Legislature:
Category:
Reset
Active:

Smart Meters li mhux qed jagħtu informazzjoni dwar konsum

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’informazzjoni għandu dwar Smart Meters li mhux qed jagħtu informazzjoni dwar konsum fir-residenzi (mhux jipprovdu remote information)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm minn dawn is-Smart Meters mhux qed jagħtu din l-informazzjoni dwar konsum, lokalità, b’lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Intrerpellant għandu jkun infurmat li Enemalta plc għandha tim speċjalizzat li jaħdem sabiex meta jkun hemm diffikultajiet bħal dawn, tittieħed azzjoni mill-aktar fis u jitnaqqas l-inkonvenjent lill-klijenti.

Enemalta – Smart Meters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet u x’miżuri qed jittieħdu biex jara li l-iSmart Meters kollha jipprovdu l-informazzjoni kollha lill-Enemalta dwar il-konsum u allura jipprovdu remote information?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta plc għandha tim speċjaliżżat li jaħdem sabiex meta jkun hemm diffikultajiet fl-operat tal-ismart meters, tittieħed azzjoni mill-aktar fis u jitnaqqas l-inkonvenjent lill-klijenti. Minbarra l-miżuri tekniċi rakkomandati mill-kumpanija li tipproduċi s-sistema, permezz tar-riċerka kontinwa, l-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta identifikaw ukoll diversi inizzjattivi oħra li qed jgħinu biex minn sena għal oħra l-użu tal-i smart metres ikun dejjem aktar effettiv.

Smart Meter — Residenzi jew negozji li m’għandhomx smart meters installati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammont ta’ kemm hawn djar u/jew negozji li għad m’għandhomx Smart Meter installat madwar Malta u Għawdex, lokalita b’lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta installat smart meters tista’ tgħid lill-klijenti kollha tagħha u bħalissa għaddejja b’ħidma sabiex tibdel persentaġġ żgħir ta’ meters li għal xi raġuni jew oħra għadhom ma nbidlux. Ħafna minn dawn il-każi jinkludu propjetajiet ma jintużawx, aktarx antiki, li Enemalta jkun għadha ma rnexxiliex tikseb aċċess għalihom. Sabiex tibdel dawn l-aħħar ftit meters antiki, Enemalta ilha għal dawn l-aħħar snin tieħu diversi miżuri. Minbarra li allokat aktar riżorsi umani sabiex il-proċess tal-bdil tal- meters ikompli jitħaffef, Enemalta qed tibgħat ittri, messaġġi u fejn hemm bżonn anke ċċempel lill-klijenti sabiex tingħata aċċess għall-propjetajiet fejn hemm bżonn isir bdil tal- meter . Dan il-proġett huwa wieħed kontinwu peress li s-sistema teħtieġ manutenzjoni, kontroll u monitoraġġ kuljum sabiex tkun tista’ topera kif mixtieq. Jekk hemm xi klijenti li għad baqagħlhom xi meter antik fil-propjetajiet tagħhom, jistgħu jikkuntattjaw lil Enemalta plc fuq 8007 2224 jew customercare.em@enemalta.com.mt sabiex jingħatalhom appuntament għal smart meter ġdid bla ħlas.

Smart Meter – Servizz lir-residenzi u negozji kollha

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra sa meta huwa l-pjan li r-residenzi u/jew in-negozji kollha fil-pajjiż, ikunu pprovduti bis-servizz ta’ Smart Meter?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 957.

Night tariff

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux il-ħsieb tal-Gvern li jdaħħal night tariff? Lil min se tkun provduta n-night tariff – residenzi u negozji jew residenzi biss jew negozji biss?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li n-night tariffs għall-klijenti non-residenzjali ilhom li ddaħħlu fis-seħħ diversi snin. Il-proposta li f’Malta jkun hawn night tariffs għal klijenti residenzjali kienet qed tiġi kkunsidrata qabel l-2013 biex ittaffi l-problema tat-tariffi għoljin, fi żmien meta Malta kellha waħda mill-ogħla tariffi tal-elettriku fl-Ewropa. Permezz ta’ din il-proposta, ir-residenzi kien ser ikollhom tariffi irħas jekk jużaw l-elettriku tard bil-lejl. Din is-sitwazzjoni nbidlet fl-2014 u fl-2015, meta t-tariffi tal-elettriku f’Malta raħsu b’25 fil-mija mhux biss bil-lejl, iżda 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. B’hekk il-familji Maltin bdew igawdu minn fost l-irħas tariffi tal-enerġija fl-Ewropa.

Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba kien hemm qtugħ fil-provvista tad-dawl mill-21 ta’ Ġunju 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti din l-informazzjoni lokalità, lokalità, bid-data, għal kemm ħin dam maqtugħ id-dawl u liema Sub-Stations kienu affetwati u kienu invouti f’dan il-qtugħ ta’ dawl?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li matul dawn l-aħħar erba’ snin Enemalta plc wettqet investiment li jlaħħaq mal-€100 miljun sabiex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku billi żżid il-konnessjonijiet għal aktar flessibilità, tilqa’ għaż-żieda fid-domanda u tibdel apparat antik li kien ilu ma jinbidel għaxieren ta’ snin. B’riżultat ta’ din il-ħidma li kkordinaw u wettqu l-ħaddiema ta’ din il-Kumpanija, il-ħin ta’ qtugħ ta’ provvista għall-klijenti f’Malta u Għawdex naqas b’61 fil-mija meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel beda dan l-investiment, fl-2013.

Heritage Buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-Gvern, tramite Transport Malta, li jingħataw liċenzji lil dawk li qed jissejħu Heritage Buses? Hemm ħsieb ta’ kemm se jingħataw minn dawn il-liċenzji lil Heritage Buses? Jista’ jgħid jekk sarx xi studju dwar il-ħtieġa ta' dawn il-liċenzji u jista’ jgħid jekk tali studju indikax kemm hemm bżonn minn dawn l-liċenzji għas-suq Malti u Għawdxi? Jekk se tingħata konċessjoni għal tali liċenzji, jista’ jgħid għal kemm-il sena se tkun din il-konċessjoni? Jekk se tingħata liċenzja lil dawn il-Heritage Buses, dawk il-buses li kienu ħadu s-somma biex jirtiraw mil-linja, se jkunu qed jintalbu biex jagħtu s-somma lura, f'każ li jingħataw l-liċenzja biex joperaw mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Trasport Pubbliku — trips nieqsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nhar it-3 ta' Ġunju kien hemm 121 trip nieqsa tal-karozzi tal-linja mir-rotot madwar Malta? Jista’ jikkonferma jekk kienx hemm 11-il karozza tal-linja li kellhom joperaw bla arja kundizzjonata? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li kien hemm każi fejn passiġġiera niżlu minn fuq dawn il-karozzi tal-linja? X'passi se jittieħdu fil-konfront tal-operatur fuq dawn in-nuqqasijiet fis-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.