Legislature:
Category:
Reset
Active:

Price index għall-konsumaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx linji gwidi f'forma ta' price index bħal fil-każ tar-Renju Unit, li bihom konsumaturi ta' servizzi fi djarhom ikollhom ħjiel ta' kemm huma dovuti jħallsu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kumpanija Go — skeda tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorità tal-Komunikazzjoni issa li l-istazzjoni Calypso Music sar GIO (General Interest Objective) biex il-kumpanija Go takkomoda spazju fuq l-iskeda tat-TV tagħha lil xi stazzjoni lokali li għamel upgrade tas-servizz tiegħu bħal fil-każ tal-UTV?

Response (GATT, AUSTIN)

Infurmat li r-rwol ta’ l-MCA hija li tassenja l-frekwenza fir-rigward tal-GIO (‘General Interest Objective’) kif ukoll li tistabbilixxi l-kriterji fir-rigward ta’ l-obbligi tal-‘Must Carry’ u timplimenta l-istess. Fil-kuntest tal-qafas regolatorju li allura jorbot lill-MCA fil-qadi ta’ ħidma tagħha, mhuwiex il-kompitu tal-MCA li: · Hi taghmel is-selezzjoni ta’ dawk l-istazzjonijiet li ser jitqiesu li huma GIO jew tiddetermina kemm stazzjonijiet għandhom jaqgħu taħt din il-kategorija. · Tordna u/jew tindaħal fil- line-up kummerċjali tal-operaturi tat-TV. Din hija deċiżjoni purament kummerċjali ta’ l-istess operaturi tat-TV.

Skola primarja San Ġorġ Preca fil-Ħamrun — rwejjaħ qawwija ta' drenaġġ

Question

Tista' l-Minisru għid għaliex mhix tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li hemm fl-iskola primarja San Ġorġ Preca f'Triq Ġuża Pace Ħamrun peress li minbarra tiolets maħmuġin, qed ikum hemm rwejjaħ qawwija ta' drenaġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta inqalgħet il-problema tar-riħa ta’ drenaġġ fl-iskola, is-surmast mill-ewwel irrefera l-każ lill-Precincts Officer li min naħa tiegħu bagħat il-ħaddiema tiegħu. Dawn għamlu x-xogħol meħtieġ fuq il-katusi tad-drenaġġ biex ġiet solvuta l-problema. Il-Precincts Officer spezzjona x-xogħol u kkonferma li l-problema tal-irwejjaħ ġiet solvuta. Rigward l-allegazzjoni li t-toilets huma maħmuġin, il-monitoraġġi kollha li saru wrew li dan mhux minnu. L-indafa tat-toilets tingħata prijorita’ kemm mill-Amministrazzjoni tal-iskola, kif ukoll mill- Precincts Officer li jżur l-iskejjel regolarment biex jassigura l-livell għoli ta’ indafa.
Leg 11 PQ #38305 Sitting 528 2012-11-26 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — ingaġġ ta' nisa

Question

Fir-rigward tat-tul rikjest għall-ingaġġ ta' nisa fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 5 snin, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien it-tul rikjest f'kull sejħa f'dan il-perjodu? Għaliex dan inbidel minn żmien għal żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi it-tul rikjest matul dawn l-aħħar ħames snin sabiex nisa setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kien kif ġej: 2008 - ma kienx hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet 2009 - 1.65m 2010 - 1.65m 2011 - 1.70m 2012 - 1.70m Ta’ min jghid illi t-tul huwa element importanti kemm għad-dehra kif ukoll għan-natura tax-xogħol tal-Pulizija. Għaldaqstant inħass illi t-tul rikjest għall ingaġġ ta’ pulizija għandu jkun l-istess kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

tlaqqim kontra virus

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitlaqqmu l-bniet kontra l-virus li jħassar is-cervix?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm appell pendenti quddiem il-Kumitat tal-Appelli dwar it-tilqima għall-prevenzjoni tal-kanċer ċervikali fil-bniet. Qabel ma tingħata deċiżjoni ma jistax jitkompla l-proċess tax-xiri ta’ din it-tilqima.

