Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema — priorità f'kirurġija elettiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx mezz li ħaddiem fis-Servizz Pubbliku jingħata prijorità f'kirurġija elettiva sabiex il-ħaddiem ikun jista' jerġa' lura għal dmirijietu mill-aktar fis?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma hemmx mezz li ħaddiem fis-Servizz Pubbliku jingħata priorità f' kirurġija elettiva fuq pazjenti oħra. Il-prijorità hija ibbażata fuq deċizjoni klinika.

Pazjenti li jitwasslu f'Ċentri tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28225, minħabba nuqqas ta' tobba, jista' l-Ministru jgħid jekk ikunx possibbli li pazjent jitwassal fiċ-Ċentru tas-Saħħa biex ikun jista' jiġi eżaminat u kkurat mit-tabib hemmhekk? Jappreza li dan jgħodd b'mod partikolari fejn jgħixu anzjani li ma jsuqux vetturi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja m’għandux il-faċilità biex il-pazjent jinġieb mid-dar għaċ-ċentru tas-saħħa. F’każ li t-tabib wara li jkun ikkonsidra il-mertu taċ-ċirkostanzi jiddeċiedi li jattendi, dan imur personalment fid-dar tal-pazjent. L-anzjani u nies house bound dejjem ingħataw prijorità u kunsiderazzjoni kemm fil-ħin normali u anke fil-ħin ta’ emerġenzi biss.

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u Income tax — single parents

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28060, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-3,513 single parent reġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni ddikjaraw dħul part-time?

Response (FENECH, TONIO)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dak li hu popolarment magħruf bħala part-time mhux dejjem jaqbel ma’ dak li hu rikonoxxut bħala tali mil-liġi tat-taxxa. Skont il-liġi tat-taxxa, biex wieħed jikkwalifika għar-rata ta’ 15%, fost kundizzjonijiet oħra, irid ikollu impjieg full-time jew ikun student full-time jew ikollu dħul minn pensjoni. Min ma jkollux dħul bħal dak imsemmi ma jistax jikkwalifika għar-rata ta’ 15% - anki jekk id-dħul tiegħu jkun ġej minn impjieg jew negozju li ma jkunx full-time . Ninsab infurmat illi fis-sena bażi 2010 kien hemm 329 single parents li, minbarra d-dħul mill-impjieg full-time jew mill-pensjoni, kellhom dħul li skont il-liġi kien jikkwalifika bħala part-time . Però seta’ kien hemm numru ieħor ta’ single parents li kellhom income li ma kienx minn xogħol full-time imma li għall-iskopijiet tal-liġi tat-taxxa ma jikkwalifikax bħala part-time għax jitqies bħala ‘main’ income.

Furjana — Triq Sant' Anna - soluzzjoni rigward l-istallar ta' lift fl-appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx soluzzjoni rigward l-istallar ta' lift fl-appartamenti tal-Gvern f'1 Triq Sant'Anna, Furjana peress li dan hu l-uniku blokk flats taħt il-loġoġ li għadu bla lift? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jsir dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta kienet saret applikazzjoni mill-inkwilini tal-fond imsemmi, ma kinitx instabet soluzzjoni mal-MEPA għall-istallazjoni tal-lift. Madwar sitt snin wara, kien instab kompromess mal-istess MEPA għall-istallazjoni tal-liftijiet fi blokki oħra simili fil-viċin. Minħabba tibdil fil-ċirkustanzi, għalhekk, l-Awtorità tad-Djar tħeġġeġ lill-inkwilini tal-fond javviċinawha sabiex ikun jista’ jiġi nstallat lift fil-binja tagħhom ukoll.

Persuni b'diżabilità — rebate tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28193 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il persuna b'diżabilità li timpjega carer full-time tibbenefika minn rebate tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali bħala employer? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità, b'lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni b’diżabilità li jimpjegaw carer full-time u li bbenefikaw minn tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtá soċjali sa issa kien ta’ 258. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji skont il-lokalitá. Din l-informazzjoni ma tkoprix is-sena li qegħdin fiha minħabba li l-applikazzjonijiet dwar l-2011 normalment jinġabru fil-bidu tal-2012.

Persuni b'diżabilità — rebate tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28194 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il persuna b'diżabilità li timpjega carer full-time u li tibbenefika minn rebate tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali bħala employer timpjega carer Malti u barrani separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29349.

Benefiċċju tal-Kartuna s-Safra

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 28187 u fid-dawl taż-żieda sostanzjali fin-nefqa rikorrenti fuq mediċini din is-sena, għall-fini ta' sostenibilità, jista' l-Ministru jara li tingħata din l-informazzjoni skont l-aħħar żewg numri tal-Karta tal-Identità tal-benefiċċjarju tal-Iskeda V peress li dawn jirriflettu s-sena tat-twelid? Kemm hemm min għandu l-kartuna s-safra bħala total u fost dawn kemm hemm min għandu numru tal-identità li jispiċċa bin-numri 50 jew iżgħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sfortunatament bħalissa ma jeżisti l-ebda rapport fid-database tal-Ħames Skeda, li jista' jagħti l-informazzjoni mitluba.

