjiżna? F'liema punt ta' dħul instabu dawn il-prodotti każ b'każ? F'liema minn dawn il-postijiet qiegħed isir dan l-iscreening? B'liema apparat u minn liema ħaddiema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal b'ġenituri b'ċittadinanza ta' pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid it-tfal imwielda f'pajjiżna minn ġenituri barranin b'ċittadinanza ta' pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu regolarment f'pajjiżna u li jingħatalhom ukoll numru ta' identità mar-reġistrazzjoni tat-twelid, xi drittijiet għandhom f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tfal li qed jirreferi għalihom ma jgawdux drittijiet speċjali minħabba l-fatt li twieldu Malta. Iżda bħal barranni oħra, jistgħu jakkwistaw permess għal residenza fi-tul skont id-Direttiva Ewropeja.

Belt Valletta — akkomodazzjoni fi Triq il-Merkanti

Question

Fid-dawl tal-fatt li hemm diversi anzjani b'mobilità ristretta fi bżonn urġenti ta' akkomodazzjoni alternattivà fil-Belt Valletta, tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu allokati l-appartamenti fi Triq il-Merkanti? Tapprezza li din il-binja ilha għaddejja tant snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif dan il-blokk jitlesta mill-finishing li qed isir fih allura jkun lest sabiex jiġi allokat. Huwa stmat li fix-xhur li ġejjin issir l-allokazzjoni ta’ dan il-blokk.

Twaqqiegħ ta' Bieb il-Belt — tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku

Question

Peress li minħabba t-tneħħija tal-arterja prinċipali fuq Bieb il-Belt, it-traffiku li qed jidħol il-Belt minn Triq Marsamxett u Triq San Pawl hu wisq qawwi, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju biex jibda jidħol it-traffiku minn Victoria Gate (Triq il-Lvant) b'tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku tal-istess Triq il-Lvant, Triq San Kristofru u Triq San Duminku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudju dwar l-impatt tat-traffiku, li kien sar bħala parti mill-applikazzjoni tal-iżvilupp għall-proġett ta' Bieb il-Belt, kien eżamina 21 skemi differenti ta' immanniġġjar tat-traffiku. L-iskema ppreferita li ġiet identifikata fl-istudju kienet ikkunsidrata bħala l-aħjar soluzzjoni mil-lat ta' ċirkolazzjoni tat-traffiku u tnaqqis ta' konġestjoni tat-traffiku u impatt ambjentali.

Bieb il-Belt — toroq għat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bit-tneħħija tal-arterja prinċipali fuq Bieb il-Belt, huwiex ippjanat li jonqos drastikament it-traffiku fil-Belt? Jekk fin-negattiv, huwa ppjanat li b'mod partikolari fil-parti ta' fuq, fuq in-naħa tal-Port ta' Marsamxett, jerġgħu jinfetħu għat-traffiku xi toroq li laħqu ġew pedestrianised?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-iskop tal-għeluq ta' Triq Papa Piju V ma kienx sabiex jitnaqqas il-volum ta' traffiku li jidħol il-Belt għax hemm toroq oħra li minnhom tista' tidħol ġewwa l-Belt Valletta. Hemm inizzjattivi oħra tal-Gvern Ċentrali, relatati mal-ippjanar tas-sistemi tat-trasport bħar-riforma tas-servizz tat-trasport pubbliku, l-upgrading tal-venda tal-Belt, it-tkabbir tal-Park and Ride tal-Furjana u l-lift il-ġdid tal-Barrakka ta' Fuq, li ġew ippjanati sabiex jinkoraġġixxu individwi li deħlin il-Belt biex jużaw mezzi tat-trasport li huma ambjentalment aktar sostenibbli. Min-naħa l-oħra vetturi tal-ġarr tal-merkanzija jistgħu jidħlu sal-parti tal-Ġnien ta’ Hastings minn ġewwa ż-żona pedonali f'ħinijiet speċifiċi. M'hemmx bżonn li jinfetħu żoni pedestrijanizzati.

MCAST — Diploma in Elderly Care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25202 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex fil-każ ta' applikanti għal carers fil-qasam tal-anzjani, persuni li jiksbu Diploma in Elderly Care permezz tal-istitut tal-MCAST ikollhom jirrepetu t-taħriġ ta' tmenin siegħa li jridu jiġu notifikati (logged) kif ukoll assignments li jkunu diġa' saru permezz tal-kors organizzat mill-MCAST? Jidhirlu l-Ministru li din id-duplikazzjoni fit-tħejjija ta' studenti hi ħalja fir-rigward ta' riżorsi umani u tkompli tiskoraġġixxi l-persuni li joffru s-servizz tagħhom lill-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ħa l-passi meħtieġa sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni fis-sens li d-Diploma fil-Kura tal-Anzjani mill-MCAST tibda tiġi aċċettata bħala rekwiżit validu fil-każ ta’ applikanti għal carers biex jaħdmu mal-kuntrattur.
Leg 11 PQ #25442 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — ħlas tas-sahra

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24564 u ċioe: Filwaqt li hu apprezzat l-isforz li qed jagħmlu l-forzi tal-ordni kollha f'pajjiżna wara l-iżviluppi serji fin-Nofsinhar ta' pajjiżna, waqt li l-Pulizija se jitħallsu tas-sahra li qed jaħdmu, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżommu milli jiġri l-istess fil-Forzi Armati ta' pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dawk is-suldati li kienu meħtieġa jaħdmu siegħat aktar mir-rutina normali tagħhom in konnessjoni mal-kriżi fil-Libja ser jirċievu l-allowances dovuti lilhom fir-rigward tas-siegħat ta’ xogħol li nzertaw fil-Ħdud filwaqt li ser jingħatalhom time off fir-rigward tas-siegħat żejda li ħadmu matul il-kumplament tal-ġranet li nzertaw matul il-Ġimgħa skond il-proċeduri stabbiliti.