tilqima kontra l-meningitis

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-batch il-ġdid tat-tilqima kontra l-meningitis, hux se jkun inkluż il-Meningococcal B strain f'prodott approvat dan l-aħħar - 4CMenB, peress li l-B strain hu l-aktar komuni u virulenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tilqima kontra l-meninġite li tinsab fil-formularju tal-Gvern tilqa’ kontra l-gruppi A, C, W135, u Y. Ma kien hemm l-ebda talba għad-dħul ta’ 4CMenB fil-formularju tal-Gvern. Importanti jingħad li l-vaċċin 4CMenB għadu fl-istadju ta’ provi kliniċi u għaldaqstant għadu ma ġiex illiċenzjat.

paramediċi — direttivi

Question

Fl-azzjonijiet industrjali kontemporanji li fihom paramediċi mhumiex jikkomunikaw ma' pazjenti, f'każ fejn dan jista' jkun ta' dannu għall-pazjent, bħal fil-każ li jrid jiġi spjegat verbalment minnufih li tinbidel doża wara li jiġi eżaminat id-demm fl-Anticoagulant Clinic, jista' l-Ministru jgħid il-ħaddiema humiex eżenti milli jsegwu d-direttiva tat-trejdunion tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-paramediċi li qed issir referenza għalihom ma jikkomunikawx mal-pazjent dirett imma mat-tabib preżenti. Huwa tajjeb li jingħad li anke waqt id-direttiva tat- trade union tagħhom, riżultati abnormali ġew ikkomunikati mat-tabib preżenti biex issir żgur li ma jkun hemm l-ebda dannu għall-pazjent.

xogħol ta' binja

Question

JIsta' l-Ministru jgħid ingħatax it-tender biex binja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tiġi finished minn ġewwa? Meta se jinbeda dan ix-xogħol?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ghaddiet it-tender dwar il-finishing tal-binja msemmija lid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-5 ta’ Settembru, 2012 ghall-publikazzjoni. Din giet ippublikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-Gazzetta tal-Gvern fid-9 ta’ Novembru, 2012 u taghlaq fl-20 ta’ Dicembru, 2012. Ix-xoghol mistenni jibda ftit gimghat wara li jaghlaq il-perijodu tal-appelli fil-process tal-ghazla.

ilment dwar alternanza qawwija fil-vultaġġ tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid residenti l-Belt li jkollhom alternanza qawwija fil-vultaġġ tal-elettriku fil-ħinijiet differenti tal-ġurnata u tal-ġimgħa minħabba li hemm tant bini amministrattiv u kummerċjali, x'protezzjoni qed jingħatalhom? Saru talbiet għal kumpens minħabba li jinħarqu appliances minħabba f'hekk?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għemmieri — tkattir tal-għasafar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34906, 34074 u 33814 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda l-proġett tat-tkattir tal-għasafar tal-għana fl-Għemmieri f'Malta u f'Għawdex; x'inhu l-iskop ta' dan il-proġett, kemm-il speċi ta' għasafar tal-għana qed jitkattru u x'kienu r-riżultati ta' dan il-proġett? Kemm intnefqu flus s'issa fuq dan il-proġett u hemm ħsieb ta' xi għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea għalih?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

informazzjoni dwar smart meters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35345 u cioè: Fir-rigward tal-istallazzjoni u t-tħaddim tal-ismart meters tal-elettriku u l-ilma, jista' l-Ministru jgħid, f'liema lokalitajiet dawn ġew stallati u qed jitħaddmu fir-rigward tal-elettriku u l-ilma, f'liema lokalitajiet qed jiġu stallati bħalissa l-ismart meters tal-elettriku u tal-ilma u meta hu maħsub li jibdew jitħaddmu kemm dawk tal-elettriku kif ukoll dawk tal-ilma, u f'liema lokalitajiet hu ppjanat li jiġu stallati u mħaddma wara dawn li qed jiġu stallati bħalissa? Kemm s'issa ġew stallati, x'inhi l-ispiża għall-istallazzjoni u min qed jagħmel tajjeb għaliha? X'kienu r-riżultati miksuba s'issa minn din is-sistema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Belt, Furjana, Kottonera u Imdina — Tindif ta' swar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35927 u jgħid kemm-il metru kwadru ta' swar ġie mnaddaf fl-aħħar snin fil-Belt, il-Furjana, l-Kottonera u l-Imdina, sena b'sena, lokalità b'lokalità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. Nixtieq nispjega lill-Onor.Interpellant li xogħol relatat mal-proġett ta’ restawr imur lil hemm min tindif, u jikkonsisti wkoll fi trattament ta’ ġebla, bdil ta’ ġebel u saħansitra tisħiħ struturali ta’ partijiet mis-swar li kienu saħansitra qed jikrollaw minħabba l-istat ħażin li kienu fiħ.