Microwind Turbines u imtieħen rurali tradizzjonali

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28190 jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sew Microwind Turbines kif ukoll imtieħen rurali tradizzjonali? X'għajnuna sabu biex ġew stallati u mantnuti rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement hemm 13-il turbina tar-riħ fuq livell industrijali li kienu notifikati jew awtorizzati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Minn dawn it-tlettax-il turubina, ħamsa minnhom ibbenefikaw jew se jibbenefikaw taħt il-Miżura 121, ‘Immodernizzar ta’ strutturi agrikoli’ bħala parti minn talba aktar wiess’ tagħhom. Rigward l-irdieden li kienu jintużaw mill-bdiewa biex ikunu jistgħu jtellgħu l-ilma (Chicago Type Wind Pumps), ninsab infurmat li ma jeżistux records ta’ kemm hawn. Biss ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inbeda studju biex ikun mistħarreġ l-potenzjal li dawn jkunu restawrati u konvertiti biex jiġġeneraw l-elettriku. S’issa dan l-istudju kopra 51 minn dawn l-istrutturi primarjament fl-inħawi tar-Rabat, Ħad Dingli u l-iMġarr... Preżentement qed isiru provi fuq waħda minnhom li ġiet rikondizzjonata. Ninsab ukoll infurmat li f’ Għawdex ġiet imnieda skema rigward dawn l-irdieden.

tneħħija tal-liċenzji lis-sidien tal-karozzi tal-linja — kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u meta tħallas il-kumpens u lil kemm individwi, wara t-tneħħija tal-liċenzji tal-karozzi tal-linja? Kemm fadal u meta se jitħallas il-bilanc li għad fadal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-somma globali dovuta lis-sidien tal-karozzi tal-linja ta’ Malta jammonta għal €54,347,683. Minn din is-somma l-ammonti kollha tħallsu minn barra f’dawk il-każi fejn: · hemm proċeduri legali għaddejin, li s-somma tlaħħaq l-ammont ta’ €1,051,129.76; u · f’każijiet fejn is-sidien ma rritornawx id-dokumenti mitluba, s-somma dovuta lilhom tammonta għal €289,697,27. Infurmat ukoll li fir-rigward ta’ sidien tal-karozzi tal-linja ta’ Għawdex l-ammont globali dovut lilhom jammonta għal €3,120,000, li s’issa tħallsu terz tal-kumpens li jammonta għal €1,036,671. Minn dawn sid wieħed biss għadu ma tħallasx minnħabba proċeduri legali. Il-kumplament se jitħallas f'żewġ pagamenti fis-sentejn li ġejjin.

Trasport pubbliku għall-Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Arriva hijiex konxja li ma tipprovdix servizz għal min ikun sejjer il-Pixxina Nazzjonali ta' pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Pixxina Nazzjonali hi servuta b'rotta numru 110 li tibqa' sejra lejn il-Marsa Park and Ride, Sta.Venera, Fleur De Lys, Ta' Paris, Swatar, Mater Dei, San Ġwann, Ta' Ġiorni, Gżira u Sliema kull siegħa. Bejniethom, Marsa Park & Ride u Mater Dei huma konnessi ma' Malta kollha.

immigranti — informazzjoni updated ta' fejn ikunu joqogħdu

Question

B'referenza għall-immigranti fl-open centers kif ukoll dawk li qed jgħixu fil-komunità, jista' l-Ministru jgħid kif tiġi updated l-informazzjoni dwar fejn qed joqogħdu? Japprezza li din l-informazzjoni hija meħtieġa għal min ikun irid jinforza l-liġi f'pajjiżna, b'mod partikolari l-Pulizija u l-Qrati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10890.

Qorti — Kawżi diferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija jkun diġa' riżultalha li kawża l-Qorti tkun se tiġi differita jew tkun saħansitra diġa' ġiet irtirata għaliex (i) jiġu mħarrka xorta x-xhieda; (ii) ma jiġux mgħarrfa x-xhieda li ma jkollhomx għalfejn jidhru quddiem il-Qrati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mhix il-prattika tal-Pulizija li tħarrek xhieda għal kawża quddiem il-Qorti meta l-Pulizija jkollha informazzjoni minn qabel mill-awtorita` kompetenti li din il-kawża mhux se ssir. Infurmat ukoll illi sa fejn dan ikun possibbli, il-Pulizija tagħmel ħilitha sabiex tinforma bl-kull avviż ta' differiment lix-xhieda hekk notifikati sabiex ma jidhrux il-Qorti.

Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta — direttorju tat-telefown

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta, jara li jkun ippubblikat direttorju tat-telefown aġġornat qabel ma jilħqu jgħaddu tmien snin mill-aħħar wieħed fl-2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fid-deċizjoni tagħha ta' April 2010, l-MCA stiednet entitajiet li huma interessati jipprovdu d-direttorju tat-telefon fuq linja fissa, biex jissotomettu l-espressjoni tal-interess tagħhom sat-30 ta' Ġunju 2010. L-awtorità irċeviet tlett applikazzjoniet iżda minħabba numru ta' nuqqasijiet, it-tliet applikanti ġew skwalifikati f'Awwissu 2011. Peress li fid-deċizjoni imsemmija aktar kmieni hemm stipulat li f'każ li ma jkunx hemm espressjonijiet ta' interess, jew l-applikazzjonijiet ma jkunux validi, GO plc għandha tiġi awtomatikament maħtura biex tipprovdi dan is-servizz universali, l-MCA immedjatament bdiet tiddiskuti ma' GO plc biex jigi stabilit kif dan is-servizz sejjer jiġi pprovdut. Bħalissa dawn id-diskussjonijiet qegħdin f'livell avvanzat, u l'Awtorita' qed tagħmel l-għalmu tagħha kollu biex dan is-servizz jiġi pprovdut fi żmien qasir, imma jrid jiġi ikkunsidrat il-kumplessita' u l-ispejjeż sostanzjali li hemm involuti biex dan is-servizz jiġi provdut.
Leg 11 PQ #28205 Sitting 397 2011-10-25 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Minsteru għal Għawdex — spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-bjut ta' dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex għandhom spazju totali ta' madwar 45,700 metru kwadru. Dan l-ispazju mhux kollu hu adattat għal photovoltaic cells. L-ispazju f'persentaġġ li għandu l-photovoltaic cells jammonta għal 1.25% tal-ispazju kollu inkluż dak li ma hux ikkunsidrat adattat għal dan l-iskop. F'dawn l-aħħar xhur saret installazzjoni ta' 20KW Peak fuq il-bejt tal-Iskola Sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ ta' Għawdex u nħarġet offerta għall-installazzjoni ta' 40KW Peak.

Exports bħala ships and aircraft stores

Question

Skont statistika tal-NSO dwar kummerċ internazzjonali (168/2011) iż-żieda qawwija fl-exports bħala ships and aircraft stores fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena minbarra ż-żieda fil-mineral fuels, lubricants and related materials, jista' l-Ministru jispjega x'tinkludi? Tinkludi servizzi ta' ħazna tagħhom? Tinkludi servizzi ta' ship u aircraft repairs? Fil-fatt dawn jinkludu pagamenti dovuti minn sorsi tan-NATO?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi spjega dettaljata ta’ x’jinkludi ships and aircraft stores qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett tal-interconnector mal-Italja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal- interconnector mal-Italja? Meta hu maħsub li jitlesta? X'penali hemm jekk ma jitlestiex fiż-żmien stipulat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ġiet mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28118. L-informazzjoni dwar il-penali ma tistax tingħata peress li hija kummerċjalment sensittiva.

Nuqqas tas-Servizz ta' trasport lejn u miċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jirrealizza l-Ministru li n-nuqqas ta' servizz ta' trasport mir-residenza lejn iċ-ċentri tas-saħħa u lura qiegħed iżid in-numru ta' pazjenti li jkollhom bilfors imorru l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Kif qiegħed ninterpreta l-mistoqsija, qiegħed nassummi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirrifieri għas-servizz ta’ trasport pubbliku. Jekk dan huwa il-każ, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru konċernat.

Sigurtà fuq mezzi tat-trasport tal-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kontrolli ta' sigurta' qed isiru fuq mezzi ta' trasport użati mill-emergenza tal-Isptar Mater Dei? Japprezza li huma nieqsa minn roadworthiness minbarra cinturini li jinqaflu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sewwieqa kollha tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei kienu għamlu kors ta’ Defense Driving biex ikunu jistgħu jsuqu l-ambulanzi. L-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei huma kollha attrezzati biċ-ċinturini tas-sigurtà u fl-istess ħin kull sena jsir il-VRT fuq kull vettura. Jekk ambulanza ma tgħaddix mill-VRT, l-ambulanza ma tkunx tista’ toħroġ fit-triq.

Tindif tal-Bajja ħdejn il-Casino f'San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tnaddfet l-aħħar qabel il-Ħadd, 18 ta' Settembru, 2011 l-bajja pubblika biswit il-Casino f'San Giljan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tindif tal-bajja pubblika ħdejn il-Casino f'' San Ġiljan jsir kulljum mid-Direttorat għat-Tindif. F'din il-bajja hemm 14-il kontenitur kif ukoll kontenituri oħra biex jista’ jintrema fihom il-faħam wara l-BQ's. Dawn il-kontenituri jitbattlu kuljum inkluż is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-Festi.