prodotti gluten free fiċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jara li l-prodotti gluten free jibqgħu jiġu provduti f'kull spiżerija taċ-ċentri tas-saħħa u mhux f'uħud minnhom biss?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bl-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, is-servizz li se jibda jingħata mill-ispiżeriji fiċ-Ċentri tas-Saħħa se jinbidel sabiex primarjament jindirizza l-ħtiġijiet taċ-Ċentri tas-Saħħa nfushom kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ pazjenti li jinħtieġu mediċini urġenti permezz tal-kartuna r-roża. Peress li l-prodotti tal-ikel gluten free mhumiex mediċini, ma hemmx il-ħtieġa li jitqassmu minn spiżjara. Għaldaqstant ġie deċiż li jinstab post ċentrali minn fejn jitqassmu l-prodotti tal-ikel gluten free. Ġie identifikat l-ispazju okkupat mill-Ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkira. Dan sar bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u mas-Coelic Association of Malta. Is-servizz tat-tqassim tal-prodotti gluten free se jibda jiġi offrut bejn is-1.00 p.m. u s-7.30 p.m. kemm għaliex dan il-ħin huwa konvenjenti għal min jaħdem u anke sabiex ma jkunx hemm problemi ta’ parkeġġ viċin iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara fejn jarma s-suq fil-għodu f’ċerti ġranet.

Reġistrazzjoni tan-numri ta' telefon ċellulari

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24917, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba mill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li hemm talba sabiex kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat.

Ħamrun — Bdil ta' bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbidel il-bankina fit-triq arterjali Triq il-Kbira San Gużepp, Hamrun bejn il-Kappella tal-MUSEUM u Triq is-Santissima Trinita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-imsemmija triq mhix arterjali u lanqas distributorja u għalhekk ma taqax fir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

MCAST — Diploma in Elderly Care

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex persuni li jiksbu Diploma in Elderly Care permezz tal-istitut tal-MCAST ikollhom jirrepetu t-taħriġ ta' tmenin siegħa li jridu jiġu notifikati (logged) kif ukoll assignments li jkunu diġa' saru permezz tal-kors organizzat mill-MCAST? Jidhrilha l-Ministru li din id-duplikazzjoni fit-tħejjija ta' studenti hi ħalja fir-rigward ta' riżorsi umani u tkompli tiskoraġġixxi persuni li joffru s-servizz tagħhom lill-anzjani?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST fit-taħriġ tal-istudenti tad-Diploma in Elderly Care ma jirrepettux is-sigħat ta’ taħriġ. L-Onorevoli Interpellant jista’ jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Stallazjoni ta' lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il lift ġie stallat f'binja diġa' okkupata sena b'sena mill-introduzzjoni tal-iskemi rispettivi mill-Awtorità tad-Djar fis-snin disgħin f': a) binja tal-gvern; u b) residenzi ta' persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Floriana Senior Citizens — kera fuq użu tal-post

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-gvern qed jitlob kera ta' €1800 fis-sena lill-Floriana Senior Citizens tal-użu tal-post f'Triq San Publju, Furjana, jista' l-Minsitru jgħid kif ġie kkalkulat dan l-ammont sostanzjali? Peress li hemm NGOs li ilhom jagħtu kontribut lill-ġid komuni mindu twaqqfu, saħansitra jagħmlu tajjeb għal nuqqas ta' servizz mill-gvern fejn fil-Furjana m'hemmx day centre u għalhekk il-post irid ikun ċentrali u aċċessibbli, hemm xi mezz sabiex ikollhom sussidju fuq din il-kera?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kera tal-fond li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant, ġiet ikkalkulata mill-Perit tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, wara li dan ħa in konsiderazzjoni l-kobor u l-lokazzjoni tal-post. Madanakollu, se nitlob lill-Kummissarju tal-Artijiet, biex jikkonsidra jistax jirrevedi din il-kera għar-raġunijiet imsemmija f’din id-domanda.

ħaddiema Maltin irreġistrati l-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati ħaddiema Maltin fil-Libja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx minħabba l-fatt li ħaddiema reġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, jkunu jidhru taħt isem kumpaniji reġistrati f’Malta, u ma jinkludux il-plan of work tagħhom.

taħdidiet mal-Gvern Taljan — tħassib dwar l-iżvilupp ta' energija nukleari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk fit-taħdidiet bilaterali mal-Gvern Taljan fl-aħħar snin, jirriżultax li pajjiżna wera tħassib dwar l-iżvilupp ta' energija nukleari fin-Nofsinhar tal-Italja, reġjun fejn hu magħruf li l-attività siżmika hi għolja?

Response (BORG, TONIO)

Ma sarx kuntatt bilaterali żda fil-Kunsill tal-Ministri Malta sostniet l-inizjattiva tal-Kummissarju tal-Enerġija Oettinger dwar "stress tests" għal stazzjonijiet nukleari.

Reġistrazzjoni tan-numri ta' telefon ċellulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li biex titnaqqas il-kriminalità f'pajjiżna, kulmin għandu telefon ċellulari jkollu jirreġistra n-numru tiegħu biex b'hekk kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat, anke jekk jibqa' d-dritt li n-numru jitħalla mhux magħruf għal min jirċievi t-telefonati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mhix il-kompetenza tal-Awtorità tal-Kommunikazzjoni li titratta kwistjonijiet fil-qasam kriminali.