benefiċċju għal single mothers

Question

B'referenza għal single mother li taħdem full-time u għandha iben ta' età minorenni b'diżabilità serja, jista' l-Ministru jgħid x'benefiċċji soċjali hi/huma intitolati għalihom?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjura li hija single mother u li taħdem full time tista’ tapplika għall-Allowance għat-tfal kif ukoll għall-Allowance tat-tfal b’Diżabilita’ sakemm it-tifel jagħlaq l-erbatax (14) il-sena (fil-każ li jbati minn vista batuta) jew is-sittax (16) il-sena f’każ ta’ diżabilita’ fiżika jew intellettwali. Wara dawn l-etajijiet, minflok allowance tat-Tfal u Allowance għal tfal b’diżabilita’, l-omm tista’ tapplika għal Pensjoni tad-Dizabilita’ f’isem it-tifel. Jista’ jkun ukoll li l-omm tkun intitolata għal Karta r-Roża minħabba d-diżabilita’ tat-tifel, għalkemm dan id-dritt jista’ jkun dipendenti fuq test tal-mezzi.

cancer fit-thyroid — radiotherapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti fil-cancer fit-thyroid qed jiġi rakkmandat lilhom li r-radiotherapy issirilhom barra minn Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li il-kamra lesta u l-appuntamenti għall-kura tar-radioactive therapy diga’ ngħataw, u se jibdew mit-3 ta’ Diċembru 2012. Se nibdew nikkuraw erba’ (4) pazjenti fil-ġimgħa minflok pazjent wieħed fil-ġimgħa, kif kien qabel ma beda x-xogħol. Sakemm kien għaddej ix-xogħol f’din il-kamra, il-pazjenti kienu qed jintbagħtu barra għall-kura u b’hekk is-servizz baqa għaddej.

Qtar tal-Għajnejn Betoptic out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jkun in stock il-qtar tal-għajnejn Betoptic (active ingredient betaxolol hydrochloride)? Jista' jintuża qtar alternattiv fil-frattemp?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-qtar tal-għajnejn Betoptic (active ingredient betaxolol hydrochloride) huwa mistenni li jkun in stock għall-ewwel ġimgħa ta' Diċembru, jew qabel.

xiri ta' appartament

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu jistgħi jixtru l-appartament tal-gvern ir-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Blokk ta’ appartamenti li jinsab fl-indiriżż li d-dettalji tiegħu ntbaghtu separatament jinsab fuq art li hija proprjetà tal-Gvern. Għaldaqstant, kemm il-darba r-residenti ta’ dan il-Blokk jixtiequ jixtru l-appartament tagħhom iridu l-ewwel jagħmlu t-talba lill-Awtorità tad-Djar.

Meals on Wheels — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għal Meals on Wheels fil-lokalità tal-Furjana li għadhom ma ġewx mogħtija dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm sebgħa (7) persuni li joqogħdu l-Furjana li qegħdin fuq il-waiting list biex jirċievu s-servizz tal-Meals-On-Wheels. Ta’ min jgħid li kemm ilu jsir l-ikel ġewwa San Vinċenz de Paul, id-domanda kompliet tikber. Is-sena l-oħra lħaqna record ta’ madwar 90,000 ikla. Dawn l-aħħar ġimgħat żdied van ieħor biex jinqdew aktar nies. Sa dan it-tant, qed jittieħdu passi biex ikunu jistgħu inqdew aktar nies.